Imbagħad ħareġ fuq l-Għolja taż-Żebbuġ, u d-dixxipli wkoll marru miegħu” (Lq 22:39).

 

Meta tkun waslet is-siegħa ta’ Alla biex jifdi l-umanità mill-jasar tad-dnub, Ġesù jinġabar hawnhekk, fil-Ġetsemani, f’riġlejn l-Għolja taż-Żebbuġ.  Ninsabu f’dan l-imkien qaddis, imqaddes mit-talba ta’ Ġesù, mid-dwejjaq tiegħu, mill-għaraq ta’ demmu; imqaddes fuq kollox mill-“iva” tiegħu għar-rieda ta’ mħabba tal-Missier.  Kważi nibżgħu nersqu qrib tas-sentimenti li Ġesù ħass f’dik is-siegħa; nidħlu fuq ponot subgħajna f’dan l-ispazju interjuri fejn ġiet deċiża d-drama tad-dinja.

 

F’dik is-siegħa, Ġesù ħass il-ħtieġa li jitlob u li jkollu miegħu lid-dixxipli tiegħu, ħbiebu, li kienu mxew warajh u qasmu miegħu l-iżjed mill-qrib il-missjoni tiegħu.  Imma hawn, fil-Ġetsemani, il-mixja ssir iebsa u inċerta; jidħol ir-riħ tad-dubju, ta’ l-għeja u tal-biża’.  F’dak li kellu jseħħ ftit tal-ħin wara fil-passjoni ta’ Ġesù, id-dixxipli kellhom jassumu diversi atteġġjamenti fil-konfront ta’ l-Imgħallem: min baqa’ qrib tiegħu, min tbiegħed, min kien inċert.

 

Ilkoll nagħmlu tajjeb, isqfijiet, saċerdoti, persuni kkonsagrati, seminaristi, li f’dan il-post, nistaqsu lilna nfusna: Min jien jien quddiem il-Mulej tiegħi li jbati?

 

Jien minn dawk li, mistiedna minn Ġesù biex jishru miegħU, jorqdu, u flok jitolbu, ifittxu li jaħarbu u jagħlqu għajnejhom quddiem ir-realtà?

 

Jew nista’ nagħraf lili nnifsi f’dawk li ħarbu bil-biża’, telqu waħdu lill-Imgħallem fl-iktar siegħa traġika tal-ħajja tiegħu fuq din l-art?

 

Forsi fija hemm personalità doppja, il-wiċċ b’ieħor ta’ min biegħu għal tletin biċċa tal-fidda, li kien ġie msejjaħ ħabib, u madankollu ttradixxa lil Ġesù?

 

Nagħraf lili nnifsi f’dawk li kienu dgħajfa u ċaħduh, bħal Pietru?  Hu ftit tal-ħin qabel kien wiegħed lil Ġesù li jibqa’ miexi warajh anki sal-mewt (ara Lq 22:33); imbagħad, meta sab ruħu dahru mal-ħajt u maħkum mill-biża’, ħalef li ma jafux.

 

Nixbah lil dawk li kienu diġà bdew jorganizzaw ħajjithom mingħajrU, bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, boloh u tqal biex jemmnu kliem il-profeti (ara Lq 24:25)?

 

Jew, għall-grazzja ta’ Alla, ninsab fost dawk li baqgħu fidili sa l-aħħar, bħall-Verġni Marija u l-Appostlu Ġwanni?  Meta fuq il-Golgota kollox jiddallam u kull tama tidher intemmet, l-imħabba waħidha hi aqwa mill-mewt.  L-imħabba ta’ l-Omm u tad-dixxiplu l-maħbub issuqhom biex jibqgħu f’riġlejn is-salib, biex jaqsmu sa l-aħħar fit-tbatija ta’ Ġesù.

 

Nagħraf lili nnifsi f’dawk li kienu jixbhu lill-Imgħallem tagħhom sal-martirju, u taw xhieda ta’ kemm Hu kien kollox għalihom, il-qawwa inkomparabbli tal-missjoni tagħhom u x-xefaq aħħari ta’ ħajjithom?

 

Il-ħbiberija ta’ Ġesù magħna, il-fedeltà tiegħu u l-ħniena tiegħu huma d-don bla qies li jinkuraġġina nibqgħu mexjin b’fiduċja fil-mixja tagħna warajH, minkejja l-waqgħat tagħna, l-iżbalji tagħna, anki t-tradimenti tagħna.

 

Imma din it-tjieba tal-Mulej ma teħlisniex milli nishru quddiem it-tentatur, id-dnub, il-ħażen u t-tradiment li magħhom tista’ tiltaqa’ anki l-ħajja saċerdotali u reliġjuża.  Ilkoll kemm aħna esposti għad-dnub, għall-ħażen, għat-tradiment.  Nistgħu nħossuh l-iżbilanċ bejn il-kobor tas-sejħa ta’ Ġesù u ċ-ċokon tagħna, bejn in-natura hekk għolja tal-missjoni u d-dgħufija tagħna ta’ bnedmin.  Imma l-Mulej, fit-tjieba kbira tiegħu u fil-ħniena tiegħu bla tmiem, dejjem jaqbdilna jdejna, biex ma nispiċċawx negħrqu fil-baħar tal-konfużjoni.  Hu dejjem magħna, qatt ma jitlaqna waħidna.  Għalhekk, ma nħallux il-biża’ u l-qtigħ il-qalb jirbħuna, imma bil-kuraġġ u l-fiduċja nimxu ’l quddiem fil-mixja tagħna u fil-missjoni tagħna.

 

Intom, għeżież ħuti, imsejħin biex timxu wara l-Mulej bil-ferħ f’din l-Art imbierka!  Hu don u responsabbiltà fl-istess ħin.  Il-preżenza tagħkom hawnhekk hi importanti ħafna; il-Knisja kollha hi grata lejkom u tweżinkom bit-talb tagħha.  Minn dan il-post qaddis, nixtieq ukoll insellem minn qalbi lill-Insara kollha ta’ Ġerusalemm: irrid niżgurahom li niftakar fihom bi mħabba u li nitlob għalihom, għax naf sew id-diffikultajiet tal-ħajja tagħhom f’din il-belt.  Neżortahom biex ikunu xhieda qalbiena tal-passjoni tal-Mulej, imma anki tal-Qawmien tiegħu, bil-ferħ u bit-tama.

 

Ejjew nixbhu lill-Verġni Marija u lil San Ġwann, u nibqgħu maġenb it-tant slaleb fejn Ġesù għadu mislub sal-lum.  Din hi t-triq li fiha l-Feddej tagħna jsejħilna nimxu warajh: m’hemmx oħra, din hi!

 

Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi” (Ġw 12:26).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard