Messaġġ ta’ Papa
Franġisku
lill-parteċipanti
fil-Laqgħa Reġjonali
Ewropea
tal-Assoċjazzjoni Medika
Dinjija
dwar kwistjonijiet li
għandhom x’jaqsmu ma’
tmiem il-ħajja.
[Vatikan,
16-17
Novembru
2017]
Lill-Venerabbli Ħija
Mons. Vincenzo Paglia
President
tal-Akkademja Pontifiċja
għall-Ħajja
Insellem lilek u lil
dawk kollha li qed
jieħdu sehem fil-Laqgħa
Reġjonali Ewropea
tal-Assoċjazzjoni Medika
Dinjija, organizzata
fil-Vatikan flimkien
mal-Akkademja Pontifiċja
għall-Ħajja, dwar
kwistjonijiet li
għandhom x’jaqsmu ma’
tmiem il-ħajja
F’din il-laqgħa ser
tindirizzaw mistoqsijiet
dwar tmiem il-ħajja fuq
din l-art. Dawn minn
dejjem kienu ta’ sfida
għall-umanità,
iżda llum ħadu forom
ġodda minħabba li
t-tagħlim żdied u li sar
żvilupp fl-istrumenti
tekniċi ġodda li qed
jintużaw. Fil-fatt,
il-mediċina żviluppat
ħiliet terapewtiċi kbar
li wasslu biex ħafna
mard jinqered, is-saħħa
tal-bniedem titjieb u
ħajtu titwal.
Il-mediċina wettqet rwol
pożittiv ħafna; iżda
mill-banda l-oħra llum
sar possibbli ittawwal
il-ħajja
f’kundizzjonijiet li
fil-passat qatt ma konna
nimmaġinawhom.
L-interventi fuq
il-ġisem tal-bniedem qed
isiru dejjem aktar
effettivi, iżda mhux
dejjem qed ikunu ta’
benefiċċju għalih:
jistgħu jsostnu jew
jissostitwixxu
funzjonijiet bijoloġiċi
li jkunu ddgħajfu, iżda
dan ma jfissirx li
jippromwovu s-saħħa
tal-bniedem. Għalhekk,
illum hemm bżonn ta’
aktar għerf għax qed
tikber it-tentazzjoni li
wieħed jinsisti fuq kura
li tħalli effetti
qawwija fuq il-ġisem
iżda li mhux dejjem tkun
ta’ ġid sħiħ
għall-persuna.
F’diskors memorabbli ta’
60 sena ilu, meta l-Papa
Piju XII kien kellem
lill-anestetisti u lil
dawk li jieħdu ħsieb
il-kura intensiva, hu
kien qal li mhux dejjem
hemm l-obbligu li wieħed
juża l-mezzi terapewtiċi
kollha li huma
potenzjalment
disponibbli, u li
f’każi speċifiċi huwa
leċitu li wieħed ma
jagħmilx użu minnhom
(ara
Acta Apostolicae Sedis XLIX
[1957],1027-1033).
Mela, hu moralment
leċitu li wieħed
jiddeċidi li ma jużax
mezzi terapewtiċi jew li
jwaqqaf l-użu tagħhom
meta dan ma jkunx
jaqbel ma’ dak
il-kriterju etiku u
umanistiku li aktar ‘l
quddiem ġie definit
bħala “proporzjonat
għall-kura” (ara
Kongregazzjoni
għad-Duttrina tal-Fidi -
Dikjarazzjoni fuq
l-Ewtanasja, 5 ta’ Mejju
1980:
Acta Apostolicae Sedis LXXII
[1980], 542-552).
L-aspett speċifiku ta’
dan il-kriterju jieħu
f’kunsiderazzjoni
“ir-riżultat mistenni
filwaqt li jikkunsidra
l-istat tal-persuna
marida u tar-riżorsi
fiżiċi u morali tagħha”
(ibid.).
Għalhekk, wieħed jista’
jasal għal deċiżjoni li
tikkwalifika moralment
bħalma hi dik li
jirrifjuta “kura
terapewtika li fiha
nnifisha hi ħarxa
ħafna”.
Din l-għażla hi waħda li
tassumi b’mod
responsabbli l-limitu
tal-kundizzjoni umana
mortali, fil-mument li
jidher biċ-ċar li ma
hemm xejn aktar
x’tista’ jsir. Kif
jgħid il-Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika:
“Dan ma jfissirx li hemm
il-ħsieb li tingħata
l-mewt: wieħed ikun biss
jaċċetta li ma jistax
iżomm il-mewt” (n.2278).
Din id-differenza
fil-mod kif wieħed
iħares lejn l-affarijiet
tagħti wiċċ uman lejn
il-mod kif wieħed
jakkumpanja
lill-moribond, mingħajr
ma jipprova jiġġustifika
s-soppressjoni
tal-ħajja. Għalhekk,
tajjeb nagħrfu li meta
wieħed ma jagħmilx użu
minn meżżi
sproporzjonati jew
inkella jwaqqaf l-użu
tagħhom, dan ikun
l-istess bħal meta
jevita li juża kura
terapewtika li fiha
nnifisha hi ħarxa ħafna;
jiġifieri jkun qiegħed
iwettaq azzjoni li
għandha sinifikat etiku
li hu għal kollox
differenti
mill-ewtanasja, li
dejjem tibqa’ illeċita
għax hi għemil
intenzjonat biex iwaqqaf
il-ħajja u jwassal
għall-mewt.
Ma hemmx għalfejn
ngħidu li ħafna drabi
jkun diffiċli nevalwaw
il-fatturi li jinqalgħu
meta niġu quddiem
sitwazzjonijiet kritiċi
u għall-prattika
klinika. Meta tiġi biex
tistabbelixxi jekk
intervent mediku, li hu
klinikament tajjeb,
huwiex effettivament
proporzjonat mhux
biżżejjed tapplika
regola ġenerali b’mod
mekkaniku. Hemm bżonn li
jsir dixxerniment
b’attenzjoni li
tikkunsidra l-oġġett
morali, iċ-ċirkustanzi u
l-intenzjonijiet ta’
dawk involuti. Fil-kura
u l-akkumpanjament li
jingħataw lill-marid,
id-dimensjoni personali
u relazzjonali tal-ħajja
u tal-mewt stess - li
wara kollox hi l-aħħar
mument tal-ħajja -
dejjem irid ikollha
dak l-ispazju li jixraq
id-dinjità
tal-bniedem. F’dan
il-proċess, il-marid
jieħu r-rwol prinċipali.
Dan jgħidu b’mod ċar
ħafna l-Katekiżmu
tal-Knisja Kattolika:
“Id-deċiżjoni trid
tittieħed mill-marid
innifsu jekk jaf u
għandu l-ħila jagħmel
dan” (n.2278). Il-marid
għandu d-dritt li jkun
hu l-ewwel li jevalwa -
naturalment bi djalogu
mat-tobba – il-kura li
tkun proposta u li jiżen
il-proporzjonalità
effettiva tagħha skont
is-sitwazzjoni li jkun
jinsab fiha. Fil-każ li
ma jkunx hemm din
il-proporzjonalità,
irid ikun il-marid li
jiċħad li jieħu l-kura
proposta. Mhux faċli li
wieħed jasal biex
jagħmel evalwazzjoni
fil-kuntest mediku
tal-lum, fejn
ir-relazzjoni
terapewtika qed tkun
dejjem aktar frammentata
u fejn il-kura medika
qed tinvolvi numru ta’
aspetti teknoloġiċi u
organizattivi.
Ta’ min jinnota wkoll li
dawn il-proċessi ta’
valutazzjoni qed ikunu
kundizzjonati
mid-differenza
fl-opportunitajiet li
joffri l-qasam
tas-saħħa, xi ħaġa li
dejjem qed tikber u qed
tirriżulta minn dik
l-azzjoni li tgħaqqad
il-ħiliet fit-teknika u
xjenza u l-interessi
ekonomiċi. Il-kura
dejjem aktar sofistikata
u li tqum il-flus hi
aċċessibbli għal numru
limitat u privileġġat
ta’ persuni u
popolazzjonijiet. Dan
qed iqajjem mistoqsijiet
serji dwar
is-sostenibbiltà
tas-servizzi sanitarji
u dwar it-tendenza, li
tista’ tgħidilha
sistematika, li permezz
tagħha qed jiżdied
in-nuqqas ta’ ugwaljanza
terapewtika. Din il-ħaġa
tidher b’mod ċar ħafna
fuq livell globali,
l-aktar meta tqabbel
il-kontinenti
differenti. Tinsab ukoll
fil-pajjiżi l-aktar
sinjuri, fejn hemm
ir-riskju li l-aċċess
għall-kura jiddependi
aktar fuq
id-disponibbiltà
ekonomika tal-persuni
milli fuq kemm tassew
għandhom bżonn il-kura.
F’din is-sitwazzjoni
kumplessa, ġejja minn
diversi fatturi
fil-prattika klinika u
anki fil-kultura
tal-mediċina in
ġenerali, hemm bżonn
ix-xhieda assoluta
tal-kmandament suprem li
jitlob li nkunu qrib
tal-marid b’mod
responsabbli kif
jidher f’dik il-paġna
tal-Evanġelju li
tkellimna fuq
is-Sammaritan it-tajjeb
(ara Lq 10, 25-37).
Nistgħu ngħidu b’mod
kategoriku: qatt ma
għandna nabbandunaw
il-marid. Id-diqa ta’
qalb marbuta
mal-kundizzjoni li
twassal lill-bniedem fuq
l-għatba tal-limitu uman
suprem u l-għażliet
diffiċli li wieħed
ikollu jagħmel,
jesponuna
għat-tentazzjoni li
nonqsu milli nkunu qrib
tal-marid. Iżda, aktar
minn kull ħaġ’oħra, dan
huwa l-post fejn aħna
mitluba nuru mħabbitna
u nkunu qrib, filwaqt
li nagħrfu l-limitu
komuni tagħna lkoll li
jagħmilna tassew
solidali. Kull wieħed
jagħti l-imħabba bil-mod
tiegħu: ta’ missier,
omm, iben jew bint,
aħwa, tabib jew nurse.
Imma din l-imħabba rridu
nagħtuha! U anki jekk
nafu li mhux dejjem
nistgħu niggarantixxu
fejqan, iżda jeħtieġ li
dejjem nieħdu ħsieb
tal-persuna. Din hi xi
ħaġa li rridu
nagħmluha: mingħajr ma
nkunu aħna li nqassrulha
ħajjitha jew li
nirreżistu l-mewta
tagħha bla bżonn.
Il-kura palljattiva
miexja fuq din
il-linja. U qed ikollha
importanza kbira anki
fuq livell kulturali
għax qed tissielet
kontra dak kollu li
jagħmel il-mewt aktar
kerha u ta’ tbatija,
kontra l-uġigħ u
s-solitudni.
Fi ħdan is-soċjetajiet
demokratiċi, argumenti
delikati bħal dawn
jeħtieġ li jkunu
affrontati bil-kalma:
b’mod serju u riflessiv
fejn wieħed ikun dispost
li jinsabu
soluzzjonijiet - anki
legali – li jkun hemm
qbil dwarhom. Waqt li
wieħed jrid ikun lest li
jisma’ u jilqa’
lill-ieħor b’mod
reċiproku, min-naħa
l-waħda wieħed irid
iżomm quddiem għajnejh
li hemm ideat
differenti,
konvinzjonijiet etiċi u
appartenenza reliġjuża
differenti. Min-naħa
l-oħra, l-Istat ma
jistax jiċħad id-dmir
tiegħu li jieħu ħsieb
dawk kollha involuti,
filwaqt li jiddefendi
l-ugwaljanza
fundamentali li permezz
tagħha kull wieħed hu
rikonoxxut mil-liġi
bħala bniedem li jgħix
flimkien ma’ oħrajn
fis-soċjetà.
Jeħtieġ tingħata
attenzjoni partikulari
lil dawk l-aktar
dgħajfa, li waħidhom ma
jaslux biex jiddefendu
l-interessi tagħhom.
Jekk tonqos il-qalba
ta’ dawn il-valuri
essenzjali, meħtieġa
biex il-bnedmin jkunu
jistgħu jgħixu flimkien,
tintilef ukoll
il-possibbiltà
li
twassal għal dak
ir-rikonoxximent
tal-persuna l-oħra li
fuqha jinbena d-djalogu
u l-istess ħajja
tal-bnedmin flimkien
fis-soċjetà.
Il-leġiżlazzjoni
fil-qasam mediku u
tas-saħħa ukoll titlob
din il-viżjoni sħiħa u
ħarsa komplessiva fuq
dak li l-aktar
jippromwovi l-ġid
komuni
fis-sitwazzjonijiet
konkreti.
Filwaqt li nittama li
dawn ir-riflessjonijiet
jistgħu jkunu ta’
għajnuna għalikom, minn
qalbi nawguralkom li din
il-laqgħa tagħkom isseħħ
f’ambjent seren u
kostruttiv; jalla
tindividwaw it-toroq
l-aktar adattati biex
taffrontaw dawn
il-kwistjonijiet
delikati filwaqt li
żżommu quddiem
għajnejkom il-ġid ta’
dawk kollha li tiltaqgħu
magħhom u li magħhom
tikkollaboraw
fil-professjoni esiġenti
tagħkom.
Il-Mulej
iberikkom u l-Madonna
tħariskom.
Mill-Vatikan,
7
ta’ Novembru
2017
Francesco
Miġjub mit-Taljan
għall-Malti minn
Vivienne Attard. |