Qed niċċelebraw il-festa ta’ l-Appostlu u Evanġelista San Mattew.  Qed niċċelebraw il-ġrajja ta’ konverżjoni.  Huwa stess, fil-Vanġelu tiegħu, jirrakkuntalna kif seħħet il-laqgħa li bidlitlu ħajtu, idaħħalna f’dak il-“logħob bil-ħars” li kapaċi jibdel l-istorja.

 

Jum bħall-oħrajn, waqt li kien bil-qiegħda wara l-mejda tal-ġbir tat-taxxi, għadda Ġesù u lemħu, ħares lejh, resaq ħdejh u qallu: “Ejja warajja”.  U hu qam, u mexa warajh.

 

Ġesù ħares lejh.  X’qawwa ta’ mħabba kellha dik il-ħarsa ta’ Ġesù biex ċaqilqet lil Mattew kif għamlet!  X’qawwa ried ikollhom dawk l-għajnejn biex qajmuh minn postu!  Nafu li Mattew kien Pubblikan, jiġifieri kien jiġbor it-taxxi tal-Lhud biex jgħaddihom lir-Rumani.  Il-Pubblikani ma tantx kienu jarawhom b’għajn tajba, kienu meqjusa midinbin, u għalhekk kienu jgħixu maqtugħin u mistmerra mill-bqija tan-nies.  Ma stajtx tiekol magħhom, lanqas tkellimhom jew titlob magħhom.  Għall-poplu kienu tradituri, li kienu jieħdu dak li hu ta’ nieshom biex jagħtuh lil oħrajn.  Il-Pubblikani kienu ġejjin minn din il-kategorija soċjali.

 

U Ġesù waqaf, ma baqax miexi mgħaġġel, ħares lejh bla għaġla, ħares lejh bis-sliem.  Ħares lejh b’għajnejn mimlijin ħniena; ħares lejh kif ħadd ma kien għadu qatt ħares lejh qabel.  U dik il-ħarsa fetħitlu qalbu, ħelsitu, fejqitu, ittamatu, tatu ħajja ġdida, kif għamlet ma’ Żakkew, ma’ Bartimew, ma’ Marija ta’ Magdala, ma’ Pietru u anki ma’ kull wieħed u waħda minna.  Mqar jekk aħna ma nissugrawx ngħollu ħarsitna lejn il-Mulej, Hu dejjem iħares lejna l-ewwel.

 

Din hi l-istorja personali tagħna; bħal ħafna oħrajn, kull wieħed minna jista’ jgħid: anki jien midneb li fuqi Ġesù xeħet ħarstu.  Nistedinkom il-lum, id-dar jew il-knisja, meta tkunu fil-kwiet, waħidkom, tagħmlu mument ta’ skiet ħa niftakru bi gratitudni u ferħ f’dik iċ-ċirkustanza, dak il-mument li fih il-ħarsa kollha ħniena ta’ Alla strieħet fuq ħajjitna.

 

L-imħabba tiegħu timxi qabilna, ħarstu taf minn qabel x’neħtieġu.  Hu jaf jara lil hemm minn dak li jidher, lil hemm mid-dnub, lil hemm mill-falliment u miċ-ċkunija tagħna.  Jaf jara lil hemm mill-kategorija soċjali li nagħmlu parti minnha.  Hu jmur lil hemm minn dan kollu.  Hu jara fina dik id-dinjità ta’ wlied, li lkoll għandna, xi drabi mtappna mid-dnub, imma dejjem preżenti fil-profond ta’ ruħna.  Hi d-dinjità tagħna ta’ wlied.  Hu ġie sewwa sew biex ifittex lil dawk kollha li jħossu li ma jistħoqqilhomx jersqu lejn Alla, lejn l-oħrajn.  Inħalluh lil Ġesù jħares lejna, inħallu l-ħarsa tiegħu tiġri mat-toroq tagħna, inħallu l-ħarsa tiegħu troddilna mill-ġdid il-ferħ, it-tama, il-ferħ tal-ħajja.

 

Wara li ħares lejh bi ħniena, il-Mulej qallu hekk lil Mattew: “Ejja warajja”.  U Mattew qam u mar warajh.  Wara l-ħarsa, tiġi l-kelma.  Wara l-imħabba, il-missjoni.  Mattew m’għadux iżjed l-istess wieħed; inbidel minn ġewwa.  Il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù, bi mħabbtu kollha ħniena, bidlitu.  U f’dak il-mument ħalla warajh il-mejda tat-taxxi, il-flus, l-esklużjoni tiegħu.  Qabel kien joqgħod bil-qiegħda jistenna n-nies biex jiġbor minn għandha, biex jieħu minn għandha; issa ma’ Ġesù jkollu jqum biex jagħti, biex joffri, biex joffri lilu nnifsu lill-oħrajn.  Ġesù ħares lejh u Mattew sab il-ferħ fil-qadi lill-oħrajn.  Għal Mattew u għal dawk kollha li ħassew fuqhom il-ħarsa ta’ Ġesù, iċ-ċittadini l-oħra m’humiex nies biex tapprofitta ruħek minnhom, tużahom, tabbuża minnhom.  Il-ħarsa ta’ Ġesù toħloq attività missjunarja, ta’ qadi, ta’ għotja.  Iċ-ċittadini l-oħra huma dawk li hu jaqdi.  L-imħabba tiegħu tfejjaq l-għama tagħna u ġġagħilna nħarsu iktar ’il bogħod, biex ma niqfux ma’ dak li jidher minn barra jew li hu politikament korrett.

 

Ġesù jimxi qabilna, jiftħilna t-triq u jistedinna nimxu warajh.  Jistedinna nimxu bil-mod u negħlbu l-preġudizzji tagħna, ir-reżistenzi tagħna għall-bidla ta’ l-oħrajn u anki tagħna nfusna.  Jisfidana jum wara jum b’mistoqsija: Int temmen?  Temmen li hu possibbli li wieħed li jiġbor it-taxxi jinbidel f’qaddej?  Taħseb li possibbli li traditur isir ħabib?  Taħseb li hu possibbli li bin mastrudaxxa hu l-Iben ta’ Alla?  Ħarstu tibdel il-ħarsa tagħna, qalbu tibdel lil qalbna.  Alla hu Missier li jrid is-salvazzjoni ta’ wliedu kollha.

 

Inħallu lill-Mulej iħares lejna waqt it-talb, fl-Ewkaristija, fil-Qrar, f’ħutna, fuq kollox dawk li jħossuhom mitluqin, l-iżjed waħidhom.  U nitgħallmu nħarsu kif Hu jħares lejna.  Nidħlu aħna wkoll fil-ħlewwa u l-ħniena tiegħu mal-morda, il-ħabsin, l-anzjani u l-familji li jinsabu f’diffikultà.  Għal darb’oħra aħna msejħa nitgħallmu minn Ġesù, li jara dejjem dak li hu l-iżjed awtentiku f’kull persuna, li hi appuntu x-xbieha tal-Missier.

 

Naf b’liema sforz u sagrifiċċju l-Knisja f’Kuba qed taħdem biex twassal lil kulħadd, anki fl-iktar postijiet imbiegħda, il-kelma u l-preżenza ta’ Kristu.  Ta’ min isemmi b’mod speċjali l-hekk imsejħa “djar tal-missjoni”, li, minħabba n-nuqqas ta’ knejjes u saċerdoti, qed jipprovdu lil ħafna nies post għat-talb, għas-smigħ tal-Kelma, il-katekeżi u l-ħajja komunitarja.  Huma sinjali żgħar tal-preżenza ta’ Alla fil-postijiet fejn ngħixu u għajnuna fil-ħajja ta’ kuljum li tlaħħam il-kelmiet ta’ l-Appostlu Pawlu: “Inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skond is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu ’l xulxin.  Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem” (Efes 4:1-3).

 

Nixtieq issa nitfa’ ħarsti fuq il-Verġni Marija, is-Sinjura Tagħna tal-Karità del Cobre, li Kuba laqgħet f’dirgħajha u fetħitilha l-bibien tagħha għal dejjem, u Lilha nitlob iżżomm ħarsitha ta’ omm fuq kull wieħed u waħda mill-ulied ta’ dan in-nazzjon nobbli, u li “dawk l-għajnejn tagħha tal-ħniena” ikunu dejjem attenti għal kull wieħed u waħda minnkom, għad-djar tagħkom, għall-familji tagħkom u għall-persuni li jista’ jkollhom l-impressjoni li għalihom m’hemmx post.  Ħa tieħu ħsieb hi ta’ kulħadd, l-istess kif bl-imħabba tagħha ħadet ħsieb ta’ Ġesù.  U ħa tgħallimna Hi kif inħarsu lejn l-oħrajn l-istess kif Ġesù ħares lejn kull wieħed u waħda minna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard