Sinjuri Kardinali,

għeżież ħuti Isqfijiet u Saċerdoti

ħuti rġiel u nisa!

Għalija li niltaqa’ mal-Kunsill Pontifiċju tal-Lajċi miġbur f’Laqgħa plenarja hija okkażjoni ta’ ferħ. Bħalma kien iħobb ifakkar il-Beatu Ġwanni Pawlu II, “feġġet is-siegħa tal-lajkat”, u l-frott appostoliku kotran jikkonferma dan dejjem iżjed. Nirringrazzja il-Kardinal għall-kliem li għamilli.

Fost l-inizjattivi reċenti tad-Dikasteru nixtieq infakkar il-Kungress Panafrikan ta’ Settembru 2012, dedikat għall-formazzjoni tal-lajkat fl-Afrika;, kif ukoll is-seminar ta’ studju fuq it-tema “Alla jafda il-kewn uman lill-mara” fil-ħamsa w għoxrin anniversarju tal-Enċiklika Mulieris dignitatem. U fuq dan il-punt jiħtiġilna nidħlu aktar fil-fond. Fil-kriżi kulturali ta’ żmienna, il-mara issib ruħha fl-ewwel linja tal-battalja biex tipproteġi l-bniedem. U fl-aħħar, nirringrazzja magħkom ’il Mulej għall-Jum Mondjali taż-Żagħżagħ f’Rio de Janeiro: kienet vera festa tal-fidi. Kienet vera festa. Il-Kariokas kienu ferħanin u għamlu lilna lkoll ferħanin. It-tema tal-Ġurnata: “Morru agħmlu dixxipli l-popli kollha”, wriet biċ-ċar id-dimensjoni missjunarja tal-ħajja nisranija, il-ħtieġa li noħorġu lejn dawk li qed jistennew l-ilma ħaj tal-Vanġelu, lejn l-aktar foqra u l-imwarrbin. Missejna b’idejna kif il-missjoni tibda mill-ferħ kontaġjuż li jiġi mill-laqgħa mal-Mulej, li jitbiddel f’tama għal kulħadd.

Għal din il-laqgħa plenarja għażiltu tema attwali ħafna: “Ħabbru ’l Kristu fl-epoka diġitali”. Dan ifisser kamp privileġġjat għall-azzjoni taż-żgħażagħ, li għalihom in-network hija, biex ngħid hekk, konnaturali. L-internet hija realtà mxerrda, kumplessa u f’evoluzzjoni kontinwa, u l-iżvilupp tagħha jerġa’ jipproponielna l-kwistjoni dejjem attwali tar-relazzjoni bejn il-fidi u l-kultura. Sa mill-ewwel snin tal-epoka nisranija, il-Knisja riedet tkejjel lilha nfisha mal-wirt straordinarju tal-kultura griega. Quddiem il-filosofiji ta’ profondità kbira u metodu edukattiv ta’ siwi eċċezzjonali, iżda mxarrab b’elementi pagani, il-Missirijiet tal-Knisja ma beżgħux mill-konfront, u anqas min-naħa l-oħra ma ċedew għall-kompromess ma’ xi idejat li kienu f’kuntrast mal-fidi. Għall-kuntrarju, kienu jafu jirrikonoxxu u jassimilaw l-idejat l-iżjed għolja, u jbiddluhom mill-intern għad-dawl tal-Kelma t’Alla. Seddqu dak li talab San Pawl: “Agħrblu kull ħaġa u żommu dak li hu tajjeb” (1 Tess. 5/21). Ukoll fost l-opportunitajiet u l-perikli tan-network jeħtieg li ngħarblu kull ħaġa, waqt li nafu li ċertament insibu flus foloż, illużjonijiet perikulużi u nases li għandna nevitaw. Iżda taħt il-gwida ta’ l-Ispirtu s-Santu, niskopru ukoll opportunitajiet prezzjużi biex immexxu lill-bnedmin lejn il-wiċċ mdawwal tal-Mulej.

Fost il-possibiltajiet li toffri l-kommunikazzjoni diġitali, l-iżjed important hi dwar it-tħabbira tal-Vanġelu. Ċertament mhux biżżejjed ikollok ħilijiet teknoloġiċi, għalkemm dawn huma importanti. Iżda qabel kollox hi kwistjoni li trid tiltaqa’ ma’ rġiel u nisa reali, ħafna drabi midruba jew mitlufin, biex toffrilhom raġunijiet veri ta’ tama. It-tħabbira tiħtieġ li jkun hemm relazzjonijiet umani u awtentiċi u indirizzati biex iwasslu għal-laqgħa personali mal-Mulej. B’dana kollu l-internet mhuwiex biżżejjed, it-teknoloġija mhix suffiċjenti. Iżda dan ma jfissirx li l-preżenza tal-Knisja fin-network hija inutli; għall-kuntrarju, hija indispensabbli li tkun preżenti, dejjem fuq stil evanġeliku, f’dak li għal ħafna, speċjalment żagħżagħ, sar speċi ta’ ambjent ta’ ħajja, biex jerġgħu jqajmu l-mistoqsijiet tal-qalb li ma jistgħux ikunu miżmuma, fuq is-sens tal-eżistenza, u juru it-triq li twassal għand Dak li hu it-tweġiba, il-ħniena divina magħmula bniedem, il-Mulej Ġesù.

Għeżież ħbieb, il-Knisja hija dejjem miexja, qed tfittex toroq ġodda għat-tħabbira tal-Vanġelu. Is-sehem u x-xhieda tal-fidili lajċi jidhru indispensabbli kull jum aktar minn ieħor. Għalhekk nirrikmanda il-Kunsill Pontifiċju tal-Lajċi għall-interċessjoni ħerqana u materna tal-Beata Verġni Marija, waqt li b’qalbi kollha inberikkom. Grazzi.    

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Anton Azzopardi S.J.