Għeżież ħuti,

 

Issa qorob sew il-wieħed u tletin Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li qed isejjaħli biex niltaqa’ maż-żgħażagħ tad-dinja, miġbura fi Krakovja, u li joffrili wkoll l-okkażjoni hienja li niltaqa’ man-nazzjon għażiż tal-Polonja. Kollox sa jsir f’isem il-Ħniena, f’din is-Sena Ġubilari, u fit-tifkira grata u devota ta’ San Ġwanni Pawlu II, li kien il-moħħ wara l-Jiem Dinjija taż-Żgħażagħ, u l-gwida għall-poplu Pollakk fil-mixja storika tiegħu ta’ dan l-aħħar lejn il-libertà.

 

Għeżież żgħażagħ Pollakki, naf li ilkom sew titħejjew, fuq kollox bit-talb, għal din il-laqgħa kbira fi Krakovja. Nirringrazzjakom minn qalbi għal dak kollu li qed tagħmlu, u għall-imħabba li biha qed tagħmluh; sa minn issa ngħannaqkom miegħi u nberikkom.

 

Għeżież żgħażagħ minn kull rokna tal-Ewropa, l-Afrika, l-Amerika, l-Asja u l-Oċeanja! Inbierek ukoll lill-pajjiżi tagħkom, ix-xewqat tagħkom u l-passi tagħkom lejn Krakovja, biex ikunu pellegrinaġġ ta’ fidi u ta’ fraternità. Il-Mulej Ġesù jagħtikom il-grazzja li dduqu intom stess din il-kelma tiegħu: “Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena” (Mt 5:7).

 

Għandi xewqa kbira li niltaqa’ magħkom, biex noffru lid-dinja sinjal ġdid ta’ armonija, mużajk ta’ wċuħ differenti, ta’ tant razez, ilsna, popli u kulturi, imma lkoll imxierka f’isem Ġesù, li hu Wiċċ il-Ħniena.

 

U issa ndur lejkom, għeżież ulied in-nazzjon Pollakk! Din iż-żjara tiegħi fostkom inħossha bħala don kbir li qed jagħtini l-Mulej, għax intom poplu li fl-istorja tiegħu għadda minn tant provi, xi wħud iebsin ħafna, imma li baqa’ miexi ’l quddiem bil-qawwa tal-fidi, imwieżen mill-id ta’ omm tal-Verġni Marija. Jiena ċert li l-pellegrinaġġ lejn is-Santwarju ta’ Częstochowa sa jkun għalija okkażjoni biex nogħdos f’din il-fidi mġarrba, u dan sa jiswieli ta’ ġid kbir. Nirringrazzjakom tat-talb tagħkom li bih qed tħejju għaż-żjara tiegħi. Grazzi lill-Isqfijiet u s-saċerdoti, ir-reliġjużi, il-fidili lajċi, speċjalment il-familji, li nixtieq ngħaddilhom l-Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia. Is-“saħħa” morali u spiritwali ta’ nazzjon tidher mill-familji tiegħu: għalhekk San Ġwanni Pawlu II kellu tant għal qalbu lill-għarajjes, il-miżżewġin żgħażagħ u l-familji. Ibqgħu mexjin f’din it-triq!

 

Għeżież ħuti, qed nibgħatilkom dan il-messaġġ bħala sinjal tal-imħabba tiegħi. Nibqgħu magħqudin fit-talb. U niltaqgħu l-Polonja!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard