Inrodd ħajr lill-Kardinal Jaime Ortega y Alamino, Arċisqof ta’ Havana, għall-kliem fratern, u lil ħuti l-Isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u fidili lajċi.  Insellem ukoll lis-Sur President u lill-awtoritajiet kollha preżenti. 

Fl-Evanġelju smajna kif id-dixxipli beżgħu jagħmlu mistoqsijiet lil Ġesù meta tkellem dwar il-passjoni u l-mewt tiegħu.  Kienu mbeżżgħin u ma setgħux jifhmu kif Ġesù kien se jkollu jbati fuq is-salib.  Aħna wkoll ikollna t-tentazzjoni li naħarbu mis-slaleb tagħna, li niskartaw lil min qed ibati.  Fi tmiem il-quddiesa li fiha Ġesù reġa’ ngħata lilna mill-ġdid bil-ġisem u d-demm tiegħu, indawru issa ħarsitna lejn il-Verġni, Ommna.  U nitobuha tgħallimna nibqgħu qrib is-salib ta’ ħuna li qed ibati.  Li nitgħallmu naraw lil Ġesù f’kull bniedem bla saħħa fit-triq tal-ħajja; f’kull ħuna mġewwaħ jew bil-għatx, li hu mneżża’ jew marid.  Flimkien mal-Omm taħt is-Salib, nistgħu nifhmu min verament “hu l-akbar” u xi jfisser li nkunu magħqudin mal-Mulej u nieħdu sehem mill-glorja tiegħu.

Nitgħallmu minn Marija li jkollna qalbna lesta u attenta għall-ħtiġijiet tal-oħrajn.  Kif għallmitna waqt it-Tieġ ta’ Kana, inkunu żelanti fid-dettalji kollha tal-ħajja u ma nieqfux nitolbu għal xulxin biex lil ħadd ma jonqsu l-inbid tal-imħabba ġdida, tal-ferħ li joffrilna Ġesù.

F’dal-ħin inħossni fid-dmir li ndawwar ħsiebi lejn l-art għażiża tal-Kolombja, «bl-għarfien tal-importanza kruċjali tal-mument ta’ bħalissa, li fih, bi sforz imġedded u mqanqlin mit-tama, uliedha qed jippruvaw jibnu soċjetà paċifika».  Jalla d-demm ta’ ħafna innoċenti, li nxtered tul għexieren ta’ snin ta’ kunflitt bl-armi, magħqud ma dak ta’ Ġesù Kristu fuq is-Salib, isostni l-isforzi li qed jagħmlu anki f’din il-gżira sabiħa, biex ikun hemm rikonċiljazzjoni darba għal dejjem.  B’hekk il-lejl twil ta’ dlam u vjolenza, flimkien mar-rieda tal-Kolombjani, ikun jista’ jinbidel f’jum bla għabex ta’ ftehim, ġustizzja, fraternità u mħabba bir-rispett lejn l-istituzzjonijiet u d-dritt nazzjonali u internazzjonali ħalli l-paċi tkun dejjiema.  Jekk jogħġobkom ma nistgħux nippermettu li jkun hemm falliment ieħor f’dil-mixja lejn il-paċi u r-rkonċiljazzjoni.  Grazzi lilek, Sur President, għal dak kollu li qed tagħmel f’dil-ħidma ta’ rikonċiljazzjoni.

Issa nitlobkom tingħaqdu fit-talba lil Marija, biex inqiegħdu l-preokkupazzjonijiet u l-aspirazzjonijiet kollha tagħna f’riġlejn il-Qalb ta’ Kristu.  U b’mod partikolari nitolbuha għal dawk li tilfu t-tama u li ma jsibux raġuni biex ikomplu jissieltu; għal dawk kollha li jsofru l-inġustizzji, l-abbandun u s-solitudni; nitolbu għall-anzjani, għall-morda, għat-tfal u ż-żgħażagħ, għall-familji kollha f’diffikultà, biex Marija tixxotta d-dmugħ tagħhom, tfarraġhom bl-imħabba tagħha ta’ Omm, terġa’ tkebbes fihom it-tama u l-ferħ.  Omma qaddisa, nafda f’idejk lil dawn uliedek kollha ta’ Kuba: tabbandunahom qatt!

Wara l-Barka tal-Aħħar:

U, jekk jogħġobkom, nitlobkom biex ma tinsewx titolbu għalija. Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber