VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-MOZAMBIQUE, IL-MADAGASCAR U L-MAURITIUS

(4-10 TA’ SETTEMBRU 2019)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Monument ta’ Marija Reġina tal-Paċi (Port Louis)

It-Tnejn 9 ta’ Settembru 2019

 

Hawn, quddiem dan l-altar iddedikat lil Marija, Reġina tal-Paċi, fuq din il-muntanja li minnha tidher il-belt u iżjed lil hemm il-baħar, insibu ruħna parti minn dik il-ġemgħa ta’ wċuħ li ġew mill-Mauritius u minn gżejjer oħra ta’ dan ir-reġjun tal-Oċean Indjan biex jisimgħu lil Ġesù jipprietka l-Beatitudnijiet. L-istess Kelma tal-Ħajja li, bħal elfejn sena ilu, għandha l-istess qawwa, l-istess nar li jkebbes ukoll il-qlub l-iżjed bierda. Flimkien nistgħu ngħidu lill-Mulej: aħna nemmnu fik u, bid-dawl tal-fidi u t-taħbita ta’ qalbna, nafu li l-profezija ta’ Iżaija hi minnha, għax int tħabbar is-salvazzjoni, iġġib aħbarijiet tajba… Alla tagħna jsaltan.

 

Il-Beatitudnijiet “huma bħall-karta tal-identità tan-Nisrani. Hekk, jekk xi ħadd minna kellu jistaqsi: ‘Kif nagħmel biex inkun Nisrani tajjeb?’, it-tweġiba tkun sempliċi: hemm bżonn li, kull wieħed bil-mod tiegħu, jagħmel dak li jgħid Ġesù fid-diskors tal-Beatitudnijiet. Fihom nilmħu l-wiċċ tal-Imgħallem, li aħna msejħin nirriflettu fil-ħajja tagħna ta’ kuljum” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 63), kif għamel l-hekk imsejjaħ “appostlu tal-għaqda Mauritiana”, il-Beatu Jacques-Désiré Laval, tant meqjum f’dawn l-artijiet. L-imħabba għal Kristu u għall-foqra mmarkat il-ħajja tiegħu b’mod li ħarsitu mill-illużjoni li qed jagħmel evanġelizzazzjoni “distanti u sterili”. Kien jaf li l-evanġelizzazzjoni titlob minnu li jsir kollox għal kulħadd (ara 1 Kor 9:19-22): tgħallem il-lingwa tal-ilsiera li kienu għadhom kemm ġew meħlusa u ħabbrilhom b’mod sempliċi l-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni. Għaraf jiġbor il-fidili u jiffurmahom biex jibdew huma wkoll il-missjoni u joħolqu komunitajiet Insara ċkejknin f’lokalitajiet, bliet u rħula fil-qrib, komunitajiet ċkejkna li ħafna minnhom kienu l-bidu tal-parroċċi tal-lum. Kien iħobb juri fiduċja fl-iżjed foqra u fl-imwarrbin, hekk li kienu huma l-ewwel nies li organizzaw ruħhom biex sabu tweġibiet għat-tbatijiet tagħhom.

 

Permezz tad-dinamiżmu missjunarju u l-imħabba tiegħu, Patri Laval ta lill-Knisja fil-Mauritius żgħożija ġdida, nifs ġdid li llum aħna mistednin inkomplu fil-kuntest attwali.

 

U din il-ħeġġa missjunarja għandna nżommuha tkebbes, għax jaf jagħti l-kas li, bħala Knisja ta’ Kristu, naqgħu fit-tentazzjoni li nitilfu l-ħeġġa tal-evanġelizzazzjoni u nfittxu kenn f’ċertezzi mondani li, ftit ftit, mhux biss jikkundizzjonaw il-missjoni imma jagħmluha peżanti u bla ħila li tiġbed in-nies (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 26). Il-ħeġġa missjunarja għandha wiċċ żagħżguħ u kapaċi tnebbaħ għaż-żgħożija. Huma sewwasew iż-żgħażagħ li, bil-vitalità u d-dedikazzjoni tagħhom, jistgħu jġorru dan il-ġmiel u l-freskezza tipika taż-żgħożija, meta jqanqlu lill-komunità Nisranija biex tiġġedded u jistednuna nitilqu lejn ixfqa ġodda (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit, 37).

 

Imma dan mhuwiex dejjem faċli, għax jitlob minna li nitgħallmu nagħrfu u nfornulhom post fi ħdan il-komunità tagħna u s-soċjetà tagħna.

 

Imma kemm hi ħaġa iebsa meta naraw kif, minkejja t-tkabbir ekonomiku li pajjiżkom kellu fl-aħħar għaxriet ta’ snin, huma ż-żgħażagħ li qed ibatu l-iżjed, huma li qed jiġu affettwati l-agħar mill-qgħad li mhux biss jipprovoka futur inċert, imma jneħħilhom ukoll il-possibbiltà li jħossuhom protagonisti tal-istorja komuni tagħhom. Futur inċert li joħroġhom barra minn triqthom u jġagħalhom jiktbu ħajjithom ħafna drabi fit-truf, iħallihom vulnerabbli u kważi mingħajr punti ta’ riferiment quddiem ix-xejriet ġodda ta’ jasar ta’ dan is-seklu wieħed u għoxrin. Huma, iż-żgħażagħ tagħna, huma l-ewwel missjoni! Jeħtieġ nistednuhom isibu l-ferħ tagħhom f’Ġesù, mhux b’mod sterili jew mill-bogħod, imma billi nitgħallmu nagħmlulhom wisa’, nitgħallmu l-lingwaġġ tagħhom, nisimgħu l-istejjer tagħhom, ngħixu qrib tagħhom, inġagħluhom iħossu li huma mbierka minn Alla. Ma nħallux lil min jisirqilna l-wiċċ żagħżugħ tal-Knisja u tas-soċjetà! Ma nħallux lin-negozjanti tal-mewt jisirqulna l-frott bikri ta’ din l-art!

 

Liż-żgħażagħ tagħna u dawk li bħalhom iħossuhom bla vuċi għax mixħutin fil-prekarjetà, Patri Laval żgur kien jistedinhom biex iħallu tidwi mill-ġdid it-tħabbira ta’ Iżaija: “Intom, ħerbiet ta’ Ġerusalemm, għajtu lkoll bil-ferħ, għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu, feda lil Ġerusalemm” (52:9). Imqar meta dak li bih aħna mdawrin jista’ jidher bla soluzzjoni, it-tama f’Ġesù titlobna niksbu mill-ġdid iċ-ċertezza tat-trijonf ta’ Alla mhux biss lil hemm mill-istorja imma wkoll fin-nisġa moħbija tal-istejjer żgħar li jissenslu u li jarawna protagonisti tar-rebħa ta’ Dak li tana s-Saltna.

 

Biex ngħixu l-Vanġelu, ma nistgħux noqogħdu nistennew li kollox madwar jiġina tajjeb, għax spiss l-ambizzjonijiet tal-poter u l-interessi mondani jkunu jaħdmu kontrina. San Ġwanni Pawlu II afferma li “soċjetà hi aljenata jekk il-forom tagħha ta’ organizzazzjoni soċjali jew ta’ produzzjoni u ta’ konsum jagħmluha aktar iebsa li tagħti lilha nfisha ħa jkun hemm solidarjetà bejn il-popli” (Enċiklika Centesimus annus, 41ċ). F’soċjetà bħal din isir diffiċli li ngħixu l-Beatitudnijiet; ħaġa bħal din tista’ saħansitra ssir xi ħaġa li tidher kerha, ta’ suspett, redikola (ara Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 91). Huwa minnu dan, imma ma nistgħux inħallu l-qtigħ il-qalb jirbaħna.

 

F’riġlejn din il-muntanja, li llum nixtieqha kienet il-muntanja tal-Beatitudnijiet, aħna wkoll jeħtieġ nirkupraw mill-ġdid din l-istedina biex inkunu hienja. L-Insara hienja biss jistgħu jqanqlu x-xewqa f’oħrajn li jimxu f’dik l-istess triq: “Il-kelma ‘hieni’ u ‘mbierek’ issir sinonimu ta’ ‘qaddis’, għax tesprimi kif il-persuna fidila lejn Alla u li tgħix il-Kelma tiegħu tilħaq, fl-għotja tagħha nfisha, il-veru ferħ” (ibid., 64).

 

Meta nisimgħu lil min ibassar kważi b’theddida li “dejjem qed nonqsu”, jeħtieġ l-ewwel nitħassbu mhux daqstant fuq kif qed tonqos din jew dik l-għamla ta’ konsagrazzjoni fil-Knisja, imma pjuttost fuq kif qed jonqsu l-irġiel u nisa li jixtiequ jgħixu l-hena billi jimxu toroq ta’ qdusija, irġiel u nisa li jkebbsu lil qalbhom bit-tħabbira l-iżjed sabiħa u ħelliesa. “Jekk hemm xi ħaġa li bir-raġun kollu għandha tinkwetana u tħassibna fil-kuxjenza tagħna hi li tant minn ħutna qed jgħixu mingħajr il-qawwa, id-dawl u l-faraġ tal-ħbiberija ma’ Ġesù Kristu, mingħajr komunità ta’ fidi li tilqagħhom għandha, mingħajr ebda xefaq ta’ sens u ta’ ħajja” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 49).

 

Meta żagħżugħ jara proġett ta’ ħajja Nisranija qed jitwettaq bil-ferħ, dan iħeġġu u jagħmillu l-qalb u jħoss xewqa fih li jista’ jesprimiha b’dan il-mod: “Nixtieq nitla’ fuq dik il-muntanja tal-Beatitudnijiet, irrid niltaqa’ mal-ħarsa ta’ Ġesù u nisimgħu jgħidli liema hi l-mixja li twassalni għall-ferħ”.

 

Għeżież ħuti, ejjew nitolbu għall-komunitajiet tagħna, biex bix-xhieda li jagħtu tal-ferħ tal-ħajja Nisranija, jaraw twarrad il-vokazzjoni għall-qdusija fid-diversi xejriet ta’ ħajja li l-Ispirtu jipproponilna. Nitolbu għal din id-djoċesi, u anki għall-oħrajn li llum għamlu l-isforz u ġew hawn. Patri Laval, il-Beatu li tiegħu qed inqimu r-relikwi, ukoll għex mumenti ta’ delużjoni u diffikultà mal-komunità Nisranija, imma fl-aħħar fil-qalb tiegħu rebaħ il-Mulej. Wera fiduċja fil-qawwa tal-Mulej. Inħalluha tmiss il-qlub ta’ tant irġiel u nisa ta’ din l-art, inħalluha tmiss ukoll il-qlub tagħna, biex il-ġdid tagħha jġedded il-ħajja tagħna u dik tal-komunità tagħna (ara ibid., 11). U ma ninsewx li Dak li jsejjaħ bil-qawwa, Dak li jibni lill-Knisja, hu l-Ispirtu s-Santu, bil-qawwa tiegħu. Huwa l-protagonista tal-missjoni, hu l-protagonista tal-Knisja.

 

Ix-xbieha ta’ Marija, l-Omm li tħarisna u timxi magħna, tfakkarna li hija kienet imsejħa l-“hienja”. Lilha, li għexet it-tbatija bħal sejf li nifdilha qalbha, lilha, li rifset l-agħar għatba tad-dulur li hi dik li tara jmut lil binha, nitolbu d-don ta’ qalb miftuħa għall-Ispirtu s-Santu, tal-ferħ perseveranti, dak li ma jintrebaħx u ma jħarisx lura, dak li dejjem iduq u jistqarr: “Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar, qaddis hu l-isem tiegħu”.

 


 

Radd il-ħajr fi tmiem il-Quddiesa

 

Qabel nagħlqu din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq insellem minn qalbi lilkom kollha u nirringrazzjakom. Grazzi qabelxejn lill-Kardinal Piat, għall-kelmtejn tiegħu u għall-ħidma kollha ta’ preparazzjoni għal din iż-żjara; grazzi lill-kollaboraturi kollha u lill-poplu kollu ta’ Alla f’din il-Knisja.

 

Nesprimi l-rikonoxximent ħaj tiegħi lill-President tar-Repubblika, lill-Prim Ministru u lill-Awtoritajiet l-oħra tal-pajjiż, li se niltaqa’ magħhom waranofsinhar, għal-laqgħa sabiħa u għall-impenn ġeneruż li offrew.

 

U r-radd il-ħajr tiegħi jitwessa’ bi mħabba għas-saċerdoti, għad-djakni, għall-ikkonsagrati, għal tant voluntiera. Insellem lill-ħabsin li għamlu l-mixja “Alpha” fil-ħabs u li kitbuli; minn qalbi nselli għalihom u nberikhom.

 

Fl-aħħar nett, tislima mimlija gratitudni lill-poplu kollu ta’ Alla hawn preżenti, b’mod partikulari lill-fidili mis-Seychelles, Réunion, Comore, Chagos, Agaléga, Rodrigues u l-Mauritius. Niżgurakom mit-talb u l-qrubija tiegħi. Il-Mulej jissokta jagħti lil kulħadd għerf u qawwa biex taslu għal dak li bi dritt tixtiequ. U intom, jekk jogħġobkom, komplu itolbu għalija. Grazzi lil kulħadd!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard