Sur President,
Onorevoli Autorit
ajiet tal-Gvern,
Eminenza, E
ċċellenzi,
Għeżież Ħbieb,

Nirringrazzjakom għall-merħba kbira li tajtuni.  Din iż-żjara fi Sri Lanka u l-jiem li se ngħaddu flimkien ilni ħafna nistennihom.  Is-Sri Lanka hija magħrufa bħala “il-Perla tal-Oċejan indjan” minħabba s-sbuħija naturali tagħha.  Imma, fuq kollox, din il-gżira hi magħrufa għall-entużjażmu tal-poplu tagħha u l-varjetà għanja tat-tradizzjonijiet kulturali u reliġjużi.

Sur President, jien nagħtik l-akbar awguri għar-responsabbiltà ġdida li int mgħobbi biha.  Insellem lill-membri distinti tal-gvern u lill-awtoritajiet ċivili li qed jonorawna bil-preżenza tagħhom.  Jien grat b’mod speċjali, bil-preżenza tal-esponenti reliġjużi distinti li għandhom rwol tant importanti fil-ħajja ta’ dan il-pajjiż.  U, evidentement, nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi lill-fidili, lill-membri tal-kor, kif ukoll lil bosta persuni li taw sehemhom biex din iż-żjara saret possibbli.  Nirringrazzja lil kulħadd minn qiegħ qalbi għall-kortesija u l-ospitalità tagħkom.

Iż-żjara tiegħi fis-Sri Lanka hija fuq kollox, waħda pastorali.  Bħala ragħaj universali tal-Knisja Kattolika, jiena ġejt biex niltaqa’ u nagħti l-kuraġġ lill-Kattoliċi ta’ din il-gżira kif ukoll biex nitlob magħhom.  Punt ċentrali ta’ din iż-żjara se jkun il-kanoniżżazzjoni tal-beatu Joseph Vaz, li l-eżempju tiegħu ta’ karità Nisranija u r-rispett lejn kull persuna mingħajr distinzjoni ta’ etnija jew reliġjon, għadha sal-lum tispirana u tgħallimna.  Imma ż-żjara tiegħi għandha wkoll l-għan li turi l-preokkupazzjoni tal-Knisja għan-nies kollha tas-Sri Lanka u tikkonferma x-xewqa tal-komunità Kattolika li tipparteċipa attivament fil-ħajja ta’ din is-soċjetà.

Hija traġedja kostanti fid-dinja tagħna li ħafna komunitajiet jinsabu fi gwerra bejniethom.  In-nuqqas ta’ ħila li jkunu rikonċilajti d-diversitajiet u n-nuqqas ta’ ftehim, kemm tal-antik kif ukoll ġdid, ħoloq tensjonijiet etniċi u reliġjużi li spiss splodew fi vjolenza.  Għal bosta snin, is-Sri Lanka għexet fit-terrur tat-taqbid ċivili u issa qed tfittex tikkonsolida l-paċi u tfejjaq il-feriti ta’ dawk is-snin.  Mhux xogħol faċli tegħleb wirt ta’ inġustizzji, ostilità u diffidenza li ħalla warajh dan il-kunflitt.  Dan jista’ jitwettaq biss jekk il-ħażin ikun megħlub mis-sewwa (cfr Rumani 12,21), u jekk ikunu kkoltivati dawk il-virutwjiet li jiffavorixxu r-rikonċiljazzjoni, is-solidarjetà u l-paċi.  Il-proċess ta’ fejqan jitlob ukoll li wieħed ifittex il-verità mhux bl-għan li jiftaħ feriti qodma, imma pjuttost bħala mezz meħtieġ biex iġib il-fejqan tagħhom, il-ġustizzja u l-għaqda.

Għeżież ħbieb jien konvint li s-segwaċi tat-tradizzjonijiet reliġjużi differenti għandhom rwol essenzjali u delikat fil-proċess tar-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni li għaddej bħalissa f’dal-pajjiż.  Biex dan il-proċess jagħti frott, hemm bżonn li l-membri kollha tas-soċjetà jaħdmu flimkien; li kulħadd ikun jista’ jsamma’ leħnu.  Kulħadd għandu jkollu l-libertà li jesprimi l-opinjonijiet tiegħu, il-ħtiġijiet tiegħu, l-aspirazzjonijiet tiegħu u l-biżgħat li jħoss.  Imma fuq kollox, irid ikun hemm ir-rieda ta’ kulħadd li taċċettaw lil xuxlin, tirrispettaw id-diversitajiet leġittimi u titgħallmu tgħixu bħala familja waħda.  Kull meta l-persuni jkunu miftuħin biex jisimgħu lil xulxin bl-umiltà, jistgħu joħorġu fid-dieher il-valuri u l-aspirazzjonijiet komuni.  Id-diversità ma tibqax titqies bħala theddida imma bħala għajn ta’ arrikkiment.  It-triq lejn il-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni u l-armonija soċjali b’hekk tidher aktar ċara.

F’das-sens, il-ħidma kbira ta’ rikostruzzjoni trid tħaddan fiha t-titjib tal-infrastrutturi u tipprovdi l-ħtiġijiet materjali, imma wkoll, u fuq kollox, tippromwovi d-dinjità umana, ir-rispett lejn id-dirittijiet tal-bniedem u l-inklużjoni sħiħa ta’ kull membru tas-soċjetà.  Jien nawgura li l-mexxejja politiċi, reliġjużi u kulturali tas-Sri Lanka, jkejlu kull kelma u kull azzjoni fuq il-ġid u l-fejqan li jistgħu jnisslu biex ikunu kontribut dejjiemi lejn il-progress materjali u spiritwali tal-poplu tas-Sri Lanka.

Sur President, għeżież ħbieb, għal darb’oħra nirringrazzjakom għall-merħba li tajtuni.  Jalla dawn il-jiem li se ngħaddu flimkien ikunu jiem ta’ ħbiberija, djalogu u solidarjetà.  Ninvoka barkiet abbundanti minn Alla fuq is-Sri Lanka, il-Perla tal-Oċejan Indjan, u nitlob sabiex is-sbuħija tagħha tiddi għall-benefiċċju tal-prosperità u l-paċi tal-abitanti kollha tagħha.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber