O Marija, Omm Immakulata tagħna,

nhar il-festa tiegħek qed niġi għandek,

u ma ġejtx waħdi:

qed inġib miegħi lil dawk kollha li Ibnek fdali,

f’din il-Belt ta’ Ruma u fid-dinja kollha,

biex int tberikhom u ssalvahom mis-saram.

 

Inġiblek, Omm tiegħi, lit-tfal,

speċjalment dawk waħidhom, mitluqa,

u li għalhekk jisfaw imqarrqa u abbużati.

Inġiblek, Omm tiegħi, lill-familji,

li bl-impenn tagħhom ta’ kuljum u mistur

imexxu ’l quddiem il-ħajja u s-soċjetà;

b’mod partikulari l-familji li l-aktar qed ibatu

minħabba tant problemi minn ġewwa u minn barra.

Inġiblek, Omm tiegħi, lill-ħaddiema kollha, irġiel u nisa,

u nafdalek fuq kollox lil min, minħabba l-bżonn,

ikollu jagħmel xogħol xejn dinjituż

u lil min tilef ix-xogħol jew ma jistax isib impjieg.

 

Għandna bżonn tal-ħarsa tiegħek bla ħtija,

biex insibu mill-ġdid il-ħila li nħarsu lejn il-persuni u l-affarijiet

b’rispett u rikonoxxenza,

bla interessi egoistiċi jew ipokreziji.

 

Għandna bżonn tal-qalb tiegħek bla tebgħa,

biex inħobbu bla ma nistennew xejn lura,

bla fini oħra imma billi nfittxu biss il-ġid tal-oħrajn,

b’sempliċità u sinċerità, u nwarrbu għall-ġenb kull maskra jew qerq.

 

Għandna bżonn tad-dirgħajn tiegħek bla ħtija,

biex inżiegħlu bil-ħlewwa,

biex immissu l-ġisem ta’ Ġesu,

f’ħutna foqra, morda, imżebilħa,

biex irreġġgħu fuq saqajh lil min waqa’ jew inwieżnu lil min qed jitbandal.

 

Għandna bżonn ta’ riġlejk bla tebgħa,

biex noħorġu niltaqgħu ma’ min ma jafx imidd l-ewwel pass,

biex nimxu fit-toroq ta’ min intilef,

biex immorru nfittxu lil min safa’ waħdu.

 

Irroddulek ħajr, ja Omm tagħna, għax meta turina ruħek

ħielsa minn kull tinġisa ta’ dnub,

int tfakkarna li qabelxejn hemm il-grazzja ta’ Alla,

hemm l-imħabba ta’ Ġesù Kristu li ta ħajtu għalina,

hemm il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li kollox iġġedded.

Agħmel li ma nċedu qatt għall-qtigħ il-qalb,

imma, b’fiduċja sħiħa fl-għajnuna kontinwa tiegħek,

inħabirku bis-sħiħ biex inġeddu lilna nfusna,

lil din il-Belt u lid-dinja kollha.

Itlob għalina, Omm Qaddisa ta’ Alla!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard