Sur President
Awtoritajiet Distinti,
Ħuti fl-Episkopat,
Sinjuri,

 

Grazzi ħafna Sur President għal-laqgħa li tajtni u għall-kliem mimli kortesija li bih tajtni merħba f’isem il-Gvern u l-poplu kollu ta’ Kuba.  It-tislima tiegħi tmur ukoll lejn l-Awtoritajiet u lejn il-membri tal-Korp Diplomatiku li kellhom il-kortesija li jkunu preżenti f’din iċ-ċirkostanza.

Nirringrazzja lill-Kardinal Jaime Ortega y Alamino, Arċisqof ta’ Havana, lil Mons. Dionisio Guillermo García Ibáñez, Arċisqof ta’ Santiago ta’ Kuba u President tal-Konferenza Epsikopali, lill-Isqfijiet l-oħra u lill-poplu Kuban kollu għall-laqgħa fraterna li tajtuni.

Grazzi lil dawk kollha li taw ħinhom u l-enerġija biex ħejjew din iż-żjara pastorali.  Nixtieq nitolbok, Sur President, biex twassal is-sentimenti ta’ stima speċjali u rispett lil ħuk Fidel.  Nixtirq ukoll li t-tislima tiegħi tasal b’mod partikolari għand dawk il-persuni kollha li, għal diversi raġunijiet, mhux se nkun nista’ niltaqa’ magħhom u tasal ukoll għand il-Kubani mxerrdin madwar id-dinja.

Kif fakkart int, Sur President, f’din is-sena 2015, qed ikun ċelebrat it-8 anniversarju minn mindu twaqqfu r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn ir-Repubblika ta’ Kuba u s-Santa Sede.  Il-Providenza ppermettiet li jien nasal hawn illum, f’dan in-nazzjon maħbub, fuq il-passi li ma jitħassrux, tal-vjaġġi appostoliċi li kienu għamlu f’dil-gżira ż-żewġ predeċessuri tiegħi San Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI.  Naf li t-tifkira tagħhom tqanqal gratitudni u mħabba fil-poplu u fl-Awtoritaajiet ta’ Kuba.  Illum qed inġeddu dawn ir-rabtiet ta’ koperazzjoni u ħbiberija sabiex il-Knisja  tkompli takkumpanja u tinkoraġġixxi lill-poplu Kuban fit-tamiet u l-preokkupazzjonijiet tiegħu, bil-libertà u bil-mezzi kollha meħtieġa biex twassal it-tħabbira tas-Saltna tas-Sema sal-periferiji eżistenzjali tas-soċjetà.

Dan il-vjaġġ appostoliku qed jaħbat ukoll mal-ewwel ċentinarju minn mindu l-Verġni tal-Karità ta’ Cobre ġiet proklamata Patruna ta’ Kuba minn Benedittu XV.  Kienu l-veterani tal-gwerra tal-indipendenza, li mqanqlin minn sentimenti ta’ fidi u patrijottiżmu, li talbu li l-Verġni mambisa (Kubana), tkun il-patruna ta’ Kuba bħala nazzjon ħieles u sovran. Minn dak il-waqt, Hi akkumpanjat l-istorja tal-poplu ta’ Kuba, rifdet it-tama li tħares id-dinjità tal-persuni fis-sitwazzjonijiet l-aktar diffiċli u ddefendiet it-tmexxija ‘l quddiem ta’ dak kollu li jagħti dinjità lill-essri uman.  Id-devozzjoni dejjem tikber lejn il-Verġni tal-Karità ta’ Cobre hija xhieda li tidher tal-preżenza tal-Verġni fir-ruħ tal-poplu Kuban.  F’dawn il-jiem se jkolli l-okkażjoni li mmur fis-Santwarju ta’ Cobre bħala iben u pellegrin, biex nitlob lil Ommna għal uliedha kollha Kubani u għal dan in-nazzjon maħbub., biex jimxi f’mogħdijiet ta’ ġustizzja, paċi, libertà u rikonċiljazzjoni.

Ġjografikament, Kuba hi grupp ta’ gżejjer li jħarsu lejn id-direzzjonijiet kollha, b’valur straordinarju bħala “muftiħ” bejn it-tramuntana u n-nofsinhar, bejn il-lvant u l-punent.  Il-vokazzjoni tagħha hi dik li tkun imkien ta’ laqgħa biex il-popli kollha jinġabru bi ħbiberija, kif kien ħolom José Martí, «’l hinn mid-djuq tal-istmi u l-barrieri tal-ibħra»  (Konferenza Monetarja tar-Repubbliki tal-Amerika, f’Obras escogidas II, Havana 1992, 505).  Din kienet l-istess xewqa ta’ San Ġwanni Pawlu II meta għamel l-appell imqanqal «biex Kuba tinfetaħ bil-possibiltajiet grandjużi tagħha għad-dinja u d-dinja tinfetaħ għal Kuba» (Diskors tal-wasla 21 ta’ Jannar, 1998, 5).

Minn xi xhur ‘l hawn aħna xhieda ta’ avveniment li jimlina bit-tama: il-proċess ta’ normaliżżazzjoni tar-relazzjonijiet bejn żewġ popli, wara snin ta’ firda.  Hu proċess, hu sinjal li l-kultura tal-laqgħa, tad-djalogu, «tas-sistema tal-valoriżżazzjoni universali... li jegħleb is-sistema, mejjet darba għal dejjem, tad-dinastija u tal-grupp, hu dejjem minn fuq» kien jgħid José Martí (ibid.)

Nagħmel kuraġġ lil min hu responsabbli politikament biex jibqa’ għaddej f’din il-mixja u biex jiżviluppa l-potenzjalitajiet kollha, bħala prova tas-servizz għoli li hu msejjaħ jagħti favur il-paċi u l-ġid tal-popli tiegħu u tal-Amerika kollha u biex ikun ta’ eżempju ta’ rikonċiljazzjoni għad-dinja kollha.  Id-dinja għandha bżonn ir-rikonċiljazzjoni f’din l-atmosfera tat-tielet gwerra dinjija li qed tkun miġġielda “fl-irqajja”, li qed ngħixu bħalissa.

Nafda dawn il-jiem f’idejn l-interċessjoni tal-Verġni tal-Karità ta’ Cobre, tal-Beati Olallo Valdés u José López Pieteira u tal-Venerabbli Félix Varela, li xerred bil-kbir l-imħabba bejn il-Kubani u bejn il-bnedmin tad-dinja kollha, biex ir-rabtiet ta’ paċi, solidarjetà u rispett reċiproku ta’ bejnietna jissaħħu.

Mill-ġdid grazzi ħafna Sur President.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber