Vjaġġ ta’ Papa Franġisku
fil-Mozambique, Madagascar u Mauritius

(4 - 10 ta’ Settembru, 2019)

Laqgħa mas-Saċerdoti, mar-Reliġjużi rġiel u nisa u mas-Seminaristi

Diskors tal-Qdusija tiegħu l-Papa

Kulleġġ Saint Michel (Antananarivo)
Il-Ħadd, 8 ta’  Settembru, 2019

 

 

Għeżież ħuti, meta ġabuli din il-mejda ħsibt li hi għall-ikel, iżda minflok hi biex nitkellem!

Nirringrazzjakom tal-merħba kbira li tajtuni! Nixtieq li l-ewwel kliem tiegħi jmur b’mod speċjali għal dawk is-saċerdoti u rġiel u nisa kkonsagrati li ma setgħux jivvjaġġaw biex ikunu magħna hawnhekk minħabba problemi ta’ saħħa, it-toqol tas-snin jew xi inkonvenjent ieħor. Fis-silenzju, nitolbu lkoll flimkien għalihom. (Jitolbu fis-skiet)

Wasalt biex flimkien magħkom intemm iż-żjara tiegħi fil-Madagascar. Meta nara il-ferħ tagħkom u naħseb fuq dak kollu li għext f’dan iż-żmien qasir f’din il-gżira tagħkom, jiġu f’qalbi l-kliem ta’ Ġesù li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Luqa. Imqanqal bil-ferħ Hu qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (10,21). Dan il-ferħ tagħkom hu xhieda ta’ Ġesù, għax anki dawk li taraw bħala problemi huma sinjal ta’ Knisja ħajja, ta’ Knisja impenjata, li kuljum tfittex li tkun preżenza tal-Mulej. Kif qalet Sr. Suzanna: Knisja li tfittex li tkun qrib in-nies; li ma żżommx ruħha ‘l bogħod mill-poplu, imma li timxi bħala poplu t’Alla!

Din ir-realtà twassalna biex niftakru u nħossuna grati lejn dawk kollha li ma beżgħux jagħtu ħajjithom għal Ġesù Kristu u għas-Saltna tiegħu, u li llum intom għandkom sehem mill-wirt li ħallew. Hawnhekk, qabilkom kien hawn l-għeruq: l-għeruq tal-evanġelizzazzjoni. Intom il-frott ta’ dawn l-għeruq, u intom ukoll għad tħallu l-wirt tagħkom lill-oħrajn. Bħalissa qed jiġu quddiem għajnejja l-Lazzaristi, il-Ġiżwiti, is-Sorijiet  ta’ San Ġużepp ta’ Cluny, l-Aħwa tal-Iskejjel Insara, il-Missjunarji ta’ Salette u tant pijunieri oħra, isqfijiet, saċerdoti u kkonsagrati. U tant lajċi wkoll, li fiż-żmenijet diffiċli tal-persekuzzjoni, meta ħafna missjunarji u kkonsagrati kellhom jitilqu,  huma  żammew il-fjamma tal-fidi ħajja f’dawn l-artijiet. Dan ifakkarna fil-Magħmudija tagħna, meta permezz ta’ dan l-ewwel Sagrament kbir irċevejna s-siġill ta’ wlied Alla. Il-bqija hu espressjoni u manifestazzjoni ta’ dik l-imħabba tal-bidu li aħna dejjem imsejħin biex inġeddu.

Is-silta tal-Evanġelju li semmejt hi parti mit-talba ta’ tifħir li Ġesù għamel lill-Mulej meta t-tnejn u sebgħin dixxiplu reġgħu lura wara l-missjoni tagħhom. Bħalkom, huma aċċettaw l-isfida li jkunu Knisja li “toħroġ”, ġabu lura magħhom xkejjer mimlija u qasmu dak kollu li semgħu u raw. Intom ukoll ilqajtu l-isfida u ħriġtu twasslu d-dawl tal-Evanġelju f’kull rokna ta’ dil-gżira.

Naf li bosta minnkom jgħixu f’kundizzjonijiet diffiċli, fejn hemm nuqqas ta’ servizzi essenzjali – m’hemmx ilma, elettriku, toroq, mezzi ta’ komunikazzjoni – jew fejn m’hemmx riżorsi ekonomiċi meħtieġa għall-għixien u għall-ħidma pastorali. Ħafna minnkom iġorru fuq spallejhom il-piż tal-ħidma appostolika, li xi drabi tħalli l-effetti tagħha anki fuq saħħithom. Iżda xorta tagħżlu li tibqgħu hawn qrib il-poplu tagħkom. Ta’ dan, nirringrazzjakom! Grazzi mill-qalb ta’ din ix-xhieda, grazzi talli għażiltu li tibqgħu hawn qrib tan-nies u ma ħallejtux il-vokazzjoni tagħkom tkun “tarġa għall-ħajja aħjar”! Għal dan kollu ngħidikom: grazzi! Intom għażiltu li tibqgħu hawn. Kif qalet Sr.Suzanna: “Minkejja l-miżerji u d-dgħufija tagħna, aħna lesti li nagħtu ħajjitna għall-missjoni kbira tal-evanġelizzazzjoni”. Il-persuna kkonsagrata (fis-sens wiesa’ tal-kelma) hi l-mara u r-raġel li tgħallmu u jridu jibqgħu fil-qalb tal-Mulej u fil-qalb tal-poplu tagħhom. Dan hu l-qofol: li tibqgħu fil-qalb tal-Mulej u tal-poplu!

Meta Ġesù laqa’ lid-dixxipli li reġgħu lura u semagħhom, l-ewwel ħaġa li għamel kienet li faħħar u bierek lill-Missier. Dan jindikalna aspett fundamentali tal-vokazzjoni tagħna. Aħna rġiel u nisa li nagħtu tifħir. Il-persuna kkonsagrata tista’ tagħraf u tindika l-preżenza t’Alla kulfejn tkun. U aktar minn hekk, hi tixtieq tgħix fil-preżenza tiegħu li tgħallmet idduq, tiggosta u taqsam mal-oħrajn.

Meta nfaħħru lil Alla, aħna nagħrfu min aħna u ta’ min aħna. Dan it-tifħir jeħles lid-dixxiplu mill-inkwiet; ma jħallihx jinkwieta minħabba dak “li suppost jagħmel” - dan l-inkwiet hu bħal susa li tirrovina. It-tifħir iwassal lid-dixxiplu biex jiggosta l-missjoni tiegħu u jħeġġu biex jibqa’ ma’ niesu; jgħinu jiggosta “l-kriterji” li bihom ikejjel lilu nnifsu, lill-oħrajn u l-ħidma missjunarja kollha, għax xi drabi ftit ikollhom togħma tal-Evanġelju.

Spiss ikollna t-tentazzjoni li nqattgħu s-sigħat nitkellmu dwar “suċċessi” jew “fallimenti”,  dwar “is-siwi” tal-azzjonijiet tagħna jew dwar “l-effett” li jista’ jkollhom fuq is-soċjetà jew f’xi qasam ieħor. Dawn id-diskussjonijiet jispiċċaw biex jieħdu l-ewwel post u jsiru ċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna. U dan sikwit iwassalna biex noħolmu bi pjanijiet appostoliċi akbar, aktar metikolużi u ppjanati tajjeb..... imma li huma tipiċi ta’ ġenerali mirbuħa! U hekk inkunu qed niċħdu l-istorja tagħna – bħalma hi dik tal-poplu tagħkom – li hi storja glorjuża daqskemm hi storja ta’ sagrifiċċji, ta’ tama, ta’ ġlieda ta’ kuljum, ta’ ħajja kkunsmata fis-servizz, ta’ perseveranza f’ħidma iebsa (ara Esort. ap. Evangelii gaudium, 96).

Meta nfaħħru lil Alla, nitgħallmu ma “nitilfux il-boxxla”, il-mezzi ma jsirux il-finijiet tagħna; dak li jkun żejjed ma jibqax importanti u nitgħallmu nkunu ħielsa u nagħtu bidu għal proċessi aktar milli nippossiedu spazji (ara Evangelii gaudium, 223). Minflok ma nitkabbru b’ċertu “qligħ” pastorali faċli u li malajr jgħaddi, inkunu lesti li nippromwovu dak kollu li jkabbar, jimmatura u jagħti frott għall-Poplu t’Alla. F’ċertu sens, il-biċċa l-kbira ta’ ħajjitna, il-ferħ u l-fekondità tagħna jiġu mill-istedina ta’ Ġesù biex nagħtu tifħir lil Alla. Kif kien jisħaq Romano Guardini, dak ir-raġel għaref u qaddis: “Min jadura lil Alla b’sentimenti profondi, anki billi jwettaq ġesti konkreti, dan isib ruħu fil-kenn tal-verità. Jista’ jiżbalja f’ħafna affarijiet, isib ruħu skomdu u skunċertat minħabba t-toqol tal-azzjonijiet tiegħu, imma d-direzzjoni u l-ordni tal-eżistenza tiegħu huma fiż-żgur” (Glaubens-erkenntnis, Mainz 31997, p. 17),għax ifaħħar u jadura.

It-tnejn u sebgħin irrealizzaw li s-suċċess tal-missjoni tagħhom kien ġej mill-fatt li huma wettquha “f’isem il-Mulej Ġesù”. U stagħġbu biha din il-ħaġa. Ma kellhiex x’taqsam mal-virtujiet tagħhom, mal-ismijiet jew titli; ma kellhomx bżonn jagħmlu propaganda; ma kenitx il-fama jew il-pjanijet tagħhom li qanqlu lin-nies u salvawhom. Il-ferħ tad-dixxipli twieled miċ-ċertezza li kienu qed jagħmlu kollox f’isem il-Mulej, li kienu qed jgħixu l-pjan tiegħu, qed jaqsmu mill-ħajja tiegħu. U dan wassalhom biex jinnamraw minn din il-ħajja u qanqalhom biex jaqsmuha ma’ oħrajn.

Interessanti tinnota li meta Ġesù ġabar il-ħidma li d-dixxipli wettqu waqt il-missjoni tagħhom, hu tkellem dwar ir-rebħa fuq is-setgħa tax-xitan, setgħa li qatt ma nistgħu nirbħuha bil-forzi tagħna biss, imma żgur li nistgħu nirbħuha f’isem Ġesù. Kull wieħed minna jista’ jagħti xhieda ta’ dawn il-battalji.... li xi drabi forsi jegħlbuna wkoll. Fis-sitwazzjonijiet li semmejtu meta tkellimtu dwar l-oqsma fejn twettqu l-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni, intom tagħmlu l-istess ġlieda f’isem Ġesù. F’ismu, intom tirbħu l-ħażen meta tgħallmu lill-oħrajn ifaħħru lil Missierna tas-sema, meta b’mod sempliċi tgħallmu l-Evanġelju u l-katekiżmu, meta żżuru l-morda jew twasslu l-faraġ tar-rikonċiljazzjoni. Tagħmlu rebħa f’Ismu meta titimgħu lil xi tifel ċkejken, meta ssalvaw lil xi omm mid-disperazzjoni għax ikollha tiffaċċa kollox waħidha jew meta ssibu x-xogħol lil xi missier ta’ familja.... Tkunu qed tirbħu l-battalja meta tegħlbu l-injoranza billi tagħtu l-edukazzjoni. Tkunu qed twasslu l-preżenza t’Alla meta tgħinu lill-oħrajn jirrispettaw il-kreaturi kollha b’ordni u perfezzjoni u tevitaw li jkunu użati jew sfruttati. Hu sinjali ta’ rebħa anki meta wieħed iħawwel siġra jew iwassal l-ilma tax-xorb lil xi familja. X’sinjal kbir ta’ rebħa fuq il-ħażen meta tistinkaw biex eluf ta’ nies jerġgħu jiksbu saħħithom!

Kompluhom dawn il-battalji, imma dejjem bit-talb u t-tifħir lil Alla!

Hemm ukoll il-ġlieda li ngħixu fina nfusna. Il-Mulej jeħlisna mill-effetti tal-ispirtu ħażin li ħafna drabi jnissel fina “preokkupazzjoni esaġerata għall-spazji personali ta’ awtonomija u ta’ mistrieħ, preokkupazzjoni li twassalna biex ngħixu dmirijietna qishom xi ħaġa miżjuda u m’humiex parti mill-identità tagħna. Fl-istess waqt, nifxlu l-ħajja spiritwali ma’ mumenti reliġjużi li joffru ċertu serħan, iżda li ma jsaħħux il-laqgħa tagħna mal-oħrajn, l-impenn fid-dinja u l-ħerqa għall-evanġelizzazzjoni”. (Esort. ap. Evangelii gaudium, 78).  U hekk minflok ma nkunu rġiel u nisa ta’ tifħir insiru “professjonisti tas-sagru”. Ejjew nirbħu l-ispirtu ħażin hemm fejn jinsab! Meta dan l-ispirtu jistedinna npoġġu l-fiduċja tagħna fis-sigurtà finanzjarja, fil-poter u fil-glorja umana, ejjew inwieġbu bid-disponibbiltà u l-faqar tal-Evanġelju, li jwassluna biex nagħtu ħajjitna għall-missjoni tagħna. Jekk jogħġobkom,tħallux min jisirqilna l-ferħ missjunarju! 

Għeżież ħuti, Ġesù faħħar lill-Missier għax wera dawn il-ħwejjeġ liċ-“ċkejknin”. Aħna ċkejknin tassew għax il-ferħ tagħna, il-feliċità tagħna jinsabu f’din ir-rivelazzjoni li  tana Hu. Min hu sempliċi “jara u jisma’” dak li ma rawx u ma semgħux l-għorrief, il-profeti u s-slaten: dan ifisser li min hu sempliċi jara l-preżenza t’Alla fil-morda u l-imnikktin, f’min hu bil-ġuħ u bil-għatx għall-ġustizzja, f’dawk li jħennu (ara Mt 5,3-12; Lq 6,20-23). Henjin intom, hienja l-Knisja tal-foqra u għall-foqra, għax tgħix mimlija bil-fwieħa tal-Mulej, tgħix ferħana waqt li tħabbar il-Bxara t-Tajba lil dawk li d-dinja twarrabhom, lil dawk li huma ħafna għall-qalb il-Mulej

Nitlobkom twasslu l-imħabba tiegħi lill-komunitajiet tagħkom; għidulhom li jiena qrib tagħhom, li nitlob għalihom u nberikhom. Waqt li nagħtikom il-barka f’isem il-Mulej, nistedinnkom taħsbu fil-komunitajiet tagħkom, fil-postijiet fejn twettqu l-missjoni tagħkom biex il-Mulej ikompli jbierek lil dawn in-nies kollha hemm fejn jinsabu. Komplu kunu sinjal tal-preżenza ħajja tiegħu fostna.

U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija u tgħidu lill-oħrajn biex jitolbu għalija.

 * * *

Qabel ma nispiċċa nixtieq nagħmel att ta’ ġustizzja u gratitudni. Dan hu l-aħħar wieħed mid-disgħa diskorsi li Patri Marcel għamel it-traduzzjoni tagħhom. Ser inġiegħlu jistħi għax irid jittraduċi anki dak li qed ngħid. Imma nixtieq nirringrazzja lil Patri Marcel . (Idur lejh) Nirringrazzjak għal għax-xogħol kollu li għamilt; nirringrazzjak għall-preċiżjoni tiegħek u anki għal-libertà li biha tajt sens lill-kliem fit-traduzzjoni tiegħek. Nirringrazzjak ħafna u l-Mulej ibierkek.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard