Għeżież ħuti,

 

Irrodd ħajr lil Alla għal din il-kommemorazzjoni komuni tal-ħames mitt sena mir-Riforma, li qed ngħixu bi spirtu mġedded u fl-għarfien li l-għaqda bejn l-Insara hi prijorità, għax nagħrfu li bejnietna iżjed hemm x’jgħaqqadna milli x’jifridna. Il-mixja li qbadna biex nilħquha diġà hi don kbir li qed jagħtina Alla u, grazzi għall-għajnuna tiegħu, illum ninsabu miġbura hawn, Luterani u Kattoliċi, fi spirtu ta’ komunjoni, biex nixħtu ħarsitna fuq is-Sid waħdieni tagħna, Sidna Ġesù Kristu.

 

Bid-djalogu ta’ bejnietna stajna nsaħħu l-għarfien reċiproku, innisslu fiduċja f’xulxin u nwettqu x-xewqa tagħna li nimxu lejn il-komunjoni sħiħa. Frott li pproduċa dan id-djalogu hi l-kollaborazzjoni bejn il-bosta organizzazzjonijiet tal-Federazzjoni Luterana Dinjija u tal-Knisja Kattolika. Grazzi għal din il-klima ġdida ta’ ftehim, illum Caritas Internationalis u s-Servizz Dinji tal-Federazzjoni Luterana Dinjija se jiffirmaw dikjarazzjoni komuni ta’ ftehim, bl-għan li jiżviluppaw u jsaħħu kultura ta’ kollaborazzjoni għall-promozzjoni tad-dinjità umana u tal-ġustizzja soċjali. Insellem minn qalbi lill-membri taż-żewġ organizzazzjonijiet li, f’dinja mbiċċra mill-gwerer u l-ġlied, kienu u huma eżempju jixgħel ta’ dedikazzjoni u ta’ qadi lill-proxxmu. Inħeġġiġhom jibqgħu mexjin fit-triq tal-koperazzjoni.

 

Smajt b’attenzjoni x-xhieda: kif, qalb tant sfidi, jum wara jum, huma joffru ħajjithom biex jibnu dinja li tikkorrispondi dejjem iżjed għall-pjan ta’ Alla, Missierna. Pranita tkellmet dwar il-ħolqien. Bla dubju, il-ħolqien kollu hu wirja tal-imħabba bla tarf ta’ Alla lejna; għalhekk, anki permezz tad-doni tan-natura aħna nistgħu nikkontemplaw lil Alla. Bħalkom jien ukoll nitnikket minħabba l-abbużi li jagħmlu ħsara lill-pjaneta, id-dar komuni tagħna, li jħallu konsegwenzi gravi anki fuq il-klima. Kif fakkartna tajjeb inti, l-ikbar impatt spiss ikun fuq il-persuni l-iżjed vulnerabbli u b’inqas riżorsi, li jkollhom jemigraw biex isalvaw mill-effetti tal-bidliet klimatiċi. Kif ngħidu f’pajjiżi, f’art twelidi: “Fl-aħħar, il-festa kbira jispiċċaw iħallsuha l-foqra”. Aħna lkoll responsabbli mill-ħarsien tal-ħolqien, b’mod partikulari aħna l-Insara. L-istil ta’ ħajja li ngħixu, l-imġiba tagħna jeħtieġ ikunu koerenti mal-fidi tagħna. Aħna msejħa nxettlu armonija fina nfusna u mal-oħrajn, imma anki ma’ Alla u mal-opra ta’ jdejh. Pranita, inħeġġek tibqa’ għaddejja bl-impenn tiegħek b’risq id-dar komuni tagħna. Grazzi!

 

Mons. Héctor Fabio għarrafna fuq il-ħidma komuni bejn Kattoliċi u Luterani fil-Kolombja. X’aħbar tajba din li l-Insara qed jaħdmu flimkien biex jagħtu l-ħajja lil mixjiet komunitarji u soċjali ta’ interess komuni. Nitlobkom titolbu b’mod speċjali għal dik l-art sabiħa biex, bil-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, sa fl-aħħar tista’ tasal għall-paċi, tant mixtieqa u meħtieġa għal konvivenza umana xierqa. U ladarba l-qalb Nisranija, jekk tħares lejn Ġesù, ma tafx b’limiti, ħa tkun din talba li tmur iktar lil hemm u tħaddan lill-pajjiżi kollha li fihom hemm sitwazzjonijiet gravi ta’ ġlied.

 

Marguerite ġibditilna l-attenzjoni fuq il-ħidma b’risq it-tfal vittmi ta’ tant kefrijiet u fuq l-impenn b’risq il-paċi. Xi ħaġa li tammiraha u, fl-istess ħin, sejħa biex nieħdu bis-serjetà sitwazzjonijiet bla għadd ta’ vulnerabbiltà li ħafna persuni qed ibatu bla ma jsibu lil ħadd jiddefendihom, dawk li huma bla vuċi. Dik li int tqisha bħala missjoni, kienet żerriegħa, żerriegħa li għamlet frott kotran, u llum, grazzi għal din iż-żerriegħa, eluf ta’ tfal jistgħu jistudjaw, jikbru u jerġgħu jsibu saħħithom. Issugrajt fuq il-futur! Grazzi. U nirringrazzjak għall-fatt li issa, anki fl-eżilju, qed tkompli twassal messaġġ ta’ paċi. Għidt li dawk kollha li jafuk jaħsbu li dak li qed tagħmel hu ġennata. Bla dubju, hu l-ġenn tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu. Mhux li kien din il-ġennata tixtered iżjed, imdawla mill-fidi u mill-fiduċja fil-Providenza! Ibqa’ sejjer hekk, u jalla dak il-leħen ta’ tama, li smajt fil-bidu tal-avventura tiegħek u tas-sogru li ħadt, jibqa’ jqanqal lil qalbek u l-qalb ta’ ħafna żgħażagħ.

 

Rose, l-iżjed żagħżugħa, offriet xhieda tassew imqanqla. Għarfet tapprofitta mit-talent li taha Alla permezz tal-isport. Flok ħliet saħħitha fuq sitwazzjonijiet ostili, ħaddmitha f’ħajja għammiela. Jien u nisma’ l-istorja tagħha, ġewni f’moħħi tant żgħażagħ li għandhom bżonn ta’ xhieda bħal din tiegħek. Nieħu gost niftakar li kulħadd jista’ jiskopri l-kundizzjoni hekk sabiħa ta’ wlied Alla u l-privileġġ li hu jħobbna u jridilna l-ġid. Rose, nirringrazzjak minn qalbi għall-isforzi u s-sagrifiċċji tiegħek biex tħeġġeġ xebbiet oħra jerġgħu jiġu l-iskola, u anki għat-talb tiegħek li tagħmel ta’ kuljum għall-paċi fl-Istat żagħżugħ tas-Sudan ta’ Isfel, li tant għandu bżonn.

 

U wara li smajt dawn ix-xhieda qawwija, li jġagħluna naħsbu fuq ħajjitna u fuq il-mod kif qed inwieġbu għas-sitwazzjonijiet ta’ bżonn li għandna madwarna, nixtieq nirringrazzja lill-Gvernijiet kollha li jgħinu lir-rifuġjati, lill-Gvernijiet li jassistu lill-immigranti u lil dawk li qed jitolbu kenn, għax kull ħidma b’risq dawn il-persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni hi ġest kbir ta’ solidarjetà u ta’ rikonoxximent tad-dinjità tagħhom. Għalina l-Insara hi prijorità li niltaqgħu ma’ dawk li huma skart – għax huma mormija mill-istess pajjiżhom –, mal-imwarrbin tad-dinja tagħna, u li nagħmlu tanġibbli l-ħlewwa u l-imħabba ħanina ta’ Alla, li ma jarmi lil ħadd, imma lil kulħadd jilqa’. Minna l-Insara llum hu mitlub li nsiru protagonisti tar-rivoluzzjoni tal-ħlewwa u t-tjieba.

 

Ftit ieħor nisimgħu x-xhieda tal-Isqof Antoine, li jgħix Aleppo, belt mifnija mill-gwerra, fejn huma mistmella u mżebilha saħansitra d-drittijiet l-iżjed fundamentali. L-aħbarijiet ta’ kuljum isemmulna t-tbatija bla qies ikkawżata mill-kunflitt Sirjan, mill-ġlied fil-maħbuba Sirja, li issa ilu għaddej ħames snin. Qalb tant tifrik, hi tassew ħaġa erojka li hemm għadek issib irġiel u nisa li qed jagħtu l-għajnuna materjali u spiritwali lil min jeħtieġha. Hi wkoll ħaġa ta’ min jammiraha li int, għażiż ħija Antoine, qed tkompli taħdem qalb tant perikli biex tirrakkontalna l-qagħda drammatika tas-Sirjani. Kull wieħed u waħda minnhom jinsab f’qalbna u fit-talb tagħna. Nitolbu l-grazzja tal-konverżjoni tal-qlub ta’ dawk li għandhom f’idejhom ir-responsabbiltà tad-destin tad-dinja, ta’ dak ir-reġjun u ta’ dawk kollha li jintervienu fih.

 

Għeżież ħuti, ma nħallux il-kuntrarju jirbaħna. Dawn l-istejjer, dawn ix-xhieda jimmotivawna u joffrulna ħeġġa ġdida biex naħdmu dejjem iżjed f’għaqda ma’ xulxin. Lura d-dar, ejjew nieħdu magħna l-impenn li ta’ kuljum nagħmlu ġest ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni, biex inkunu xhieda qalbiena u fidili tat-tama Nisranija. U kif nafu, it-tama ma tqarraqx bina! Grazzi!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard