Ġesù jagħmel lid-dixxipli tiegħu mistoqsija li minn barra tidher ftit tosta: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” (Mk 9:33).  Mistoqsija li anki l-lum Hu jista’ jagħmlilna: Fuqiex titkellmu ta’ kuljum?  Liema huma x-xewqat li taspiraw għalihom?  “Huma”, jgħid il-Vanġelu, “baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar” (Mk 9:34).  Stħaw juru lil Ġesù fuqiex kienu qed jitkellmu.  Bħal fid-dixxipli tal-bieraħ, anki fostna l-lum jaf ikun hemm din id-diskussjoni: “Min hu l-ikbar?”.

 

Ġesù ma jkomplix jinsisti bil-mistoqsija tiegħu, ma jġagħilhomx jgħidulu fuqiex kienu qed jitkellmu fit-triq; imma dik il-mistoqsija tibqa’ tidwi, mhux biss fil-moħħ, imma anki fil-qalb tad-dixxipli.

 

“Min hu l-ikbar?”.  Mistoqsija li tibqa’ magħna ħajjitna kollha u li niġu msejħa nwieġbu għaliha fid-diversi fażijiet ta’ ħajjitna.  Ma nistgħux naħarbu minn din il-mistoqsija, għax hi miktuba fuq qalbna.  Iżjed minn darba smajt waqt xi okkażjoni familjari lil min jistaqsi lil uliedu: “Lil min tħobb l-iżjed, lill-papà jew lill-mamà?”.  Qisek qed tistaqsi: Min hu l-iktar importanti għalik?  Veru li din il-mistoqsija hi biss sempliċi logħob tat-tfal?  L-istorja tal-bnedmin ġiet immarkata mill-mod kif ġiet imwieġba din il-mistoqsija.

 

Ġesù ma jibżax mill-mistoqsijiet tal-bnedmin; ma jibżax mill-umanità, lanqas mill-ħafna mistoqsijiet li tagħmillu.  Għall-kuntrarju, Hu jafhom it-“tlajja’ u l-inżul” tal-qalb umana, u bħal għalliem tajjeb hu dejjem lest jimxi magħna.  Fidil lejn l-istil tiegħu, jagħmel tiegħu l-mistoqsijiet tagħna, ix-xewqat tagħna u jagħtihom xefaq ġdid.  Fidil lejn l-istil tiegħu, jaf jagħti tweġiba li għandha l-ħila tqiegħed sfida ġdida, jissorprendi t-“tweġibiet mistennija” u dak li mid-dehra kien ġa stabbilit.  Fidil lejn l-istil tiegħu, Ġesù jħaddem dejjem il-loġika ta’ l-imħabba.  Loġika li kulħadd jista’ jgħixha, għax hi għal kulħadd.

 

Maqtugħ minn kull xorta ta’ elitarjaniżmu, ix-xefaq ta’ Ġesù m’hux qiegħed hemm għal ftit ipprivileġġjati li kapaċi jaslu għall-“għarfien mixtieq” jew għal livelli għolja ta’ spiritwalità.  Ix-xefaq ta’ Ġesù hu dejjem proposta għall-ħajja ta’ kuljum, anki hawn, fil-gżira “tagħna”; proposta li lill-ħajja ta’ kuljum tagħtiha ċerta togħma ta’ ħajja ta’ dejjem.

 

Min hu l-ikbar?  Ġesù hu sempliċi fit-tweġiba tiegħu: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9:35).  Min irid ikun il-kbir, ħa jaqdi lill-oħrajn, u mhux jinqeda bl-oħrajn!

 

U dan hu l-paradoss kbir ta’ Ġesù.  Id-dixxipli kienu qed jiddiskutu fuq min kellu jieħu l-post l-aktar importanti, fuq min kellu jkun l-ipprivileġġjat – u kienu d-dixxipli, l-eqreb lejn Ġesù, li qed jiddiskutu dan! –, min kellu jintrefa’ ’l fuq mil-liġi komuni, min-norma ġenerali, biex ikun prominenti b’xewqa ta’ superjorità fuq l-oħrajn.  Min kellu jogħla l-aktar maljar biex jieħu f’idejh karigi li jagħtuh ċerti vantaġġi.

 

U Ġesù jħawwad il-loġika tagħhom u jgħidilhom sempliċement li l-ħajja awtentika tingħax fl-impenn konkret b’riżq il-proxxmu, jiġifieri billi wieħed jaqdi.

 

L-istedina għall-qadi tippreżenta aspett partikulari li jeħtieġ noqogħdu attenti għalih.  Taqdi jfisser, fil-parti l-kbira, tieħu ħsieb tad-dgħajjef.  Naqdu jfisser nieħdu ħsieb ta’ dawk li huma dgħajfin fil-familji tagħna, fis-soċjetà tagħna, fil-poplu tagħna.  Huma l-uċuħ li qed ibatu, m’għandhomx min jiddefendihom u maħqurin li Ġesù jipproponilna nħarsu lejhom u jistedinna konkretement biex inħobbuhom.  Imħabba li titlaħħam f’għemejjel u deċiżjonijiet.  Imħabba li tidher fid-diversi dmirijiet li bħala ċittadini aħna msejħin inwettqu.  Huma persuni tad-demm u l-laħam, bil-ħajja tagħhom, l-istorja tagħhom u speċjalment id-dgħufija tagħhom, li Ġesù jistedinna niddefendu, nassistu, naqdu.  Għax li tkun Nisrani jfisser taqdi d-dinjità ta’ l-aħwa, tissielet għad-dinjità ta’ l-aħwa u tgħix għad-dinjità ta’ l-aħwa.  Għalhekk in-Nisrani, quddiem il-ħarsa konkreta ta’ dawk l-iżjed dgħajfa, hu dejjem mistieden iwarrab għall-ġenb il-ħtiġijiet tiegħu, l-istennijiet tiegħu, ix-xewqat tiegħu ta’ omnipotenza.

 

Hemm “qadi” li jaqdi lill-oħrajn; imma jeħtieġ inħarsu ruħna mill-qadi l-ieħor, noqogħdu attenti mit-tentazzjoni tal-“qadi” li “jinqeda” bl-oħrajn.  Teżisti għamla ta’ tħaddim tal-qadi li minnha jgawdu “tiegħi”, li jsir f’isem l-“aħna”.  Dan il-qadi jħalli dejjem barra lil “tiegħek”, u hekk joħloq dinamika ta’ esklużjoni.

 

Ilkoll aħna msejħin għall-vokazzjoni Nisranija tal-qadi li jaqdi u biex ngħinu lil xulxin ma naqgħux fit-tentazzjonijiet tal-“qadi li jinqeda”.  Ilkoll aħna mistednin, imħarrka minn Ġesù biex inħossu ma’ xulxin bi mħabba.  U dan mingħajr ma nħarsu madwarna biex naraw ta’ maġenbna x’inhu jagħmel jew ma jagħmilx.  Jgħidilna Ġesù: Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd” (Mk 9:35).  Dan isir l-ewwel wieħed.  Ma jgħidx: “Jekk ta’ maġenbek irid ikun l-ewwel wieħed, ħa jaqdi”.  Jeħtieġ noqogħdu attenti minn dik il-ħarsa li tiġġudika, u iktar nitħeġġu biex nemmnu fil-ħarsa li kapaċi tibdel, li għaliha jistedinna Ġesù.

 

Dan li nħossu ma’ l-oħrajn għax inħobbuhom ma jwassalx għal atteġġjament ta’ serviliżmu, imma għall-kuntrarju, iqiegħed fiċ-ċentru l-bżonn ta’ ħutna: il-qadi dejjem iħares lejn il-wiċċ ta’ ħuk, imiss il-laħam ta’ ġismu, iħoss il-qrubija tiegħu u f’xi każi sa anki “isofriha”, u jfittex li jgħolli ’l fuq lilu.  Għalhekk il-qadi qatt m’hu ideoloġija, għax ma jaqdix ’l-ideat, imma ’l-persuni.

 

Il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla li jgħix f’Kuba hu poplu li jħobb il-festa, il-ħbiberija, il-ħwejjeġ sbieħ.  Hu poplu li jimxi, li jgħanni u jfaħħar.  Hu poplu li għandu l-ġrieħi tiegħu, bħal kull poplu ieħor, imma li jaf jiftaħ dirgħajh, li jimxi bit-tama, għax il-vokazzjoni tiegħu hi għolja.  Hekk żergħuha ta’ qabilkom.  Il-lum nistedinkom tieħdu ħsieb ta’ din is-sejħa tagħkom, tgħożżu dawn id-doni li Alla takom, imma nixtieq nistedinkom b’mod speċjali biex tieħdu ħsieb u taqdu d-dgħufija ta’ ħutkom.  Twarrbuhomx għall-ġenb bl-iskuża ta’ proġetti li jistgħu jidhru sbieħ fil-għajn, imma li ma jimpurtahomx mill-wiċċ ta’ min jinsab maġenba.  Aħna nafu, aħna xhieda tal-“qawwa li m’hemmx bħalha” tal-Qawmien li “tqabbad ma’ kullimkien l-għeruq ta’ din id-dinja ġdida” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 276, 278).

 

Ejjew ma ninsewx il-Bxara t-Tajba tal-lum: il-kobor ta’ poplu, ta’ nazzjon; il-kobor ta’ persuna jissejjes dejjem fuq kif taqdi d-dgħufija ta’ ħutha.  U f’dan insibu wieħed mill-frott ta’ umanità vera.

 

Għaliex, għeżież ħuti, “min ma jgħixx biex jaqdi, ma jiswiex biex jgħix”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard