Sinjuri Kardinali,
għeżież Ħuti fl-Episkopat u fis-Saċerdozju, 
għeżież ħuti,

 

Fl-okkażjoni tal-XXI Assemblea Plenarja nagħtikom merħba u nirringrazzja lill-President Mons. Vincenzo Paglia tal-kliem li bih ta bidu għal din il-laqgħa tagħna. Grazzi.

1. L-ewwel punt li nixtieq nieqaf fuqu huwa dan: il-familja hi komunità  ta’ ħajja  li għandha l-konsistenza awtonoma tagħha.  Kif il-Beatu Ġwanni Pawlu II kiteb fl-Eżortazzjoni appostolika tiegħu Familiaris consortio, il-familja mhijiex l-għadd tal-persuni li hemm fiha, imma hi «komunità ta’ persuni» (ara  nn. 17-18).  U  komunità  hi aktar minn għadd tal-persuni.  Hi l-post fejn wieħed jitgħallem iħobb, iċ-ċentru naturali tal-ħajja umana.  Hi magħmula minn uċuħ, minn persuni li jħobbu , li jiddjalogaw, li jissagrifikaw ruħhom għall-oħrajn u jiddefendu l-ħajja, l-aktar ta’ dawk l-aktar fraġli u dgħajfa. Mingħajr ma nesaġeraw, nistgħu ngħidu li l-familja hi l-mutur tad-dinja u tal-istorja. Kull wieħed minna jibni l-personalità  tiegħu fil-familja, filwaqt li jikber mal-omm u l-missier u mal-aħwa, u jħoss is-sħana tal-imħabba fid-dar. Il-familja hi l-post fejn nirċievu l-isem, hi l-post tal-affettività u l-intimità, fejn wieħed jitgħallem l-arti tad-djalogu u tal-komunikazzjoni bejn persuna u oħra. Il-persuna tagħraf id-dinjità tagħha fi ħdan il-familja, u  speċjalment fejn hemm edukazzjoni nisranija, tirrikonoxxi d-dinjità ta’ kull persuna, b’mod partikulari ta’ min hu marid, dgħajjef u emarġinat.

Dan hu li jagħmel il-komunità-familja, li titlob li tkun rikonoxxuta bħala tali, l-aktar illum meta  tant nitkellmu fuq il-ħarsien tad-drittijiet individwali. U jeħtieġ li niddefendu d-dritt ta’ din il-komunità: il-familja.  Għamiltu tajjeb, għalhekk, li tajtu attenzjoni partikulari lill-Karta tad-Drittijiet tal-Familja li kienet ippreżentata propju 30 sena ilu, fit-22 ta’ Ottubru ’83.

 2. Niġu għat-tieni punt – jgħidu li l-Ġiżwiti dejjem jitkellmu fuq tliet punti: wieħed, tnejn tlieta. It-tieni punt: il-familja hi mibnija fuq iż-żwieġ. B’att ta’ mħabba magħmul b’mod ħieles u b’fedeltà, il-miżżewġin insara jagħtu xhieda li ż-żwieġ bħala sagrament  hu l-pedament li fuqu tinbena l-familja u li tissaħħaħ l-għaqda ta’ bejniethom u l-għotja tagħhom infushom lil xulxin. Iż-żwieġ hu bħallikieku   sagrament ewlieni  tal-uman, fejn il-persuna tiskopri lilha nnifisha, tifhem lilha nnifisha f’relazzjoni mal-oħrajn u f’rabta ta’ mħabba li kapaċi tirċievi u tagħti. L-imħabba fiż-żwieġ u fil-familja turi wkoll b’mod ċar is-sejħa tal-persuna biex tħobb b’mod uniku u għal dejjem;  u turi wkoll li t-tiġrib, is-sagrifiċċji u l-kriżijiet tal-koppja, u anki  dawk stess tal-familja, jirrappreżentaw mogħdijiet biex wieħed jikber fit-tajjeb,  fil-verità u fil-ġmiel. Fiż-żwieġ wieħed jagħti lilu nnifsu b’mod sħiħ mingħajr kalkoli jew riżervi, jaqsam kollox, ir-rigali u ċ-ċaħdiet, filwaqt li jafda fil-Providenza t’Alla.  Din hi l-esperjenza li ż-żgħażagħ jistgħu jitgħallmu mingħand il-ġenituri u n-nanniet. Hi esperjenza  ta’ fidi f’Alla u ta’ fiduċja reċiproka, ta’ libertà profonda, ta’ qdusija, għax il-qdusija titlob  għotja  b’fedeltà u b’sagrifiċċju f’kull ġurnata tal-ħajja!  Imma fiż-żwieġ hemm problemi: modi differenti ta’ kif wieħed iħares lejn l-affarijiet, għira, tilwim. Jeħtieġ ngħidu lill-koppji ta’ miżżewġin żgħażagħ li qatt ma għandhom itemmu l-ġurnata bla ma jkun hemm il-paċi bejniethom. It-tiġdid tas-sagrament taż-żwieġ isseħħ f’dak l-att ta’ paċi wara li tkun saret xi diskussjoni, li jkun hemm xi nuqqas ta’ ftehim, xi għira moħbija, u anki d-dnub.  Jeħtieġ li ssir il-paċi li tgħaqqad il-familja; u  għidu liż-żgħażagħ, lill-koppji  ta’ miżżewġin żgħażagħ, li mhux faċli li jimxu f’din it-triq, imma li hi triq mill-isbaħ.  Jeħtieġ li ngħiduhulhom dan! 

3.  Issa nixtieq ngħid xi ħaġa żgħira fuq żewġ fażijiet tal-ħajja tal-familja: it-tfulija u x-xjuħija. It-tfal u l-anżjani jirrapreżentaw iż-żewġ trufijiet tal-ħajja tal-bniedem, li huma l-aktar vulnerabbli u spiss minsija. Meta nqarar lil xi raġel jew mara miżżewġin li għadhom żgħar u fil-qrar isemmu lil xi ħadd minn uliedhom,  jien nistaqsihom: “Kemm għandek tfal?”  Iwieġbuni,  u forsi wara din il-mistoqsija jistennew mistoqsija oħra. Imma jien dejjem  nagħmel din it-tieni mistoqsija: “Sinjur jew sinjura, inti tilgħab xejn ma’ wliedek?”  -  “Xinhu Father?” – “Inti taħli xejn ħin ma’ wliedek?  Tilgħab magħhom?” Ir-raġel jgħidli: “Le, inti taf li meta noħroġ filgħodu mid-dar huma jkunu għadhom reqdin u meta nidħol fil-għaxija ġa jkunu fis-sodda”.  L-għotja  gratwita tal-missier u l-omm lill-ulied hi importanti ħafna; hu importanti li “taħli ż-żmien” mat-tfal, li tilgħab ma’ wliedek. Soċjetà li tabbanduna lit-tfal u  li twarrab lill-anzjani tqaċċat għeruqha u ddallam il-ġejjieni tagħha. U intom qed tagħmlu l-evalwazzjoni dwar dak li qed twettaq il-kultura tagħna llum, le? Kull darba li tarbija tkun abbandunata u anzjan ikun imwarrab, ma jkunx qed iseħħ biss att ta’ inġustizzja, imma  jkun qed jiġi approvat il-falliment ta’ dik is-soċjetà. Li tieħu ħsieb iż-żgħar u l-anżjani hi għażla ta’ ċiviltà.  Dan ifisser ukoll il-ġejjieni tas-soċjetà, għax iż-żgħar, it-tfal, iż-żgħażagħ jmexxu ‘l quddiem lil dik is-soċjetà bl-enerġija u ż-żgħożija tagħhom, u l-anzjani jmexxuha ‘l quddiem bl-għerf u l-esperjenza tagħhom, li hemm bżonn jagħtuha lilna lkoll.   

Kont kuntent meta rajt li l-Kunsill Pontifiċju għall-Familja għażel din l-ikona ġdida li fiha hemm il-Preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju, meta Marija u Ġużeppi ħadu lit-Tarbija Ġesù  biex iwettqu dak li kienet titlob il-Liġi, u ż-żewġ anzjani Xmun u Anna, imqanqlin mill-Ispirtu, laqgħuh bħala s-Salvatur. It-titlu tal-ikona: “Il-ħniena tiegħu tinfirex minn nisel għal nisel” hu tassew sinifikattiv. Il-Knisja li tieħu ħsieb it-tfal u l-anzjani ssir omm tal-ġenerazzjonijiet li jemmnu, u fl-istess ħin taqdi lis-soċjetà umana, għaliex spirtu ta’ mħabba, ta’ familja  u ta’ solidarjetà jgħin lil kulħadd biex jiskopri mill-ġdid il-paternità u l-maternità t’Alla.  Meta naqra din is-silta tal-Evanġelju,  nieħu gost naħseb fuq iż-żgħażagħ, Marija u Ġużeppi li flimkien mal-Bambin  marru fit-tempju biex iwettqu dak li tgħid il-Liġi.  San Luqa  jgħid erba’ darbiet:  li marru biex iwettqu l-Liġi. Iż-żgħażagħ obdew il-Liġi u ż-żewġ anzjani għamlu ħoss!  F’dak il-waqt Xmun ivvinta liturġija u faħħar lil Alla, u x-xwejħa Anna bdiet titkellem fuq it-tarbija u bit-tpaċpiċ  tagħha bdiet tippriedka: “ArawH!” Tara kemm kienu liberi! Tliet darbiet jingħad li  x-xwejħin kienu mmexxija mill-Ispirtu s-Santu. Iż-żgħażagħ kienu mqanqla mil-Liġi, u dawn ix-xwejħin mill-Ispirtu s-Santu. Ħarsu lejn l-anzjani li  għandhom dan l-Ispirtu fihom, isimgħuhom!

L-“aħbar t-tajba” tal-familja hi importanti ħafna għall-evanġelizzazzjoni; l-insara jistgħu jikkomunikawha lil kulħadd bix-xhieda tal-ħajja u dan ġa qed jagħmluh u jidher b’mod ċar fis-soċjetajiet sekularizzati: il-familji li huma tassew insara jingħarfu mill-fedeltà, mill-paċenzja, mill-ftuħ għall-ħajja, mir-rispett lejn l-anzjani….Is-sigriet ta’ dan kollu hu l-preżenza ta’ Ġesù fil-familja. Ejjew mela nipproponu lil kulħadd, b’rispett u b’kuraġġ, il-ġmiel taż-żwieġ u tal-familja mdawlin mill-Evanġelju. U  ejjew nersqu b’attenzjoni u b’imħabba lejn il-familji f’diffikultà, lejn dawk li qed ikollhom iħallu arthom, li huma mkissrin, li m’għandhomx dar jew xogħol, jew li qed ibatu minħabba ċirkustanzi differenti; lejn il-miżżewġin li jinsabu fi kriżi  jew li ġa huma mifrudin. Ejjew inkunu qrib ta’ kulħadd bit-tħabbira ta’ dan L-Evanġelju tal-familja, ta’ dan il-ġmiel tal-familja.

Għeżież ħbieb, il-ħidma ta’ din l-Assemblea Plenarja  tista’ tkun sehem prezzjuż għas-Sinodu Straordinarju tal-Isqfijiet li ser ikun iddedikat għall-familja. Nirringrazzjakom ta’ dan ukoll.  Nafdakom f’idejn il-Familja Qaddisa ta’ Nazaret u  nagħtikom minn qalbi l-barka tiegħi.

 

Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.