|
Il-missjoni fil-qalba tal-fidi
Nisranija
Għeżież ħuti,
Din is-sena wkoll il-Jum Dinji
Missjunarju qed isejħilna madwar
il-persuna ta’ Ġesù, “l-ewwel u
l-ikbar evanġelizzatur” (Pawlu
VI, Eżortazzjoni appostolika
Evangelii nuntiandi, 7), li
kontinwament qed jibgħatna
nxandru l-Vanġelu tal-imħabba
ta’ Alla l-Missier bil-qawwa
tal-Ispirtu s-Santu. Dan il-Jum
jistedinna nirriflettu mill-ġdid
fuq il-missjoni fil-qalba
tal-fidi Nisranija.
Fil-fatt, il-Knisja hi
min-natura tagħha missjunarja;
kieku ma kinitx hekk, ma kinitx
tkun iżjed il-Knisja ta’ Kristu,
imma għaqda fost ħafna oħra, li
ma ddumx ma tispiċċa titlef
l-iskop tagħha u tiġi fix-xejn.
Imma, aħna msejħin nagħmlu xi
mistoqsijiet li jmissu l-istess
identità Nisranija tagħna u
r-responsabbiltajiet tagħna li
nemmnu, f’dinja mħawda minn tant
illużjonijiet, miġruħa minn
frustrazzjonijiet kbar u mifnija
minn għadd ta’ gwerer bejn
l-aħwa li inġustament qed jolqtu
speċjalment l-innoċenti. X’inhu
l-fundament tal-missjoni?
Liema hi l-qalb
tal-missjoni? Liema huma l-atteġġjamenti
vitali tal-missjoni?
Il-missjoni u l-qawwa
trasformanti tal-Vanġelu ta’
Kristu, Triq, Verità u Ħajja
1.
Il-missjoni
tal-Knisja, iddestinata
għall-bnedmin kollha ta’ rieda
tajba, hi msejsa fuq il-qawwa
trasformanti tal-Vanġelu.
Il-Vanġelu hu Aħbar Tajba li
ġġorr fiha ferħ li jittieħed
għax għandha u toffri ħajja
ġdida: dik ta’ Kristu Rxoxt, li,
waqt li jagħtina l-Ispirtu
tiegħu li jagħti l-ħajja, isir
għalina Triq, Verità u Ħajja
(ara Ġw 14:6). Hu Triq li
tistedinna nimxu warajh
b’fiduċja u kuraġġ. Meta nimxu
wara Ġesù bħala t-Triq
tagħna, induqu l-Verità u
nirċievu l-Ħajja tiegħu,
li hi komunjoni sħiħa ma’ Alla
l-Missier fil-qawwa tal-Ispirtu
s-Santu, teħlisna minn kull
xorta ta’ egoiżmu u hi għajn ta’
kreattività fl-imħabba.
2. Alla l-Missier
jixtieq din il-bidla
eżistenzjali ta’ wliedu; bidla
li tesprimi ruħha bħala qima
fl-ispirtu u l-verità (ara Ġw
4:23-24), f’ħajja mmexxija
mill-Ispirtu s-Santu fix-xebh
tal-Iben Ġesù għall-glorja ta’
Alla l-Missier. “Il-glorja ta’
Alla hu l-bniedem ħaj” (Irinew, Adversus
hæreses IV,
20, 7).
Hekk, it-tħabbira
tal-Vanġelu ssir kelma ħajja u
effikaċi li twettaq dak li
xxandar (ara Is 55:10-11),
jiġifieri Ġesù Kristu, li
kontinwament jitlaħħam f’kull
qagħda umana (ara Ġw 1:14).
Il-missjoni u l-kairos ta’
Kristu
3.
Għalhekk
il-missjoni tal-Knisja mhix li
xxerred ideoloġija reliġjuża u
lanqas il-proposta ta’ etika
mill-aqwa. Ħafna movimenti
fid-dinja jafu jipproduċu ideali
għoljin jew espressjonijiet
etiċi notevoli. Permezz
tal-missjoni tal-Knisja, hu Ġesù
Kristu li jissokta jevanġelizza
u jaġixxi, u għalhekk hi
tirrappreżenta l-kairos,
iż-żmien it-tajjeb
tas-salvazzjoni fl-istorja.
Permezz tax-xandir tal-Vanġelu,
Ġesù jsir dejjem mill-ġdid
bniedem ta’ żmienna, biex min
jilqgħu bil-fidi u l-imħabba
jista’ jduq il-qawwa
trasformatriċi tal-Ispirtu
tiegħu ta’ Rxoxt li jagħmel
il-frott tiegħu fl-umanità u
l-ħolqien kif tagħmel ix-xita
fil-ħamrija. “Il-qawmien tiegħu
mhux ħaġa tal-imgħoddi; fih hemm
qawwa ta’ ħajja li daħlet u
xterdet mad-dinja. Fejn donnu
kollox mejjet, jerġgħu jispuntaw
minn kullimkien ir-rimjiet
tal-qawmien. Hi qawwa li m’hemmx
bħalha” (Eżortazzjoni
appostolika Evangelii gaudium,
276).
4.
Niftakru dejjem
li “bħala bidu għall-eżistenza
Nisranija m’hemmx xi deċiżjoni
etika jew xi idea għolja, iżda
hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’
Persuna, li tagħti lill-ħajja
orizzont ġdid u direzzjoni
deċiżiva” (Benedittu XVI, Ittra
enċiklika Deus caritas est,
1). Il-Vanġelu hu Persuna, li
kontinwament toffri ruħha u
kontinwament tistieden lil min
jilqagħha bil-fidi umli u
ħabrieka biex ikollu sehem
fil-ħajja tagħha permezz ta’
parteċipazzjoni effettiva
fil-misteru tal-Għid tal-mewt u
l-qawmien tagħha. Il-Vanġelu
għalhekk isir, permezz tal-Magħmudija,
għajn ta’ ħajja ġdida, ħielsa
mill-ħakma tad-dnub, imdawla u
mibdula mill-Ispirtu s-Santu;
permezz tal-Griżma, isir
dilka li ssaħħaħ u, grazzi
għall-istess Spirtu, juri toroq
u strateġiji ġodda ta’ xhieda u
qrubija; u permezz tal-Ewkaristija
jsir ikel tal-bniedem ġdid,
“duwa ta’ immortalità” (Injazju
ta’ Antjokja,
Epistula ad
Ephesios,
20, 2).
5.
Essenzjalment
id-dinja għandha bżonn
tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu. Hu,
permezz tal-Knisja, jissokta
l-missjoni tiegħu ta’
Samaritan it-tajjeb, jikkura
l-ġrieħi jdemmgħu tal-bnedmin, u
ta’ Ragħaj it-tajjeb,
ifittex bla waqfien lil min
intilef f’mogħdijiet imxebilka u
li ma jwasslu mkien. U
għall-grazzja ta’ Alla ma
jonqsux esperjenzi sinifikanti
li jagħtu xhieda tal-qawwa
trasformatriċi tal-Vanġelu.
Jiġini f’moħħi l-ġest ta’ dak
l-istudent Dinka li, bi prezz
għal ħajtu stess, ipproteġa
student tat-tribù Neur
iddestinat li jiġi maqtul.
Tiġini f’moħħi dik
iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika
f’Kitgum, fl-Uganda ta’ Fuq,
f’dak iż-żmien imxarrab bid-demm
mill-brutalità ta’ grupp ta’
ribelli, meta missjunarju ġagħal
lin-nies tirrepeti kliem Ġesù
fuq is-salib: “Alla tiegħi, Alla
tiegħi, għaliex tlaqtni?”, bħala
espressjoni ta’ karba ddisprata
tal-aħwa lil Kristu msallab. Dik
iċ-ċelebrazzjoni kienet
għan-nies għajn ta’ faraġ kbir u
tant kuraġġ. U nistgħu naħsbu
f’għadd bla tarf ta’ xhieda ta’
kif il-Vanġelu jgħinna negħlbu
l-għeluq, il-ġlied, ir-razziżmu,
it-tribaliżmu, u nippromovu
kullimkien u fost kulħadd
ir-rikonċiljazzjoni,
il-fraternità u l-qsim bejn
l-aħwa.
Il-missjoni tnebbaħ għal
spiritwalità ta’ ħruġ,
pellegrinaġġ u eżilju kontinwu
6.
Il-missjoni
tal-Knisja hi mmexxija minn
spiritwalità ta’ ħruġ
kontinwu. Dan ifisser li
“noħorġu mill-kumditajiet tagħna
u jkollna l-kuraġġ li nilħqu
l-periferiji kollha li għandhom
bżonn id-dawl tal-Vanġelu”
(Eżortazzjoni appostolika
Evangelii gaudium, 20).
Il-missjoni tal-Knisja tistimola
atteġġjament ta’ pellegrinaġġ
kontinwu lejn il-bosta
deżerti tal-ħajja, permezz
tad-diversi esperjenzi ta’ ġuħ u
għatx għall-verità u
l-ġustizzja. Il-missjoni
tal-Knisja tnebbaħ għal
esperjenza ta’ eżilju
kontinwu, biex insemmgħu
lill-bniedem għatxan
għall-infinit il-qagħda tiegħu
ta’ tturufnat f’mixja lejn
il-patrija finali, mifruxa bejn
id-“diġà” u l-“mhux għalissa”
tas-Saltna tas-Smewwiet.
7.
Il-missjoni qed
tgħid lill-Knisja li hi mhix
fini fiha nfisha, imma hi għodda
umli u medjazzjoni tas-Saltna.
Knisja awtoreferenzjali, li
toqgħod tiggosta s-suċċessi
tagħha fuq din l-art, mhijiex
il-Knisja ta’ Kristu, il-ġisem
mislub u glorjuż tiegħu. Hu
għalhekk mela li jeħtieġ
nippreferu “Knisja miġruħa,
feruta u maħmuġa għax toħroġ
fit-toroq, milli Knisja marida
bl-għeluq u bil-kumdità
taċ-ċertezzi li magħhom hi
ggranfata” (ibid., 49).
Iż-żgħażagħ, tama tal-missjoni
8.
Iż-żgħażagħ huma
t-tama tal-missjoni. Il-persuna
ta’ Ġesù u l-Bxara t-Tajba minnu
mxandra jibqgħu jiġbdu għal
warajhom ħafna żgħażagħ. Huma
jfittxu toroq fejn jistgħu
jqiegħdu l-kuraġġ u
l-inklinazzjonijiet ta’ qalbhom
għall-qadi tal-umanità. “Bosta
huma ż-żgħażagħ li qed joffru
l-għajnuna solidali tagħhom
quddiem il-ħażen tad-dinja u qed
jieħdu sehem f’diversi xejriet
ta’ ħidma u volontarjat
[…].
Kemm hi ħaġa
sabiħa li ż-żgħażagħ ikunu
‘vjaġġaturi tal-fidi’, ferħana
li qed iwasslu lil Ġesù f’kull
triq, f’kull pjazza, f’kull
rokna tad-dinja!”
(ibid., 106).
L-Assemblea
Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu
tal-Isqfijiet, li sa tiġi
ċċelebrata fl-2018 bit-tema
“Iż-żgħażagħ, il-fidi u
d-dixxerniment vokazzjonali”,
hi okkażjoni providenzjali biex
ninvolvu liż-żgħażagħ
fir-responsabbiltà missjunarja
komuni li għandha bżonn
tal-immaġinazzjoni għanja u
l-kreattività tagħhom.
Is-servizz tal-Opri Missjunarji
Pontifiċji
9. L-Opri Pontifiċji Missjunarji
huma għodda prezzjuża biex
f’kull komunità Nisranija
nqanqlu x-xewqa li noħorġu
mill-konfini tagħna u
mis-sigurtajiet tagħna u mmiddu
għonqna għax-xandir tal-Vanġelu
lil kulħadd. Permezz ta’
spiritwalità missjunarja
profonda fil-ħajja ta’ kuljum,
impenn kostanti ta’ formazzjoni
u animazzjoni missjunarja,
adolexxenti, żgħażagħ, adulti,
familji, saċerdoti, reliġjużi,
Isqfijiet huma involuti biex
tixxettel f’kulħadd qalb
missjunarja. Il-Jum Dinji
Missjunarju, promoss mill-Opra
tal-Propagazzjoni tal-Fidi, hu
l-okkażjoni t-tajba biex il-qalb
missjunarja tal-komunitajiet
Insara tieħu sehem bit-talb,
bix-xhieda tal-ħajja u
bil-komunjoni tal-ġid ħalli
twieġeb għall-ħtiġijiet gravi u
vasti tal-evanġelizzazzjoni.
Nagħmlu missjoni ma’ Marija, Omm
l-evanġelizzazzjoni
10.
Għeżież ħuti,
nagħmlu missjoni billi nitnebbħu
minn Marija, Omm
l-evanġelizzazzjoni. Imqanqla
mill-Ispirtu, hi laqgħet il-Verb
tal-ħajja fil-profondità
tal-fidi umli tagħha. Ħa tgħinna
l-Verġni llissnu l-“iva” tagħna
fl-urġenza li nagħmlu li tidwi
l-Bxara t-Tajba ta’ Ġesù fi
żmienna; taqlgħalna ħeġġa ġdida
ta’ nies imqajma biex inwasslu
lil kulħadd il-Vanġelu tal-ħajja
li jirbaħ fuq il-mewt; tidħol
għalina biex nistgħu niksbu
l-kuraġġ qaddis li nfittxu toroq
ġodda biex jasal għand kulħadd
id-don tas-salvazzjoni.
Mill-Vatikan, 4
ta’ Ġunju
2017
Solennità
ta’ Għid
il-Ħamsin
FRANĠISKU
miġjub mit-Taljan għall-Malti
minn Francesco Pio Attard
|