Kelmtejn tal-Qdusija Tiegħu l-Papa

 

Intom bil-wieqfa u jien bil-qiegħda.  X’mistħija!  Imma, tafu għaliex qiegħed bil-qiegħda?  Għax ħadt nota ta’ xi affarijiet li qal seħibna u li dwarhom nixtieq inkellimkom.  Hemm kelma li timponi ruħha b’qawwa: noħolmu.  Kittieb Latino-Amerikan kien jgħid li aħna l-bnedmin għandna żewġ għajnejn, waħda tal-laħam u l-oħra tal-ħġieġ.  Bl-għajn tal-laħam naraw dak li naraw.  Bl-għajn tal-ħġieġ naraw dak li noħolmu.  Sabiħa din, veru?

 

Fl-oġġettività tal-ħajja hemm bżonn indaħħlu l-ħila li noħolmu.  U żagħżugħ li ma jafx joħlom hu magħluq fih innifsu.  Kulħadd joħlom ħwejjeġ li qatt m’huma ħa jseħħu…  Imma oħlomhom, ixtieqhom, fittex ixfqa, infetaħ, infetaħ għal ħwejjeġ kbar.  Ma nafx jekk f’Kuba tużawhiex il-kelma, imma aħna l-Arġentini ngħidu: “no te arrugues”, tintelaqx lura, infetaħ.  Infetaħ u oħlom.  Oħlom li d-dinja bik tista’ tkun differenti.  Oħlom li jekk tagħti l-aħjar minnek innifsek, tkun tgħin biex din id-dinja tkun differenti.  Tinsewhx dan, oħolmu.  Xi drabi tinġarru u toħolmu wisq, u l-ħajja tiddeludikom.  Ma jimpurtax, ibqgħu oħolmu.  U rrakkuntaw il-ħolm tagħkom.  Irrakkuntaw, tkellmu fuq il-ħwejjeġ kbar li tixtiequ, għax ikbar ma hi l-ħila li toħlom – u l-ħajja tħallik nofs triq –, iżjed tkun imxejt.  Mela, qabel xejn oħolmu.

 

Għidt frażi ċkejkna li kont ktibt hawn waqt l-intervent, imma ħażżiżt linja taħtha u ħadt xi nota: li nagħrfu nilqgħu u naċċettaw lil min jaħsibha xort’oħra.  Fir-realtà aħna, xi drabi, ningħalqu.  Noqogħdu fid-dinja ċkejkna tagħna: “Jew hekk, jew xejn”.  U għidt aktar: ma ningħalqux fil-klikek ta’ l-ideoloġiji u tar-reliġjonijiet.  Hekk nistgħu nikbru quddiem l-individwaliżmi.  Meta reliġjon issir klikka, titlef l-aħjar tagħha, titlef ir-realtà tagħha li tqim lil Alla, li temmen f’Alla.  Issir klikka.  Issir klikka ta’ kliem, ta’ talb, ta’ “jien tajjeb, int ħażin”, ta’ preskrizzjonijiet morali.  U meta jien għandi l-ideoloġija tiegħi, il-mod tiegħi ta’ kif naħseb u int għandek tiegħek, jien ningħalaq f’din il-klikka ta’ l-ideoloġija.

 

Qlub miftuħa, imħuħ miftuħa.  Jekk int taħsibha b’mod differenti minni, għax ma nitkellmuhiex?  Għaliex dejjem nitlewmu fuq dak li jifridna, fuq dak li aħna differenti fih?  Għax ma nnewlux idejna lil xulxin f’dak li hu komuni bejnietna?  Irid ikollna l-kuraġġ li nitkellmu fuq dak li għandna komuni bejnietna.  U wara nistgħu nitkellmu fuq dak li għandna jew naħsbu differenti.  Imma qed ngħid nitkellmu.  Mhux nillatikaw.  M’iniex ngħid ningħalqu.  M’iniex ngħid “nitkellmu minn wara dahar xulxin”, kif għidt int.  Imma dan hu possibbli biss meta jkolli l-ħila nitkellem fuq dak li għandi komuni ma’ l-ieħor, fuq dak li bih kapaċi naħdmu flimkien.  Fi Buenos Aires – f’parroċċa ġdida, f’zona fqira ħafna, ħafna – grupp ta’ żgħażagħ universitarji kienu qed jibnu xi kmamar għall-parroċċa.  U l-kappillan qalli: “Għax ma tiġix xi Sibt minnhom u hekk inlaqqgħek magħhom?”.  Kienu jiddedikaw is-Sibt u l-Ħadd biex jibnu.  Kienu studenti universitarji.  Mort u rajthom, u laqqgħuhom miegħi: “Dan il-perit, dan hu Lhudi, dan Komunista, dan Kattoliku prattikanti, dan…”.  Kienu kollha differenti, imma kollha kienu qed jaħdmu flimkien għall-ġid komuni.  Din tissejjaħ ħbiberija soċjali, tfittex il-ġid komuni.  L-ostilità soċjali teqred.  U familja tinqered minħabba l-ostilità.  Pajjiż jinqered bl-ostilità.  Id-dinja tinqered bl-ostilità.  U l-ikbar ostilità hi l-gwerra.  Il-lum il-ġurnata nistgħu naraw kif id-dinja qed tinqered minħabba l-gwerra.  Għax m’humiex kapaċi joqogħdu bil-qiegħda u jitkellmu: “Tajjeb, ninnegozjaw.  X’nistgħu nagħmlu komuni bejnietna?  X’hemm li ma rridux inċedu fuqu?  Imma ma noqtlux aktar nies”.  Meta jkun hemm il-firda, hemm il-mewt.  Hemm mewt fir-ruħ, għax inkunu qed noqtlu l-ħila li ngħaqqdu.  Inkunu noqtlu l-ħbiberija soċjali.  Dan li nitlobkom il-lum: Kunu kapaċi toħolqu l-ħbiberija soċjali.

 

Imbagħad hemm kelma oħra li għidt.  Il-kelma tama.  Iż-żgħażagħ huma t-tama ta’ poplu.  Dan nisimgħuh jingħad kullimkien.  Imma x’inhi t-tama?  Li nkunu ottimisti?  Le.  L-ottimiżmu hu dispożizzjoni tal-qalb.  Għada tqum bl-uġigħ f’sidrek u ma tibqax ottimista, tibda tara kollox iswed.  It-tama hi xi ħaġa iżjed minn hekk.  It-tama tgħaddik mit-tbatija.  It-tama taf tbati biex twettaq proġett, taf tissagrifika ruħha.  Int kapaċi tissagrifika ruħek għall-futur, jew tixtieq biss tgħix il-preżent u mbagħad dawk li jiġu warajk jaraw huma?  It-tama hi għammiela.  It-tama tagħti l-ħajja.  Int kapaċi tagħti l-ħajja, jew se ssir żagħżugħ jew żagħżugħa spiritwalment sterili, li m’intix kapaċi toħloq il-ħajja għall-oħrajn, m’intix kapaċi toħloq ħbiberija soċjali, m’intix kapaċi toħloq il-patrija, m’intix kapaċi toħloq xi ħaġa kbira?  It-tama hi għammiela.  It-tama tingħata fix-xogħol.  Nixtieq hawn infakkar fi problema gravi ħafna li qed ngħixu fl-Ewropa, jiġifieri l-għadd kbir ta’ żgħażagħ bla xogħol.  Hemm pajjiżi fejn il-persentaġġ ta’ żgħażagħ mill-ħamsa u għoxrin sena ’l isfel li huma qiegħda hu 40%.  Qed naħseb f’pajjiż.  F’pajjiż ieħor hemm 47%, u f’ieħor 50%.  Hu ċar li poplu li ma jinteressahx li jagħti x-xogħol liż-żgħażagħ, poplu – u meta ngħid poplu m’iniex ngħid gvernijiet –, poplu sħiħ li ma jinteressahx min-nies, li dawn iż-żgħażagħ ikollhom xogħol, dan il-poplu m’għandux futur.

 

Iż-żgħażagħ jidħlu jagħmlu parti mill-kultura ta’ l-iskart.  U lkoll nafu li l-lum, f’dan l-imperu ta’ l-alla flus, qed jintremew l-affarijiet u jintremew il-persuni.  Qed jintremew it-tfal għax ma jriduhomx jew għax joqtluhom qabel jitwieldu.  Jintremew l-anzjani – qed nitkellem fuq id-dinja, b’mod ġenerali –, qed jintremew l-anzjani għax m’għadhomx jipproduċu iżjed.  F’xi pajjiżi, hemm il-liġi ta’ l-ewtanasja, imma f’ħafna oħrajn hemm ewtanasja moħbija, okkulta.  Jintremew iż-żgħażagħ għax ma jagħtuhomx xogħol.  Allura, x’jibqagħlu żagħżugħ bla xogħol?  Jekk pajjiż ma jivvintax, jekk poplu ma joħroġx b’possibbiltajiet ta’ xogħol għaż-żgħażagħ tiegħu, dak iż-żagħżugħ jibqagħlu biss jew id-dipendenzi jew is-suwiċidju, jew jispiċċa jiġri fit-triq ifittex eżerċti qerrieda li joħolqu l-gwerer.  Din il-kultura ta’ l-iskart qed tagħmel il-ħsara lilna lkoll, qed tisirqilna t-tama.  U dan hu li int tlabt għaż-żgħażagħ: Irridu t-tama.  Tama li niksbuha bit-tbatija, bix-xogħol, imma hi għammiela.  Tagħtina x-xogħol u tifdina minn kultura ta’ l-iskart.  U din it-tama tlaqqa’, issejjaħ flimkien lil kulħadd, għax poplu li jaf jinġabar biex iħares lejn il-ġejjieni u jibni l-ħbiberija soċjali – kif ġa għidt, anki jekk kulħadd jaħsibha differenti –, dan il-poplu għandu t-tama.

 

U jekk jien niltaqa’ ma’ żagħżugħ mingħajr tama – dan ġa għidtu darba – dak iż-żagħżugħ hu “pensjonant”.  Hemm żgħażagħ li donnhom ħerġin bil-pensjoni ta’ tnejn u għoxrin sena.  Huma żgħażagħ b’diqa eżistenzjali.  Huma żgħażagħ li sejsu ħajjithom fuq il-pessimiżmu.  Huma żgħażagħ dejjem igergru.  Huma żgħażagħ li qed jaħarbu mill-ħajja.  Il-mixja tat-tama m’hix ħafifa u ma nistgħux nimxuha waħidna.  Hemm qawl Afrikan li jgħid hekk: “Jekk trid timxi tgħaġġel, mur waħdek, imma jekk trid tasal ’il bogħod, mur ma’ xi ħadd ieħor”.  U jien irrid li intom, żgħażagħ Kubani, anki jekk taħsbuha xort’oħra, anki jekk għandkom perspettivi differenti, timxu ma’ xulxin, flimkien, tfittxu t-tama, fittxu l-futur u n-nobbiltà tal-patrija.

 

Bdejna bil-kelma “noħolmu”, u nixtieq nagħlaq b’espressjoni oħra li għidtli u li jien nuża spiss: il-kultura tal-laqgħa.  Jekk jogħġobkom, ma ninqasmux bejnietna.  Nimxu flimkien, magħqudin, anki jekk naħsbuha differenti minn xulxin, anki jekk inħossuha differenti.  Imma hemm xi ħaġa ogħla minna, u din hi l-kobor tal-poplu tagħna, hi l-kobor tal-patrija tagħna, u hu għal dan il-ġmiel, għal din it-tama ħelwa tal-patrija, li rridu naslu.  Grazzi.

 

Tajjeb, insellmilkom u nixteqilkom kull ġid, billi nawguralkom… dak kollu li għidtilkom.  Nawgurahulkom.  Nitlob għalikom.  U nitlobkom titolbu għalija.  U jekk xi ħadd minnkom ma jemminx – u ma jistax jitlob għax ma jemminx – ħalli ta’ l-inqas jawgurali ħwejjeġ sbieħ.  Iberikkom Alla, imexxikom f’din it-triq tat-tama lejn il-kultura tal-laqgħa, jevitalkom dawk il-klikek li fuqhom tkellem seħibna.  U Alla jberikkom ilkoll.

 


 

Għeżież ħbieb,

 

Nifraħ mhux ftit li ninsab magħkom sewwa sew f’dan iċ-Ċentru Kulturali, li għandu tifsira hekk importanti għall-istorja ta’ Kuba.  Nirringrazzja lil Alla li tani l-opportunità ta’ din il-laqgħa ma’ tant żgħażagħ li, bix-xogħol, l-istudju u l-preparazzjoni tagħhom, qed joħolmu u anki diġà jwettqu l-ġejjieni ta’ Kuba.

 

Nirringrazzja lil Leonardo għall-kelmtejn ta’ merħba tiegħu, u speċjalment għax, anki jekk seta’ jitkellem fuq ħafna ħwejjeġ oħra, ċertament importanti u konkreti, bħad-diffikultajiet, il-biżgħat, id-dubji – tant reali u umani –, kellilmna fuq it-tama, fuq dawk il-ħolmiet u xewqat li huma minquxa bil-qawwa fil-qalb taż-żgħażagħ Kubani, lil hemm mid-differenzi ta’ formazzjoni, ta’ kultura, ta’ fidi u ta’ ideat li jeżistu bejniethom.  Grazzi, Leonardo, għax jiena stess, meta nħares lejkom, l-ewwel ħaġa li tiġini f’moħħi u f’qalbi hi l-kelma tama.  Ma nistax nimmaġina żagħżugħ li ma jitħarrikx, li jibqa’ bblukkat, li m’għandux ħolm u anqas ideali, li ma jaspirax għal xi ħaġa iżjed.

 

Imma liema hi t-tama ta’ kull żagħżugħ Kuban f’din l-epoka ta’ l-istorja?  La iżjed u lanqas inqas minn dik ta’ kull żagħżugħ ieħor minn kull parti oħra tad-dinja.  Għax it-tama tkellimna dwar realtà li għandha għeruqha fil-profond tal-bniedem, indipendentement miċ-ċirkustanzi konkreti u mill-kundizzjonamenti storiċi li fihom jgħix.  Tkellimna fuq għatx, fuq aspirazzjoni, fuq xewqa għall-milja, fuq ħajja realizzata, fuq li nkejlu lilna nfusna ma’ dak li hu kbir, ma’ dak li jimla l-qalb u jgħolli r-ruħ lejn ħwejjeġ kbar, bħall-verità, it-tjieba u l-ġmiel, il-ġustizzja u l-imħabba.  Bla dubju, dan iġib miegħu riskju.  Jitlob minna li nkunu lesti li ma nħallux iħajjarna dak li jgħaddi u jintemm wara ftit, ma ninġarrux minn wegħdiet fiergħa ta’ ferħ vojt, ta’ pjaċir immedjat u egoista, ta’ ħajja medjokri, iċċentrata fuqna nfusna, u li fil-qalb tħalli biss tant diqa u mrar.  Le, it-tama hi qalbiena, taf tħares lil hemm mill-kumdità personali, iċ-ċertezzi u kompensazzjonijiet żgħar li jagħlqu x-xefaq, biex tinfetaħ għal ideali għoljin li jagħmlu l-ħajja iżjed sabiħa u dinjituża.  Lil kull wieħed u waħda minnkom nixtieq nistaqsi: X’hemm li jċaqlaq lil ħajtek?  X’hemm fil-qalb tiegħek, fejn jgħammru x-xewqat tiegħek?  Int lest tirriskja dejjem għal xi ħaġa ogħla?

 

Xi ħadd minnkom jaf jgħidli: “Iva, Dun, il-ġibda għal dawn l-ideali hija kbira.  Inħosshom jiġbduni, il-ġmiel tagħhom, l-isplendur tad-dawl tagħhom fir-ruħ tiegħi.  Imma, fl-istess waqt, ir-realtà tad-dgħufija tiegħi u tal-ftit saħħa li għandi hi tqila wisq biex jien nista’ niddeċiedi li nimxi fit-triq tat-tama.  Il-mira hi għolja sew u jien ftit għandi saħħa.  Aħjar nikkuntenta ruħi bil-ftit, bi ħwejjeġ forsi inqas kbar imma iżjed realisti, iżjed qrib il-possibbiltajiet tiegħi”.  Nifhimha din ir-reazzjoni, normali li nħossu t-toqol ta’ dak li hu iebes u diffiċli.  Madankollu, attenti li ma taqgħux fit-tentazzjoni tad-delużjoni, li tipparalizza l-intelliġenza u r-rieda, u biex ma tħallux ir-rassenjazzjoni tirbaħkom, għax din hi pessimiżmu radikali quddiem kull possibbiltà li wieħed jilħaq il-ħolm tiegħu.  Dawn l-atteġġjamenti fl-aħħar jispiċċaw biex iwasslu jew għal ħarba mir-realtà lejn xi ġenna artifiċjali, jew biex wieħed joqgħod komdu fl-egoiżmu personali tiegħu, fi speċi ta’ ċiniżmu, li ma jridx jisma’ l-karba tal-ġustizzja, tal-verità u ta’ l-umanità li tielgħa madwarna u fina.

 

Imma x’naqbdu nagħmlu?  Kif insibu toroq ta’ tama fis-sitwazzjonijiet li fihom ngħixu?  Kif nagħmlu biex dawn il-ħolmiet ta’ sħuħija, ta’ ħajja awtentika, ta’ ġustizzja u verità, ikunu realtà fil-ħajja personali tagħna, f’pajjiżna u fid-dinja?  Naħseb li hemm tliet ideat li jistgħu jkunu utli biex inżommu ħajja t-tama.

 

It-tama, mixja magħmula b’memorja u dixxerniment.  It-tama hi l-virtù ta’ min jinsab f’mixja u miexi lejn xi mkien.  Mela m’hix sempliċi mixja għall-gost li wieħed jimxi, imma għandha fini, mira, li hi dik li tagħti sens u ddawwal it-triq.  Fl-istess waqt, it-tama żżomm ħajja fuq il-memorja, bil-ħarsa tagħha tifhem mhux biss il-futur imma wkoll il-passat u l-preżent.  Biex nimxu fil-ħajja, barra li rridu nkunu nafu fejn sejrin, hu importanti nkunu nafu wkoll min aħna u mnejn ġejjin.  Persuna jew poplu li m’għandux memorja u jikkanċella l-passat tiegħu, qed jirriskja li jitlef l-identità tiegħu u jeqred il-futur tiegħu.  Għalhekk hemm bżonn tal-memorja ta’ dak li aħna, ta’ dak li jsawwar il-wirt spiritwali u materjali tagħna.  Nemmen li din hi l-esperjenza u t-tagħlim ta’ dak il-Kuban kbir li kien Padre Félix Varela.  U hemm bżonn ukoll tad-dixxerniment, għax hu essenzjali li ninfetħu għar-realtà u nagħrfu naqrawha bla biża’ jew preġudizzji.  Ma jiswiex il-qari parzjali jew ideoloġiku, li jiddeforma r-realtà biex tista’ tidħol fl-iskemi prestabbiliti ċkejknin tagħna, ħaġa li ġġib dejjem delużjoni u disperazzjoni.  Dixxerniment u memorja, għax id-dixxerniment m’hux għama, imma jitwettaq imsejjes fuq kriterji etiċi u morali sodi, li jgħinuna niddixxernu x’inhu tajjeb u ġust.

 

It-tama, mixja msieħba.  Hemm qawl Afrikan li jgħid hekk: “Jekk trid timxi tgħaġġel, mur waħdek, imma jekk trid tasal ’il bogħod, mur ma’ xi ħadd ieħor”.  L-iżolament u l-għeluq fina nfusna ma jġibu qatt tama, imma meta noqorbu lejn dak li jkun u niltaqgħu miegħu, dan iva.  Waħidna m’aħna ħa naslu mkien.  U bl-esklużjoni ma nibnu futur għal ħadd, lanqas għalina nfusna.  Mixja ta’ tama titlob kultura tal-laqgħa, tad-djalogu, li tegħleb il-kuntrasti u l-konfront sterili.  Għalhekk hu fundamentali nqisu d-differenzi fil-mod kif naħsbu mhux bħala riskju, imma bħala għana u fattur li jgħinna nikbru.  Id-dinja għandha bżonn ta’ din il-kultura tal-laqgħa, għandha bżonn ta’ żgħażagħ li jridu jsiru jafu lil xulxin, li jridu jinħabbu, li jridu jimxu magħqudin u jibnu pajjiż kif kien joħolmu José Martí: “Ma’ kulħadd u għall-ġid ta’ kulħadd”.

 

It-tama, mixja solidali.  Il-kultura tal-laqgħa trid twassal b’mod naturali għal kultura ta’ solidarjetà.  Napprezza ħafna dak li qal Leonardo fil-bidu meta tkellem dwar is-solidarjetà bħala qawwa li tgħin biex negħlbu kull ostaklu.  Effettivament, jekk m’hemmx solidarjetà, m’hemm futur għall-ebda pajjiż.  Fuq nett ta’ kull kunsiderazzjoni jew interess ieħor, għandu jkun hemm il-preokkupazzjoni konkreta u reali għall-bniedem, li jista’ jkun ħabib tiegħi, sieħeb tiegħi, jew anki xi ħadd li jaħsibha xort’oħra, li għandu l-ideat tiegħu, imma li hu bniedem u Kuban daqskemm jien jien.  M’hijiex biżżejjed is-sempliċi tolleranza, jeħtieġ immorru lil hemm u ngħaddu minn atteġġjament suspettuż u difensiv għal wieħed li jilqa’, jikkollabora, jagħti servizz konkret u għajnuna effettiva.  Tibżgħux mis-solidarjetà, mill-qadi, milli tnewlu jdejkom lill-ieħor ħalli hekk ħadd ma jitħalla barra mit-triq.

 

Din it-triq tal-ħajja hi mdawla minn tama ogħla: dik li tiġi mill-fidi fi Kristu.  Hu sar ħabib fil-vjaġġ tagħna, u mhux biss jinkuraġġina imma jimxi magħna, jinsab ħdejna u jnewlilna idu ta’ ħabib.  Hu, l-Iben ta’ Alla, ried isir bħalna, biex jimxi huwa wkoll it-triq tagħna.  Il-fidi fil-preżenza tiegħu, imħabbtu u l-ħbiberija tiegħu, tixgħel u ddawwal it-tamiet u l-illużjonijiet kollha tagħna.  Miegħu, aħna nitgħallmu niddixxernu r-realtà, ngħixu l-laqgħa, naqdu lill-oħrajn u nimxu fis-solidarjetà.

 

Għeżież żgħażagħ Kubani, jekk Alla nnifsu daħal fl-istorja tagħna u sar bniedem f’Ġesù, refa’ fuq spallejh id-dgħufija tagħna u d-dnub tagħna, tibżgħux mit-tama, tibżgħux mill-futur, għax Alla jorbot fuqkom, jemmen fikom, jittama fikom.

 

Għeżież ħbieb, grazzi ta’ din il-laqgħa.  It-tama fi Kristu l-ħabib tagħkom tmexxikom dejjem f’ħajjitkom.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għaliha.  Il-Mulej iberikkom!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard