Il-Vanġelu li għadna kemm smajna jġibna wiċċ imb’wiċċ mad-dinamika li joħloq il-Mulej kull darba li jżurna: joħroġna mid-dar tagħna.  Huma immaġni, dawn, li ħafna drabi aħna mistiedna nikkontemplaw.  Il-preżenza ta’ Alla fil-ħajja tagħna ma tħallina qatt kwieti, timbuttana dejjem biex nitħarrku.  Meta jżurna Alla, dejjem joħroġna mid-dar tagħna.  Miżjura biex inżuru, milqugħa biex nilqgħu, maħbuba biex inħobbu.

 

U hawn naraw lil Marija, l-ewwel dixxiplu.  Xebba forsi ta’ bejn il-ħmistax u s-sbatax-il sena, li fi rħajjel tal-Palestina laqgħet iż-żjara tal-Mulej li ħabbrilha li kienet sa ssir omm il-Feddej.  Ma qagħditx tippretendi li hi min jaf min, jew taħseb li issa kulħadd kien ħa jiġi jara x’għandha bżonn jew jaqdiha; anzi, hi tħalli d-dar tagħha u toħroġ taqdi.  Tmur tgħin lil kuġintha Eliżabetta.  Il-ferħ li jnixxi mill-għarfien li Alla hu magħna, mal-poplu tagħna, iħeġġeġ il-qalb, iħarrek ir-riġlejn tagħna, “jaqlagħna”, iwassalna biex immorru naqsmu l-ferħ li rċivejna, u naqsmuh f’qadi, f’għotja f’dawk is-sitwazzjonijiet “imbarazzanti” kollha li l-ġirien u l-qraba tagħna jkunu għaddejjin minnhom.  Il-Vanġelu jgħidilna li Marija ħarġet tgħaġġel, pass meqjus imma kostanti, passi li jafu fejn sejrin; passi li ma jiġrux iżżejjed biex “jaslu”, jew min-naħa l-oħra jimxu bil-mod wisq donnhom biex ma “jaslu” qatt.  La aġitata u lanqas rieqda, Marija tmur tħaffef, biex tkun mal-kuġina tagħha li kienet ħarġet tqila minkejja li mdaħħla sew fiż-żmien.  Marija, l-ewwel dixxiplu, wara ż-żjara li kellha, ħarġet biex iżżur hi.  U minn dak l-ewwel jum din dejjem kienet il-karatteristika partikulari tagħha.  Kienet il-mara li żaret lil tant irġiel u nisa, tfal u anzjani, żgħażagħ.  Għarfet iżżur u tkun sieħba waqt it-tqala drammatika ta’ ħafna mill-popli tagħna; ħarset il-ġlieda ta’ dawk kollha li batew biex setgħu jaqbżu għad-drittijiet ta’ wliedhom.  U issa, Hi ma tieqaf qatt twasslilna l-Kelma tal-ħajja, lil Binha, Sidna.

 

Anki dawn l-artijiet ġew miżjura mill-preżenza materna tagħha.  Il-patrija Kubana twieldet u kibret fis-sħana tad-devozzjoni lejn il-Verġni tal-Karità.  “Hi għaġnet b’mod speċjali lir-ruħ Kubana”, kitbu l-Isqfijiet ta’ din l-art, “u kebbset fil-qalb tal-Kubani l-aqwa ideali ta’ mħabba għal Alla, għall-familja u għall-Patrija”.

 

Dan affermawh ukoll ulied dan in-nazzjon tagħna mitt sena ilu, meta talbu lill-Papa Benedittu XV jiddikjara lill-Verġni tal-Karità Patruna ta’ Kuba, u kitbu: “La d-diżgrazzji u lanqas dak li ġejna mċaħħda minnu ma rnexxielhom ‘jitfu’ l-fidi u l-imħabba li l-poplu Kattoliku tagħna jistqarr lejn din il-Verġni, anzi, fit-taqlib kbir tal-ħajja, meta l-iżjed li kienu qrib tagħna l-mewt u d-disperazzjoni, dejjem xirfet bħal dawl li jkeċċi kull periklu, bħal nida li tfarraġ… id-dehra ta’ din il-Verġni mbierka, Kubana per eċċellenza… għax hekk ħabbewha l-ommijiet qatt minsija tagħna, hekk iberkuha x-xebbiet tagħna”.  Hekk huma kitbu mitt sena ilu.

 

F’dan is-Santwarju, li jindokra fih it-tifkira tal-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla li miexi f’Kuba, Marija hi meqjuma bħala Omm il-Karità.  Minn hawn Hi tħares l-għeruq tagħna, l-identità tagħna, biex ma nintilfux f’toroq ta’ disperazzjoni.  Ruħ il-poplu Kuban, kif għadna kemm smajna, issawret qalb tbatijiet u ċaħdiet li ma rnexxilhomx jitfu l-fidi; dik il-fidi li baqgħet ħajja grazzi għal tant nanniet li ssoktaw jagħmlu possibbli, fil-ħajja ta’ kuljum fid-djar, il-preżenza ħajja ta’ Alla; il-preżenza tal-Missier li jeħles, isaħħaħ, ifejjaq, jagħti kuraġġ u hu kenn żgur u sinjal ta’ qawmien ġdid.  Nanniet, ommijiet, u tant oħra li bi ħlewwa u mħabba kienu sinjali ta’ żjara – bħal Marija – ta’ kuraġġ, ta’ fidi għan-neputijiet tagħhom, fil-familji tagħhom.  Żammew miftuħ dak ix-xaqq ċkejken, żgħir daqs żerriegħa tal-mustarda, li minnu l-Ispirtu s-Santu kompla jsieħeb it-taħbita tal-qalb ta’ dan il-poplu.

 

U “kull darba li nħarsu lejn Marija, inkunu qed nemmnu mill-ġdid fil-qawwa rivoluzzjonarja tal-ħlewwa u tal-imħabba” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 288).

 

Nisel wara nisel, jum wara jum, aħna msejħin inġeddu l-fidi tagħna.  Aħna msejħin ngħixu r-rivoluzzjoni tal-ħlewwa kif għamlet Marija, Omm il-Karità.  Aħna mistiedna “noħorġu mid-dar”, biex inżommu għajnejna u qalbna miftuħa għall-oħrajn.  Ir-rivoluzzjoni tagħna tgħaddi mill-ħlewwa, mill-ferħ li jsir dejjem qrubija, li jsir dejjem kompassjoni – li m’hix pjetiżmu, tfisser li nħossu ma’, biex neħilsu – u twassalna biex nidħlu fil-ħajja ta’ l-oħrajn, biex naqdu.  Il-fidi tagħna toħroġna mid-dar tagħna biex immorru niltaqgħu ma’ l-oħrajn u naqsmu fil-ferħ u n-niket tagħhom, fit-tamiet u l-qtigħ il-qalb tagħhom.  Il-fidi tagħna toħroġna mid-dar biex inżuru lill-marid, il-ħabsi, għand min jibki u min jaf anki jidħak ma’ min jidħak, jifraħ mal-ferħ ta’ qrabatu.  Bħal Marija, irridu nkunu Knisja li taqdi, li toħroġ mid-dar, li toħroġ mit-tempji tagħha, mis-sagristiji tagħha, biex tkun sieħba fil-ħajja, twieżen it-tama, issir sinjal ta’ għaqda ta’ poplu b’qalb kbira u dinjituż.  Bħal Marija, Omm il-Karità, irridu nsiru Knisja li toħroġ mid-dar biex tibni l-pontijiet, iġġarraf il-ħitan, tiżra’ r-rikonċiljazzjoni.

 

Bħal Marija, irridu nkunu Knisja li taf issieħeb is-sitwazzjonijiet “imbarazzanti” kollha tan-nies tagħna, impenjati fil-ħajja, fil-kultura, fis-soċjetà, u mhux nistaħbew imma nimxu ma’ ħutna, ilkoll flimkien.  Ilkoll flimkien, naqdu, ngħinu.  Ilkoll ulied Alla, ulied Marija, ulied din l-art nobbli Kubana.

 

Dan hu r-“ram” l-aktar prezzjuż tagħna, dan hu l-akbar għana tagħna u l-aqwa wirt li nistgħu nħallu: bħal Marija, nitgħallmu noħorġu mid-dar u nimxu fuq il-passi taż-żjara tagħha.  U nitgħallmu nitolbu ma’ Marija, għax it-talb tagħha hu mimli bil-memorja u r-radd ta’ ħajr; hu l-għanja tal-Poplu ta’ Alla miexi fl-istorja.  Hu l-memorja ħajja li Alla jinsab f’nofsna; hu l-memorja dejjiema li Alla ħares lejn iċ-ċokon tal-poplu tiegħu, qabeż għall-qaddej tiegħu bħalma wiegħed lil missirijietna u lil nisilhom għal dejjem.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard