Għeżież ħbieb,

 

Qed nieħu pjaċir ħafna niltaqa’ magħkom fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġ ekumeniku tagħkom, li telaq mir-reġjun ta’ Luteru, fil-Ġermanja, u ntemm hawn fis-sede tal-Isqof ta’ Ruma. Insellem minn qalbi lill-Isqfijiet li ġew magħkom u nirringrazzjahom li appoġġjaw din l-inizjattiva sabiħa.

 

Irroddu ħajr lil Alla għax illum, Luterani u Kattoliċi, mexjin flimkien fit-triq li mit-tilwim tgħaddi għall-komunjoni. Diġà mxejna flimkien parti importanti mit-triq. Matul il-mixja nħossu sentimenti kuntrarji għal xulxin: għafsa ta’ qalb għall-firda li għad hemm bejnietna, imma anki ferħ għall-imħabba tal-aħwa li ġa sibna. Il-preżenza tagħkom hekk numeruża u mħeġġa hi sinjal ċar ta’ din il-fraternità, u timliena bit-tama li l-ftehim reċiproku jista’ jkompli joktor.

 

L-Appostlu Pawlu jgħidilna li, minħabba fil-Magħmudija tagħna, ilkoll insawru l-Ġisem wieħed ta’ Kristu. Fil-fatt, id-diversi membri jsawru ġisem wieħed. Għalhekk aħna ta’ xulxin u meta’ wieħed ibati, ibatu kollha, meta jifraħ wieħed, jifraħ kulħadd (ara 1 Kor 12:12-26). Nistgħu nissoktaw fiduċjużi f’din il-mixja ekumenika tagħna, għax nafu li, lil hemm minn tant kwistjonijiet miftuħa li għadhom jifirduna, aħna ġa magħqudin. Dak li jgħaqqadna hu wisq aktar minn dak li jifridna!

 

Fi tmiem dan ix-xahar, jekk Alla jrid, se nżur Lund, fl-Isvezja, u flimkien mal-Federazzjoni Luterana Dinjija se nfakkru, wara ħames sekli, il-bidu tar-riforma ta’ Luteru u rroddu ħajr lil Alla għal ħamsin sena ta’ djalogu uffiċjali bejn Luterani u Kattoliċi. Parti essenzjali minn din it-tifkira sa tkun li nixħtu ħarsitna lejn il-ġejjieni, fid-dawl ta’ xhieda Nisranija komuni quddiem id-dinja tal-lum, li għandha għatx hekk kbir għal Alla u għall-ħniena tiegħu. Ix-xhieda li d-dinja tistenna minna hi fuq kollox dik li nagħmlu li l-ħniena ta’ Alla lejna tidher fil-qadi tal-iżjed foqra, tal-morda, ta’ min ħalla artu jfittex futur aħjar għalih u għall-għeżież tiegħu. Fil-qadi tagħna lil dawk l-iżjed fil-bżonn diġà nistgħu nħossuna magħqudin: hi l-ħniena ta’ Alla li xxerikna.

 

Għeżież żgħażagħ, inħeġġiġkom tkunu xhieda tal-ħniena. Waqt li t-teologi jmexxu d-djalogu fil-qasam duttrinali, intom komplu fittxu bla heda okkażjonijiet biex tiltaqgħu flimkien, issiru tafu aħjar lil xulxin, titolbu flimkien u toffru l-għajnuna tagħkom lil xulxin u lil dawk kollha li huma fil-bżonn. Hekk, ħielsa minn kull preġudizzju u bil-fiduċja waħdanija tagħkom fil-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu, li jħabbar is-sliem u r-rikonċiljazzjoni, issiru tassew protagonisti ta’ staġun ġdid f’din il-mixja, li, bl-għajnuna ta’ Alla, għad iwassalna għall-komunjoni sħiħa. Niżgurakom mit-talb tiegħi, u intom, jekk jogħġobkom, itolbu għalija, li għandi tant bżonn. Grazzi!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard