Jiddispjaċini ta’ l-aħħar darba, verament.  Fil-għodu ħassejtni ma niflaħx, telagħli d-deni, u kelli nħassar l-appuntamenti kollha.  Skużawni ta’ dak in-nhar.

 

Nagħtikom merħba, lilkom li ssawru l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, lill-kollaboraturi u lill-familjari tagħkom.  Nirringrazzja lill-Prof. Michele Vietti għall-kliem ġentili tiegħu; u nsellem minn qalbi lill-President tar-Repubblika, li jippresiedi din l-Istituzzjoni.

 

Id-dmir fdat f’idejkom b’servizz lin-Nazzjon għandu bħala għan tiegħu t-tħaddim tajjeb ta’ qasam vitali tal-ħajja soċjali.  Għalhekk nixtieq nesprimi l-istima u l-inkuraġġiment tiegħi għall-ħidma tagħkom u lejn dawk kollha li huma impenjati f’dan il-qasam b’kuxjenza retta u b’sens qawwi ta’ responsabbiltà ġuridika u ċivika.

 

Nixtieq nieqaf fuq aspett etiku li l-uffiċċju tal-maġistrat jinkarna fih.  F’kull pajjiż in-normi ġuridiċi għandhom l-għan li jħarsu l-libertà u l-indipendenza tal-maġistrat, biex jista’ jwettaq bil-garanziji meħtieġa x-xogħol importanti u delikat tiegħu.  Dan lilkom iqegħidkom f’pożizzjoni ta’ importanza partikulari, biex twieġbu b’mod adegwat għall-inkarigu li s-soċjetà tafdalkom, biex timxu b’imparzjalità dejjem inkonfutabbli; biex tiddixxernu b’oġġettività u prudenza u msejsa biss fuq in-norma ġuridika ġusta; u fuq kollox biex twieġbu għal-leħen ta’ kuxjenza soda mibnija fuq il-valuri fundamentali.  L-indipendenza tal-maġistrat u l-oġġettività tal-ġudizzju li jesprimi, jitolbu applikazzjoni attenta u puntwali tal-liġijiet applikati fil-mument.  Iċ-ċertezza tad-dritt u l-bilanċ bejn id-diversi poteri ta’ soċjetà demokratika jsibu s-sintesi tagħhom fil-prinċipju tal-legalità, li l-maġistrat ifittex li jħares.

 

Mill-ġudikant jiddipendu deċiżjonijiet li mhux biss jinfluwenzaw id-drittijiet u l-beni taċ-ċittadini, imma li jħallu impatt fuq l-istess ħajja tagħhom.  Għalhekk, is-suġġett tal-ġudizzju, f’kull livell, għandu jkollu kwalitajiet intellettwali, psikoloġiċi u morali li jagħtu garanzija ta’ affidabbiltà għal funzjoni ta’ tant importanza.  Fost il-kwalitajiet kollha, dik dominanti u, fil-fehma tiegħi, speċifika għall-ġudikant hi l-prudenza.  Din m’hix virtù biex ma tiħux azzjoni: “Jien prudenti: ma niħux azzjoni”, le!  Hi virtù ta’ tmexxija, virtù biex tmexxi l-affarijiet ’il quddiem, il-virtù li tgħinek tqis b’serenità r-raġunijiet tad-dritt u tal-fatt li għandhom ikunu fil-qafas ta’ kull ġudizzju.  Ikollok iżjed prudenza jekk tikseb bilanċ għoli interjuri, li kapaċi jaħkem fuq il-ġibdiet tal-karattru partikulari, il-veduti personali, il-konvinċimenti ideoloġiċi tiegħek.

 

Is-soċjetà Taljana tistenna ħafna mill-maġistratura, speċjalment fil-kuntest attwali kkaratterizzat, fost l-oħrajn, minn nixfa fil-wirt tal-valuri u mill-evoluzzjoni ta’ l-istrutturi demokratiċi.  Agħmluh impenn tagħkom li ma tiddeludux dak li leġittimament tistenna minnkom in-nies.  Ħabirku biex tkunu dejjem iżjed eżempju ta’ moralità integra għas-soċjetà kollha.  M’humiex neqsin tagħlim u mudelli ta’ valur għoli li minnhom tistgħu titnebbħu.  Nixtieq insemmi l-figura ispiranti ta’ Vittorio Bachelet, li mexxa l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura fi żminijiet diffiċli qatigħ u spiċċa vittma tal-vjolenza ta’ l-hekk imsejħa “snin taċ-ċomb”; u dik ta’ Rosario Livatino, maqtul mill-Mafja, li bħalissa għaddejja l-kawża tal-beatifikazzjoni tiegħu.  Huma taw xhieda eżemplari ta’ l-istil li għandu jkollu l-lajk fidil Nisrani: leali lejn l-istituzzjonijiet, miftuħ għad-djalogu, sod u kuraġġjuż fil-ħarsien tal-ġustizzja u d-dinjità tal-bniedem.

 

Il-Mulej, Imħallef ġust u Missier il-ħniena, idawwal il-ħajja tagħkom u dak li tagħmlu.  Il-barka tiegħu ssieħeb u twieżen lil kull wieħed u waħda minnkom u l-ħidma kolleġġjali tagħkom, kif ukoll lill-kollegi maġistrati tagħkom u l-familji tagħkom.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard