Tislima mill-qalb lilkom ilkoll li qed tieħdu sehem fis-VI Festival tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja.  It-tema ta’ dis-sena hi: «Qalb in-Nies».  Din tesprimi verità kbira: aħna magħmulin biex ngħixu ma’ xulxin – kont fakkart dan l-għada tal-ħatra tiegħi bħala Isqof ta’ Ruma.  L-umanità tagħna tistgħana bil-kbir jekk inkunu ma’ xulxin f’kull sitwazzjoni li tinqala’.  Huwa l-iżolament li jagħmel il-ħsara mhux il-qsim.  L-iżolament joħloq il-biża’, jherri l-fiduċja u ma jippermettix li titgawda l-fraternità.  Propju hemm bżonn ngħidu lil xulxin li hemm aktar riskji meta niżolaw ruħna milli meta ninfetħu għall-oħrajn: il-possibiltà li nsofru l-ġrieħi ma tinsabx fil-laqgħa imma fl-għeluq u r-rifjut.  L-istess ħaġa tgħodd meta aħna nieħdu fuq spallejna r-responsabbiltà li ngħinu lil xi ħadd ieħor: qed naħseb f’xi marid, anzjan, immigrant, fqir, persuna bla xogħol.  Meta nieħdu ħsieb ħaddieħor, ħajjitna tkun anqas kumplikata milli meta nikkonċentraw biss fuqna nfusna.

Li nkunu qalb in-nies ma jfissirx biss li nkunu miftuħin u niltaqgħu mal-oħrajn, imma wkoll li nippermettu lill-oħrajn jiltaqgħu magħna.  Huwa aħna li għandna bżonn min iħares lejna, jsejħilna, jmissna, jinterpellana, huwa aħna li għandna bżonn lill-oħrajn biex inkunu nistgħu nieħdu sehem minn dak kollu li l-oħrajn biss jistgħu jtuna.  Ir-relazzjoni titlob dan l-iskambju bejn il-persuni: l-esperjenza tgħidilna li soltu nirċievu mingħand l-oħrajn ħafna aktar minn dak li nagħtu.  F’niesna hemm rikkezza umana awtentika.  L-istejjer ta’ solidarjetà, ta’ għajnuna ta’ sapport li jingħexu fil-familji tagħna u fil-komunitajiet tagħna ma jingħaddux.  Hu impressjonanti kif xi wħud jgħixu l-issikkar ekonomiku, in-niket, ix-xogħol iebes, il-provi, bid-dinjità.  Meta tiltaqa’ ma’ dawn il-persuni tkun qed tmiss b’idejk il-kobor tagħhom u kważi tirċievi dawl li juri li wieħed jista’ jibqa’ jkollu tama fil-futur; wieħed jista’ jibqa’ jemmen li t-tajjeb hu aqwa mill-ħażen, propju għax hemm huma.  Meta nkunu qalb in-nies aħna jkollna aċċess għat-tagħlim li jiġi mill-fatti.  Intikom eżempju: irrakkuntawli li ftit ilu mietet tfajla ta’ 19-il sena.  In-niket kien kbir u bosta nies ħadu sehem fil-funeral.  Dak li l-aktar laqat l-għajn ma kienx biss in-nuqqas ta- sens ta’ disperazzjoni, imma għax kienet tinħass fl-arja, ċerta serenità.  Wara li ntemm il-funeral in-nies, mistgħaġbin, bdew jgħidu lil xulxin li ħarġu miċ-ċelebrazzjoni ħielsa minn ċertu toqol.  Omm it-tfajla qalet: “Irċevejt il-grazzja tas-serenità”.  Il-ħajja ta’ kuljum hi minsuġa minn dawn il-fatti li jimmarkaw l-eżistenza tagħna: dawn ma jitilfux il-qawwa tagħhom minkejja li ma jkunux fit-titli tal-gażżetti.  Jiġri propju hekk: mingħajr diskorsi u spjegazzjonijiet bniedem jifhem dak li jiswa fil-ħajja u dak li m’għandux valur.

Li tkun qalb in-nies ifisser ukoll li tħoss li kull wieħed u waħda minna nagħmlu parti minn poplu.  Il-ħajja hi konkreta għaliex mhix l-għadd ta’ ħafna individwi, imma hi l-għaqda ta’ ħafna persuni li jikkontribwixxu biex jinbena l-ġid komuni.  Li nkunu flimkien jgħinna biex naraw il-kwadru sħiħ.  Meta naraw il-kwadru sħiħ, ħarsitna tistgħana u jibda jidher ċar li r-rwol li kull wieħed u waħda minn għandna fit-totalità tad-dinamika soċjali qatt ma jista’ jkun iżolat jew isir assolut.  Meta l-poplu jkun mifrud minn min jikkmanda, meta l-għażliet isiru skont il-loġika tal-poter u mhux skont il-ħtieġa tal-kondiviżjoni popolari, meta min jikkmanda jkun aktar importanti mill-poplu u d-deċiżjonijiet jittieħdu mill-ftit, allura l-armonija soċjali tidħol fil-periklu b’konsegwenzi gravi għan-nies: jiżdied il-faqar, il-paċi tkun mhedda, jibdew jikkmandaw il-flus u n-nies ibatu.

Li tkun qalb in-nies jurik kemm hemm varjazzjonijiet ta’ kuluri, kulturi, razzez u reliġjonijiet.  In-nies iġagħaluk tmiss b’idejk l-għana u s-sbuħija tad-diversità.  Hu biss bi vjolenza kbira li l-varjetà tirriduċi ruħha biex issir uniformità, il-pluralità tal-ħsieb u tal-azzjonijiet jitrażżnu u jsiru mod waħdieni ta’ aġir u ta’ ħsieb.  Meta tkun qalb in-nies tmiss l-umanità: m’hemmx biss ir-ras, dejjem hemm ukoll il-qalb, hemm aktar konkretezza u anqas ideoloġija.  Biex jissolvew il-problemi tan-nies jeħtieġ li wieħed jibda’ mill-qiegħ, iħammeġ idejh, ikollu l-kuraġġ, jisma’ lil min hu tal-aħħar.  Nifhem li hi ħaġa naturali li nsaqsu lilna nfusna: kif nistgħu nagħmlu dan?  Nistgħu nsibu tweġiba billi nħarsu lejn Marija.  Hi qaddejja, Hi umli u ħanina, timxi magħna, hi konkreta, qatt ma tisraq ix-xena imma hi preżenza kostanti.  Jekk inħarsu lejHa insibu l-aħjar mod biex bih inkunu qalb in-nies.  Meta nħarsu lejHa nkunu nistgħu nterrqu l-mogħdijiet tal-uman mingħajr biża’ u preġudizzji, biHa nistgħu nsibu l-ħila li ma neskludu lil ħadd.  Dawn hu l-awgurju tiegħi lilkom.

Qabel ma msellmilkom nixtieq irrodd ħajr lill-Isqof ta’ Verona għal-akkoljenza, lill-volontarji kollha għad-disponibiltà u l-ġenerożità tagħhom, lil Don Adriano Vincenzi għax-xogħol sfiq biex issir magħrufa u titqiegħed fis-seħħ id-duttrina soċjali tal-Knisja.  U, nirrikmandalkom: tinsewx titolbu għalija.  Grazzi!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber