Id-diskors tal-Qdusija Tiegħu

 

Il-Kardinal Jaime [Ortega y Alamino] kellimna dwar il-faqar, u s-sorella Yaileny [Swor Yaileny Ponce Torres, ta’ Wlied il-Karità] kellmitna fuq l-iktar ċkejknin: “Kollha tfal”.  Jien kelli omelija lesta biex nagħmilha issa, imdawwal mit-testi Bibliċi, imma meta jitkellmu l-profeti – u kull saċerdot hu profeta, kull imgħammed hu profeta, kull ikkonsagrat hu profeta – tajjeb nisimgħu lilhom.  U għalhekk se ngħaddi l-omelija lill-Kardinal Jaime biex iwassalhielkom u tiġi ppubblikata.  Imbagħad tistgħu timmeditawha.  U issa nitkellmu ftit fuq dak li qalu dawn iż-żewġ profeti.

 

Il-Kardinal Jaime kellu jgħid kelma skomda ħafna, estremament skomda, li tmur ukoll kontra l-kurrent fid-dawl ta’ l-hekk imsejħa struttura kulturali tad-dinja.  Qal: “faqar”.  U tennieha kemm-il darba.  U naħseb li l-Mulej ried li nisimgħuha iżjed minn darba u nilqgħuha f’qalbna.  L-ispirtu tad-dinja ma jafhiex, ma jridhiex, jaħbiha, mhux b’pudur, imma b’disprezz.  U jekk ikollu jidneb u joffendi lil Alla biex ma jkunx hemm faqar, hekk jagħmel.  L-ispirtu tad-dinja ma jħobbhiex it-triq ta’ l-Iben ta’ Alla, li tneżża’ minnu nnifsu, ftaqar, sar xejn, tbaxxa, biex isir wieħed minna.

 

Il-faqar li beżża’ lil dak iż-żagħżugħ hekk ġeneruż: kien osserva l-kmandamenti kollha, u meta Ġesù qallu: “Mur bigħ kull ma għandek u qassmu lill-foqra”, sewwed qalbu, beża’ mill-faqar.  Il-faqar dejjem nippruvaw naħarbuh, anki għal raġunijiet validi, imma hawn qed nitkellem fuq li naħarbuh f’qalbna.  Li nkunu nafu namministraw tajjeb il-ġid, dan hu dmirna, għax il-ġid hu don ta’ Alla, imma meta dak il-ġid jidħol fil-qalb u jibda jmexxilek ħajtek hu, allura tlift.  M’għadekx bħal Ġesù.  Għandek iċ-ċertezza tiegħek imqiegħda fejn poġġieha dak iż-żagħżugħ imdejjaq, dak li telaq ’l hemm qalbu sewda.  Għalikom, saċerdoti, ikkonsagrati, nemmen li jista’ jiswa ta’ ġid dak li kien jgħid Sant’Injazju – u din m’hix xi propaganda pubbliċitarja tal-familja! –, hu kien jgħid li l-faqar hu l-ħajt u l-omm tal-ħajja kkonsagrata.  L-omm għax inissel iktar fiduċja f’Alla.  U l-ħajt għax iħarisha minn kull mondanità.  Kemm erwieħ meqruda!  Erwieħ ġenerużi, bħal dik taż-żagħżugħ imnikket, li bdew tajjeb u mbagħad intrabtu ma’ dik il-mondanità għanja, u spiċċaw ħażin.  Irrid ngħid, medjokri.  Spiċċaw bla mħabba għax l-għana jfaqqar, imma jfaqqar ħażin.  Jeħdilna l-aħjar li għandna, jagħmilna foqra f’dak l-għana waħdieni li tassew jiswa, biex inqiegħdu ċ-ċertezzi tagħna fi ħwejjeġ oħra.

 

L-ispirtu tal-faqar, l-ispirtu tat-tneżżigħ, l-ispirtu ta’ min iħalli kollox biex jimxi wara Ġesù.  Din li nħallu kollox, m’iniex nivvintaha jien.  Tidher ħafna drabi fil-Vanġelu.  Fis-sejħa ta’ l-ewwel dixxipli li ħallew id-dgħajjes, ix-xbieki, u marru warajh.  Dawk li ħallew kollox biex jimxu wara Ġesù.  Darba kien hemm wieħed qassis xwejjaħ u għaref li rrakkontali fuq kif meta l-ispirtu ta’ l-għana, tal-mondanità għanja jidħol fil-qalb ta’ kkonsagrat, ta’ saċerdot, ta’ isqof, ta’ papa, ikun min ikun, meta wieħed jibda jgeddes u jrekken il-flus għalih innifsu, u biex jiżgura l-futur tiegħu, ċertament, allura l-futur tiegħi m’huwiex f’Ġesù, qiegħed f’kumpanija ta’ l-assigurazzjoni ta’ għamla spiritwali, li jien nikkontrolla.  Mela, meta, ngħidu aħna, kongregazzjoni reliġjuża – qalli hu – tibda tgeddes il-flus u trekken, trekken, Alla hu hekk twajjeb li jibagħtilha ekonomu diżastruż, li jixħitha f’falliment.  Huma fost l-aqwa barkiet ta’ Alla għall-Knisja tiegħu, l-ekonomi diżastrużi, għax jagħmluha ħielsa, jagħmluha fqira.  L-Imqaddsa Omm tagħna l-Knisja hi fqira, Alla jridha fqira, kif ried fqira lill-Imqaddsa Ommna Marija.  Ħobbuh il-faqar bħal omm.  U sempliċement nissuġġerilkom, jekk xi ħadd minnkom jixtieq jagħmel hekk, li jistaqsi lilu nnifsu: Kif inhu sejjer l-ispirtu tiegħi tal-faqar?  Kif sejjer it-tneżżigħ ġewwieni tiegħi?  Nemmen li dan jista’ jagħmel tajjeb lill-ħajja kkonsagrata tagħna, lill-ħajja presbiterali tagħna.  Wara kollox, ma ninsewx li din hi l-ewwel mill-Beatitudnijiet: “Henjin il-foqra fl-ispirtu”, dawk li m’huma marbuta ma’ l-ebda għana, mal-poteri ta’ din id-dinja.

 

U s-soru kellmitna fuq dawk ta’ l-aħħar, iċ-ċkejknin nett li, anki jekk huma kbar, fl-aħħar mill-aħħar nittrattawhom bħal tfal għax jidhru quddiemna qishom tfal.  “L-iċken”.  Din hi espressjoni ta’ Ġesù.  U qiegħda fil-protokoll li fuqu għad isir ħaqq minna: “Dak li għamiltu ma’ l-iċken fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (ara Mt 25).  Hemm servizzi pastorali li jistgħu jkunu iktar gratifikanti mill-perspettiva umana, bla ma huma ħżiena jew mondani, imma meta wieħed ifittex li jagħti preferenza interjuri lill-iċken, lill-iżjed abbandunat, lill-iżjed marid, lil dak li ħadd ma jqisu, li ħadd ma jridu, lill-iżgħar wieħed, u jingħata għall-qadi ta’ l-iċken, dan qed jaqdi lil Ġesù bl-ogħla mod.  Int [idur fuq is-soru] ġejt mibgħuta fejn ma ridtx tmur.  U bkejt.  Bkejt għax ma kienx jogħġbok, u dan ma jfissirx li int soru bekkejja, le.  Ħa jeħlisna Alla minn sorijiet bekkejja!  Li dejjem igergru…  Dan m’iniex ngħidu jien, kienet tgħidu Santa Tereża lis-sorijiet tagħha.  Minnha ġej.  Ħażin għal dik is-soru li l-jum kollu tgerger li “għamlu inġustizzja miegħi”.  Fil-lingwaġġ Kastiljan ta’ dak iż-żmien kienet tgħid: “Ħażin għal dik is-soru li toqgħod tgħid: Imxew miegħi bla raġuni”.  Int bkejt għax kont għadek żgħira, kellek aspettattivi oħra, kont taħseb forsi li fi skola stajt tagħmel iżjed affarijiet, u li stajt torganizza futur għaż-żgħażagħ…  U bagħtuk hemm: “Dar il-Ħniena”, fejn il-ħlewwa u l-ħniena tal-Missier jidhru iżjed ċari, fejn il-ħlewwa u l-ħniena tal-Missier isiru żegħila.  Kemm reliġjużi jaħarqu – u ntenni l-verb: jaħarqu – ħajjithom imellsu “materjal” ta’ l-iskart, iżegħilu b’dawk li d-dinja tarmi, dawk li d-dinja tistmerr, li d-dinja tippreferi li ma kinux jeżistu; dak li d-dinja l-lum, b’metodi ta’ analiżi ġodda li jeżistu, meta tara minn qabel li tista’ tiġi xi marda, tipproponi li tibagħtu lura, qabel jitwieled.  Dan hu l-iċken.  U xebba żagħżugħa, mimlija bl-aspettattivi, tibda l-ħajja kkonsagrata tagħha biex tagħmel preżenti l-ħlewwa ta’ Alla fil-ħniena tiegħu.  Xi drabi ma jifhmuhiex, ma jafux, imma kemm hi ħaġa sabiħa għal Alla, u kemm ġid tista’ tagħmel, ngħidu aħna, it-tbissima ta’ xi ħadd spastiku, li ma jafx kif jitbissem, jew meta jkunu jridu jbusuk u jbeżilqu fuq wiċċek.  Din hi l-ħlewwa ta’ Alla, hi l-ħniena ta’ Alla.  Jew meta jkunu rrabjati u jagħtuk daqqa ta’ ħarta…  U li naħraq ħajti hekk, ma’ dak li f’għajnejn id-dinja hu “materjal” ta’ skart, dan mhux biss jitkellem fuq persuna; ikellimna fuq Ġesù, li, għall-ħniena tal-Missier, sar xejn, ixxejjen, jgħid it-test ta’ l-Ittra lill-Filippin, kapitlu 2.  Sar xejn.  U dawn in-nies li għalihom int tajt ħajtek, jixbhu lil Ġesù, mhux għax riedu hekk huma, imma għax id-dinja wasslithom għal hekk.  Huma xejn u d-dinja taħbihom, ma turihomx, jew ma żżurhomx.  U jekk hu possibbli, u jekk ikun hemm żmien biżżejjed, tibgħathom lura.  Grazzi ta’ dak li tagħmel, u lilkom, grazzi lil dawn in-nisa kollha u lil tant nisa kkonsagrati, għas-servizz li jagħtu lil dak li ma jiswa xejn, għax ma jista’ jiġġenera l-ebda negozju, m’hemmx flus x’wieħed jaqla’, assolutament xejn “kostruttiv” m’hemm x’wieħed jagħmel, biex ngħidu hekk, b’dawn ħutna, biċ-ċkejknin, bl-iżjed żgħar.  Hemm tilma l-persuna ta’ Ġesù.  U hemm tilma l-għażla tiegħi ta’ Ġesù.  Grazzi lilek u lill-ikkonsagrati kollha li jagħmlu dan.

 

“Dun, jien m’iniex soru, jien ma niħux ħsieb tal-morda, jien qassis, u għandi parroċċa, jew ngħin lill-kappillan.  Min hu Ġesù li rrid inħobb jien?  Min hu l-iċken?  Min hu li jurini l-iżjed il-ħniena tal-Missier?  Fejn nista’ nsibu?”.  Naturalment, nerġa’ lura dejjem għall-protokoll ta’ Mattew 25.  Hemm issibu lil kulħadd: l-imġewwaħ, il-ħabsi, il-marid…  Hemm tistgħu ssibuhom.  Imma hemm post ipprivileġġjat għas-saċerdot fejn jidher l-aħħar wieħed, iż-żgħir nett, l-iċken wieħed, u dan hu l-konfessjonarju.  Huwa hemm, meta dak ir-raġel, dik il-mara, juruk il-miżerja tagħhom – attent!, għax din hi l-istess waħda li għandek int u li minnha Alla fdiek, biex ma tasalx sa hemm – meta jurik il-miżerja tiegħu, jekk jogħġbok, tagħmilx għalih, tikkastigahx.  Jekk qatt ma dnibt, ixħet l-ewwel ġebla, imma b’din il-kundizzjoni biss.  Jekk le, aħseb fi dnubietek.  U aħseb li stajt kont int dik il-persuna.  U aħseb li int, potenzjalment, tista’ tasal iktar fil-baxx.  U aħseb li int, f’dak il-ħin, għandek teżor bejn idejk, li hi l-ħniena tal-Missier.  Nitlobkom – saċerdoti –: tegħjew qatt taħfru.  Kunu nies li taħfru.  Tegħjew qatt taħfru, kif kien jagħmel Ġesù.  Tinħbewx wara biżgħat jew riġidità.  Bħal din is-soru, u dawk kollha li jagħmlu l-istess ħidma tagħha, li ma jitilfux il-kalma meta jsibu lill-marid maħmuġ jew fi stat ħażin, imma jaqduh, inaddfuh, jikkurawh, hekk intom, meta jasal il-penitent, ara li ma jkollokx dispożizzjoni ħażina, tkunx nervuż, tkeċċihx mill-konfessjonarju, tgħajjatx miegħu.  Ġesù kien jgħannqu miegħu.  Ġesù kien iħobbu.  Għada nagħmlu l-festa ta’ San Mattew.  Kemm kien jisraq dak!  U mbagħad, kif kien jittradixxi lill-poplu tiegħu!  U jgħid il-Vanġelu li, fil-għaxija, Ġesù daħal jiekol għandu u ma’ oħrajn bħalu.  San Ambroġ għandu frażi li tqanqalni ħafna: “Fejn hemm il-ħniena, hemm l-ispirtu ta’ Ġesù.  Fejn hemm ir-riġidità, hemm biss il-ministri tiegħu”.

 

Ħija saċerdot, ħija isqof, tibżgħux mill-ħniena.  Ħalliha tgħaddi minn ġo dirgħajk u t-tgħanniqa tiegħek ta’ maħfra, għax dak jew dik li tinsab hekk quddiemek hi l-iċken waħda.  U għalhekk hi Ġesù.

 

Dan hu li jiġini li ngħidilkom wara li smajt lil dawn iż-żewġ profeti.  Il-Mulej jagħtina dawn il-grazzji li huma żergħu fi qlubna: faqar u ħniena.  Għax hemmhekk hemm Ġesù.

 


 

Inġabarna f’dan il-Katidral storiku ta’ La Habana biex flimkien mas-Salmi ngħannu l-fedeltà ta’ Alla lejn il-Poplu tiegħu, u rroddulu ħajr għall-preżenza u l-ħniena tiegħu bla tarf.  Fedeltà u ħniena li jsiru memorja mhux biss bejn il-ħitan ta’ din id-dar, imma anki f’xi wħud li għandhom “xagħarhom abjad”, tifkira ħajja, attwalizzata, tal-fatt li “il-ħniena tiegħu bla tarf u l-fedeltà tiegħu tibqa’ għal dejjem”.  Ħuti, ejjew irroddu ħajr flimkien lill-Mulej.

 

Irroddulu ħajr għall-preżenza ta’ l-Ispirtu bl-għana tad-diversi kariżmi fl-uċuħ ta’ ħafna missjunarji li ġew f’dawn l-artijiet, saru Kubani qalb il-Kubani, sinjal tal-ħniena eterna tal-Mulej.

 

Il-Vanġelu jippreżentalna lil Ġesù fi djalogu mal-Missier, iqegħidna fil-qalba ta’ l-intimità bejn il-Missier u l-Iben li ssir talba.  Meta qorbot is-siegħa tiegħu, Ġesù talab lill-Missier għad-dixxipli tiegħu, għal dawk li kienu miegħU u għal dawk li kellhom jiġu (ara Ġw 17:20).  Iħassibna l-fatt li, fis-siegħa l-kbira tiegħu, Ġesù jitlob għall-ħajja tad-dixxipli tiegħu, għall-ħajja tagħna.  U jitlob lill-Missier li jżommhom magħqudin u hienja.  Ġesù kien jaf tajjeb il-qalb ta’ dawk li kienu tiegħu, jaf tajjeb il-qalb tagħna.  Għalhekk jitlob, jitlob lill-Missier li ma jitteħdux minn mentalità ta’ iżolament, li tifttex il-kenn fiċ-ċertezzi pesonali, fl-ispazji pesonali, u ma tibqax tagħti kas tal-ħajja ta’ l-oħrajn, għax tingħalaq fl-“azjendi domestiċi” żgħar tagħha, li jfarrku l-wiċċ tal-Knisja bl-għadd ta’ forom tiegħu.  Sitwazzjonijiet li jwasslu għad-diqa individwalista, għal diqa li ftit ftit tagħmel wisa’ għall-korla, għat-tgergir kontinwu, għall-monotonija; “din mhix xewqet Alla għalina, din mhix il-ħajja fl-Ispirtu” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 2) li Hu sejħilkom għaliha, li sejħilna għaliha.  Għalhekk Ġesù jitlob, jitlob li d-diqa u l-iżolament ma jirbħux lil qalbna.  U aħna rridu nagħmlu l-istess, irridu ningħaqdu mat-talba ta’ Ġesù, ma’ kliemu biex ngħidu flimkien: “Missier, ħarishom f’ismek… biex ikunu ħaġa waħda, bħalna” (Ġw 17:11) “u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11).

 

Ġesù jitlob u jistedinna nitolbu għax jaf li hemm ħwejjeġ li nistgħu nirċievu biss bħala don, ħwejjeġ li nistgħu ngħixu biss bħala rigal.  L-għaqda hi grazzja li jista’ jagħtina biss l-Ispirtu s-Santu, aħna rridu biss nitolbuha u nkunu disposti bl-aħjar mod li nistgħu biex inħallu dan id-don jibdilna.

 

Spiss nifxlu l-għaqda ma’ l-uniformità, ma’ mod kif nagħmlu, inħossu u ngħidu kollha l-istess ħwejjeġ.  Din m’hix għaqda, imma omoġenjità.  Dan ifisser nifgaw il-ħajja ta’ l-Ispirtu, noqtlu l-kariżmi li Hu qassam għall-ġid tal-Poplu tiegħu.  L-għaqda hi mhedda kull darba li rridu nsawru lill-oħrajn fuq ix-xbieha u s-sura tagħna.  Għalhekk l-għaqda hi don, m’hix xi ħaġa li tista’ timponiha bis-saħħa jew b’digriet.  Qed nieħu gost narakom hawn, irġiel u nisa ta’ bosta ġenerazzjonijiet, kuntesti, esperjenzi differenti ta’ ħajja, magħqudin flimkien għat-talb komuni.  Nitolbu lil Alla li jkabbar fina x-xewqa li nkunu qrib ta’ xulxin.  Ħa nsiru proxxmu, inkunu qrib ta’ xulxin, bid-differenzi tagħna, l-inklinazzjonijiet, l-istili tagħna, imma dejjem qrib.  Bid-diskussjonijiet tagħna, it-“tilwim” ta’ bejnietna, imma dejjem nitkellmu quddiem xulxin u mhux minn wara dahar xulxin.  Ħa nkunu ragħajja qrib tal-poplu tagħna, li nħalluh jiddiskuti magħna, jistaqsina.  Il-kunflitti, id-diskussjonijiet fil-Knisja huma ta’ min iħeġġiġhom u, nissogra ngħid, saħanisitra meħtieġa.  Sinjal li l-Knisja hi ħajja u l-Ispirtu għadu jaħdem u se jkompli jżommha ħajja.  Ħażin għal dawk il-komunitajiet fejn m’hemmx iva jew le!  Huma bħal dawk il-miżżewġin li m’għadhomx jiddiskutu iżjed għax tilfu l-interess f’xulxin, tilfu l-imħabba.

 

Fit-tieni post, il-Mulej jitlob li aħna nimtlew bl-istess “ferħ sħiħ” li għandu Hu (ara Ġw 17:13).  Il-ferħ ta’ l-Insara, u speċjalment ta’ l-ikkonsagrati hu sinjal ċar ħafna tal-preżenza ta’ Kristu fil-ħajja tagħhom.  Meta naraw uċuħ imdejqa, dan hu sinjal allarmanti, ta’ xi ħaġa li m’hix sejra tajjeb.  U Ġesù jitlob dan lill-Missier xejn inqas milli qabel ma jinġabar fil-Ġnien taż-Żebbuġ, meta jrid iġedded il-“fiat” tiegħu.  M’għandix dubju li lkoll kemm intom ikollkom iġġorru t-toqol ta’ mhux ftit sagrifiċċji u li għal xi wħud minnkom, minn għaxriet ta’ snin ilu, is-sagrifiċċji kienu iebsin.  Ġesù jitlob, anki Hu bis-sagrifiċċju tiegħu quddiemu, biex aħna ma nitilfux il-ferħ ta’ l-għarfien li Hu se jirbaħ id-dinja.  Din hi ċ-ċertezza li tmexxina jum wara jum biex naffermaw mill-ġdid il-fidi tagħna.  “Hu – bit-talba tiegħu, fuq wiċċ il-Poplu tagħna – jippermettilna li ngħollu rasna ’l fuq u nibdew mill-ġdid, bi ħlewwa li ma tqarraq qatt bina u li dejjem tista’ tagħtina mill-ġdid il-ferħ” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 3).

 

Kemm hi importanti, x’xhieda prezzjuża għall-ħajja tal-poplu Kuban hi dik li nxerrdu dejjem u kullimkien dan il-ferħ, minkejja l-għeja, ix-xettiċiżmi, xi drabi anki d-disperazzjoni, li hi tentazzjoni perikuluża ħafna li tipparalizza lir-ruħ!

 

Ħuti, Ġesù jitlob biex aħna nkunu ħaġa waħda u l-ferħ tiegħu jibqa’ fina.  Ejjew nagħmlu l-istess ħaġa: ningħaqdu ma’ xulxin fit-talb.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard