Għeżież ħuti,

 

Jien ma nixtieqx li dawn il-kelmtejn ikunu l-“valedictio” lid-Dikasteru, biex tistgħu titilqu, imma li jkunu propju kelmtejn ta’ ħajr għall-ħidma kollha mwettqa.

 

Nilqagħkom fl-okkażjoni ta’ l-Assemblea Plenarja tagħkom; insellmilkom ilkoll minn qalbi u nirringrazzja lill-Kardinal President tal-kelmtejn ħelwin tiegħu. Din il-laqgħa tagħkom għandha karattru speċjali, ladarba, kif diġà kelli l-opportunità nħabbar, il-Kunsill Pontifiċju tagħkom se jassumi fiżjonomija ġdida. Din hi l-konklużjoni ta’ tappa importanti u l-ftuħ ta’ waħda ġdida għad-Dikasteru tal-Kurja Rumana li sieħeb il-ħajja, il-maturazzjoni u l-bidliet tal-lajkat Kattoliku mill-Konċilju Vatikan II ’l hawn.

 

Għalhekk, din hi l-okkażjoni t-tajba biex nagħtu ħarsa lejn il-kważi ħamsin sena ta’ ħidma tad-Dikasteru, u fl-istess waqt nipproġettaw preżenza mġedda għall-qadi tal-lajkat, li għaddiet minn tant taqlib u problemi ġodda. Il-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi twieled b’rieda espressa tal-Konċilju Vatikan II li, fid-Digriet fuq l-appostolat tal-lajċi ried li “fi ħdan is-Santa Sede jiġi mwaqqaf segretarjat speċjali għas-servizz u għall-inkuraġġiment tal-appostolat tal-lajċi”, biex jgħin “bil-pariri tiegħu lill-ġerarkija u lil-lajċi fl-opri ta’ appostolat” (Apostolicam actuositatem, 26). U hekk il-Beatu Pawlu VI ta l-ħajja lil dan id-Dikasteru, u ma qagħadx lura milli jsejjaħlu “wieħed mill-aqwa frottijiet tal-Konċilju Vatikan II” (Motu propju Apostolatus peragendi [10 ta’ Diċembru 1976], 697) – u dan kien il-“papà” tal-FUCI, taż-żgħażagħ, tal-lajċi; kien ħabrek tant u dan kollu ħassu minn qalbu – u kkonċepieh – dan il-frott – mhux bħala organu ta’ kontroll imma bħala ċentru ta’ kordinament, ta’ studju, ta’ konsultazzjoni, biex “iħeġġu lil-lajċi jieħdu sehem fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja […] kemm bħala membri ta’ għaqdiet […] kemm bħala fidili waħidhom” (ibid.). Il-Kunsill Pontifiċju qiegħed hemm biex iħeġġeġ!

 

Mela ejjew irroddu ħajr lil Alla għad-doni kotrana u l-bosta sfidi matul dawn is-snin. Nistgħu niftakru, ngħidu aħna, fl-istaġun ġdid ta’ aggregazzjonijiet ġodda li, flimkien ma’ l-għaqdiet tal-lajċi bi storja twila u glorjuża, ra jinbtu tant movimenti u komunitajiet ġodda b’ħeġġa missjunarja kbira; movimenti li intom segwejtuhom fl-iżvilupp tagħhom, seħibtuhom bi premura, u għentuhom fil-fażi delikata ta’ l-għarfien ġuridiku ta’ l-istatuti tagħhom. U mbagħad tfaċċaw il-ministeri ġodda lajkali, li ġew fdati b’bosta ħidmiet appostoliċi. Barra minn dan, ta’ min jisħaq fuq ir-rwol dejjem jikber tal-mara fil-Knisja, bil-preżenza tagħha, is-sensibbiltà u d-doni tagħha. U fl-aħħar nett il-ħolqien tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, ġest providenzjali ta’ San Ġwanni Pawlu II, strument ta’ evanġelizzazzjoni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, li intom ħadtu ħsieb b’impenn partikulari.

 

Għalhekk, nistgħu ngħidu li l-mandat li rċivejtu mill-Konċilju kien sewwa sew dak li “timbuttaw” lill-fidili lajċi biex jinvolvu ruħhom dejjem iżjed u aħjar fil-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni tal-Knisja, mhux b’“delega” tal-ġerarkija, imma għax l-appostolat tagħhom hu “parteċipazzjoni fl-istess missjoni ta’ salvazzjoni tal-Knisja u għal dan l-appostolat kulħadd huwa mqabbad mill-Mulej stess permezz tal-Magħmudija u tal-Griżma” (Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 33). U dan hu l-bieb tad-dħul! Fil-Knisja nidħlu bil-Magħmudija, mhux bl-ordinazzjoni saċerdotali jew episkopali, nidħlu bil-Magħmudija! U lkoll dħalna mill-istess bieb. Hi l-Magħmudija li tagħmel minn kull fidil lajk dixxiplu missjunarju tal-Mulej, melħ ta’ l-art, dawl tad-dinja, ħmira li tibdel ir-realtà minn ġewwa.

 

Il-ħidma tal-Knisja, bħal dik li għadna kemm semmejna, dejjem hi indirizzata lejn il-wiċċ, il-moħħ, il-qalb ta’ persuni konkreti. U huwa importanti li fil-Laqgħa plenarja tagħkom ridtu tfakkru lil dawk kollha li tħabtu b’passjoni u impenn fl-animazzjoni, fil-promozzjoni u fil-kordinament tal-ħajja u ta’ l-appostolat tal-lajċi fis-snin li għaddew. Qabel xejn il-bosta Presidenti li kellkom; imbagħad tant Membri u Konsulturi, fosthom l-istess Karol Wojtyła, li segwa b’interess u viżjoni dan id-Dikasteru sa mill-ewwel passi tiegħu; u mbagħad il-bosta lajċi li ħadmu fih b’ġenerożità u kompetenza, u ħafna oħrajn li ħadmu fis-skiet b’riżq il-lajkat Kattoliku.

 

Fid-dawl ta’ din il-mixja li għamiltu, issa hu ż-żmien li nħarsu mill-ġdid b’tama lejn il-ġejjieni. Baqa’ ħafna iżjed xi jsir billi nwessgħu l-ixfqa tagħna u nilqgħu l-isfidi ġodda li r-realtà qed tippreżentalna. U minn hawn jitwieled il-proġett ta’ riforma tal-Kurja, b’mod partikulari t-tgħaqqid tad-Dikasteru tagħkom mal-Kunsill Pontifiċju għall-Familja f’rabta mal-Akkademja tal-Ħajja. Nistedinkom għalhekk tilqgħu din ir-riforma, li se tarakom involuti sew, bħala sinjal ta’ valurizzazzjoni u ta’ stima għall-ħidma li twettqu u bħala sinjal ta’ fiduċja mġedda fil-vokazzjoni u l-missjoni tal-lajċi fil-Knisja l-lum. Id-Dikasteru l-ġdid li sa jitwieled, biex jista’ jibqa’ miexi ’l quddiem fin-navigazzjoni, sa jkollu bħala “tmun” minn naħa l-Christifideles laici u mill-oħra l-Evangelii gaudium u l-Amoris lætitia, u allura l-oqsma pprivileġġjati ta’ ħidma huma l-familja u l-ħarsien tal-ħajja.

 

F’dan il-mument storiku partikulari, u fil-kuntest tal-Ġublew tal-Ħniena, il-Knisja hi msejħa tagħraf dejjem iżjed li hi “d-dar tal-Missier fejn hemm post għal kulħadd, kull wieħed bil-ħajja iebsa tiegħu” u midinba (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 47); li hi Knisja dejjem ħierġa, “komunità li tevanġelizza […] taf tieħu l-inizjattiva bla ma tibża’, toħroġ tiltaqa’ ma’ l-oħrajn, tfittex lil min hu mbiegħed u tasal sa salib it-toroq biex tistieden lill-imwarrbin” (ibid., 24). Nixtieq nipproponilkom, bħala punt ta’ riferiment għall-futur immedjat tagħkom, binomju li jista’ jiġi fformulat hekk: “Knisja li toħroġ – lajkat li joħroġ”. Intom ukoll, għalhekk, erfgħu ħarsitkom u ħarsu “’l barra”, ħarsu lejn il-ħafna “mbiegħda” tad-dinja tagħna, lejn tant familji f’diffikultà u fil-bżonn tal-ħniena, lejn tant oqsma ta’ appostolat li għadhom ma ġewx mikxufa, lejn l-għadd kbir ta’ lajċi ta’ qalb tajba u ġeneruża li mill-qalb lesti li għall-qadi tal-Vanġelu joffru l-enerġiji tagħhom, il-ħin tagħhom, il-ħiliet tagħhom, kieku sabu r-ragħajja u l-istituzzjonijiet tal-Knisja jinvolvuhom, jagħtuhom valur u jseħbuhom bi mħabba u dedikazzjoni. Għandna bżonn ta’ lajċi ffurmati tajjeb, imkebbsa minn fidi skjetta u trasparenti, li ħajjithom intmesset mil-laqgħa personali u ħanina ma’ l-imħabba ta’ Ġesù Kristu. Għandna bżonn ta’ lajċi li jirriskjaw, li jħammġu jdejhom, li ma jibżgħux jagħmlu xi żball, li jimxu ’l quddiem. Għandna bżonn ta’ lajċi b’viżjoni tal-futur, mhux magħluqin fit-tentufiet tal-ħajja. U dan għidtu liż-żgħażagħ: għandna bżonn ta’ lajċi bit-togħma ta’ esperjenza tal-ħajja, li jissugraw joħolmu. Issa huwa l-waqt li ż-żgħażagħ għandhom bżonn tal-ħolm ta’ l-anzjani. F’din il-kultura ta’ l-iskart ejja ma ndarrux lilna nfusna narmu l-anzjani! Ejja nimbuttawhom, nimbuttawhom biex joħolmu u – kif jgħid il-Profeta Ġoel – “ikollhom ħolm”, dik il-ħila li joħolmu, u jagħtu lilna lkoll il-qawwa li jkollna viżjoni appostolika ġdida.

 

Nirringrazzja lilkom ilkoll, għeżież ħuti Membri u Konsulturi, tal-ħidma li wettaqtu f’servizz lil dan id-Dikasteru, u nagħmlilkom il-qalb biex tinfetħu bi ħlewwa u umiltà għall-ġdid kollu li jġib Alla, li jissorprendina u jmur lil hemm mill-ħiliet tagħna, imma qatt ma jiddeludina, l-l-istess kif għamel ma’ Marija, omm u għalliema tagħna fil-fidi. Minn qalbi nagħti lilkom ilkoll u lill-għeżież tagħkom il-Barka tiegħi. U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard