VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-MOZAMBIQUE, IL-MADAGASCAR U L-MAURITIUS

(4-10 TA’ SETTEMBRU 2019)

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Kamp Djoċesan ta’ Soamandrakizay (Antananarivo)

Il-Ħadd 8 ta’ Settembru 2019

 

Il-Vanġelu qalilna li “kotra kbira ta’ nies kienet miexja [ma’ Ġesù]” (Lq 14:25). Bħal dawk il-folol li kienu jimġemgħu hu u miexi Ġesù, intom ġejtu f’għadd kbir biex tilqgħu l-messaġġ tiegħu u biex timxu warajh. Imma intom tafu tajjeb li l-mixja wara Ġesù ma tantx fiha serħan! Intom ma striħajtu xejn, u ħafna minnkom anki l-lejl qattajtu hawn. Il-Vanġelu ta’ Luqa, fil-fatt, illum ifakkarna fl-esiġenzi ta’ dan l-impenn.

 

Importanti ninnotaw li dawn il-preskrizzjonijiet jingħataw fil-qafas tal-mixja ta’ Ġesù li tiela’ Ġerusalemm, bejn il-parabbola tal-ikla tal-festa tat-tieġ li għaliha mistieden kulħadd (speċjalment il-persuni rrifjutati li jgħixu fit-toroq u fil-pjazez, f’salib it-toroq) u t-tliet parabboli msejħa tal-ħniena, fejn tiġi organizzata l-festa meta dak li jkun intilef jinstab, meta dak li deher li miet jiġi milqugħ, iffesteġġjat u mogħti lura l-ħajja fil-possibbiltà ta’ bidu ġdid. Kull ċaħda Nisranija għandha tifsira biss fid-dawl tal-ferħ u tal-ferħ tal-laqgħa ma’ Ġesù Kristu.

 

L-ewwel esiġenza tistedinna nħarsu lejn ir-relazzjonijiet familjari tagħna. Il-ħajja ġdida li l-Mulej qed jipproponilna tidher skomda u tinbidel f’inġustizzja skandaluża għal dawk li jaħsbu li d-dħul għas-Saltna tas-Smewwiet jista’ jillimita jew jirriduċi ruħu biss għar-rabtiet tad-demm, għall-appartenenza għal grupp determinat, għal clan jew għal kultura partikulari. Meta l-“parentela” ssir il-muftieħ deċiżiv u determinanti ta’ dak kollu li hu ġust u tajjeb, nispiċċaw biex niġġustifikaw u saħansitra “nikkonsagraw” xi mġibiet li jwasslu għal kultura tal-privileġġ u tal-esklużjoni (favoritiżmi, klijenteliżmi, u allura korruzzjoni). L-esiġenza li jagħtina l-Imgħallem twassalna biex nerfgħu ħarsitna u tgħidilna: kull min mhux kapaċi jara lill-ieħor bħala ħuh, li qalbu titqanqal għal ħajtu u għall-qagħda tiegħu, lil hemm mill-provenjenza familjari, kulturali, soċjali tiegħu, “ma jistax ikun dixxiplu tiegħi” (Lq 14:26). L-imħabba u l-għotja tiegħu huma don b’xejn minħabba f’kulħadd u għal kulħadd.

 

It-tieni esiġenza turina kemm hu diffiċli nimxu wara l-Mulej meta rridu nidentifikaw is-Saltna tas-Smewwiet mal-interessi personali tagħna u mal-faxxinu ta’ xi ideoloġija li tispiċċa tistrumentalizza l-isem ta’ Alla jew ir-reliġjon biex tiġġustifika atti ta’ vjolenza, ta’ segregazzjoni u saħansitra ta’ omiċidju, eżilju, terroriżmu u emarġinazzjoni. L-esiġenza tal-Imgħallem tinkuraġġina biex ma nimmanipulawx il-Vanġelu b’riduzzjoniżmi dojoq, imma biex nibnu l-istorja fil-fraternità u s-solidarjetà, fir-rispett b’xejn lejn l-art u lejn id-doni tagħha kontra kull xorta ta’ sfruttament; bil-kuraġġ li ngħixu d-“djalogu bħala triq; il-kollaborazzjoni komuni bħala mġiba; l-għarfien reċiproku bħala metodu u kriterju” (Dokument fuq il-fratellanza umana, Abu Dhabi, 4 ta’ Frar 2019); u ma nċedux għat-tentazzjoni ta’ ċerti duttrini li mhumiex kapaċi jaraw jikbru flimkien il-qamħ u s-sikrana waqt li jistennew il-wasla ta’ sid il-ħsad (ara Mt 13:24-30).

 

U fl-aħħar nett: kemm tista’ ssir ħaġa diffiċli li naqsmu l-ħajja ġdida li jagħtina l-Mulej meta aħna kontinwament ħsiebna kif ħa niġġustifikaw lilna nfusna, għax nemmnu li kollox ġej esklussivament mill-qawwa tagħna u minn dak li għandna; meta l-ġirja biex inġemmgħu l-ġid issir ħaġa li ddejjaq u tgħaffeġ lill-oħrajn – kif smajna fl-Ewwel Qari – u żżid l-egoiżmu u l-użu ta’ mezzi immorali! L-esiġenza tal-Imgħallem hi stedina biex insibu mill-ġdid il-memorja grata u nagħrfu li, pjuttost milli rebħa personali, il-ħajja tagħna u l-ħiliet tagħna huma frott ta’ don (ara Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 55), minsuġa bejn Alla u tant idejn siekta ta’ persuni li għad naslu biex insiru nafu isimhom biss fil-manifestazzjoni tas-Saltna tas-Smewwiet.

 

B’dawn l-esiġenzi, il-Mulej irid iħejji lid-dixxipli tiegħu għall-festa tal-wasla tas-Saltna ta’ Alla, jeħlishom minn dak ix-xkiel qerriedi, li żgur mhux forsi hu wieħed mill-agħar xejriet ta’ jasar: li ngħixu għalina nfusna. Hi t-tentazzjoni li ningħalqu fid-dinja żgħira tagħna li tispiċċa biex ftit tħalli wisa’ għall-oħrajn: il-foqra ma jsibux iżjed fejn jidħlu, il-leħen ta’ Alla ma jibqax jiġix mismugħ, ma nibqgħux ingawdu iżjed il-ferħ ħelu ta’ mħabbtu, f’qalbna ma jibqax iħabbat iżjed l-entużjażmu li nagħmlu l-ġid… Ħafna, f’dan l-għeluq, minn barra jista’ jkun li jħossuhom fiż-żgur, imma fl-aħħar mill-aħħar isiru persuni mdejqa, dejjem igergru, bla ħajja. Din mhijiex l-għażla ta’ ħajja dinjituża u sħiħa, din mhix ix-xewqa ta’ Alla għalina, mhijiex il-ħajja fl-Ispirtu li tnixxi mill-qalb ta’ Kristu Rxoxt (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 2).

 

Fit-triq lejn Ġerusalemm, il-Mulej, ma’ dawn l-esiġenzi, jistedinna nerfgħu ħarsitna, nirranġaw il-prijoritajiet u fuq kollox noħolqu spazji biex Alla jista’ jkun iċ-ċentru u l-fus ta’ ħajjitna.

 

Ejjew inħarsu madwarna: kemm irġiel u nisa, żgħażagħ, u tfal qed ibatu u huma mċaħħda minn kollox! Dan ma jagħmilx parti mill-pjan ta’ Alla. Kemm hi urġenti din l-istedina ta’ Ġesù biex immutu għall-għeluq tagħna, għall-individwaliżmi mkabbrin tagħna biex inħallu lill-ispirtu ta’ fraternità – li joħroġ mill-kustat miftuħ ta’ Kristu, mnejn nitwieldu aħna bħala familja ta’ Alla – jittrijonfa, u kulħadd jista’ jħossu maħbub, għax mifhum, milqugħ u apprezzat fid-dinjità tiegħu. “Quddiem id-dinjità umana kkalpestata, jew nibqgħu b’dirgħajna magħluqa jew niftħu dirgħajna beraħ, bla saħħa quddiem il-qawwa mudlama tal-ħażen. Imma n-Nisrani ma jistax jibqa’ b’dirgħajh magħluqa, indifferenti, jew b’dirgħajh miftuħa, fatalista, le. Min jemmen inewwel idu, kif jagħmel Ġesù miegħu” (Omelija fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Foqra, 18 ta’ Novembru 2018).

 

Il-Kelma ta’ Alla li smajna tistedinna naqbdu mill-ġdid il-mixja, nindenjaw nagħmlu din il-qabża ta’ kwalità u naddottaw dan l-għerf tad-distakk personali bħala bażi għall-ġustizzja u għall-ħajja ta’ kull wieħed u waħda: għax flimkien nistgħu niġġieldu kontra dawk l-idolatriji kollha li jwassluna biex niffokaw l-attenzjoni tagħna fuq iċ-ċertezzi qarrieqa tal-poter, tal-karriera u tal-flus u fuq it-tiftix tal-glorji umani.

 

L-esiġenzi li jindikalna Ġesù ma nibqgħux inħossuhom peżanti meta nibdew niggustaw il-ferħ tal-ħajja ġdida li Hu stess jipproponilna: il-ferħ li jitwieled mill-għarfien li huwa l-ewwel li jiġi jfittixna fis-slaleb tat-toroq, anki meta nintilfu bħal dik in-nagħġa jew dak l-iben il-ħali. Jalla dan ir-realiżmu umli – hu realiżmu, realiżmu Nisrani – iħeġġiġna biex naffrontaw sfidi kbar, u jagħti lilkom ix-xewqa li tagħmlu mill-pajjiż sabiħ tagħkom post fejn il-Vanġelu jista’ jsir ħajja, u l-ħajja tkun għall-akbar glorja ta’ Alla.

 

Ejjew niddeċiedu u nagħmlu tagħna l-proġetti tal-Mulej.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard