Għeżież ħbieb tiegħi żgħażagħ,

 

“Kemm hu sew li aħna hawn!” (Mt 17:4).  Dawn il-kelmiet lissinhom San Pietru fuq il-Muntanja Tabor kif kien wieqaf fil-preżenza ta’ Ġesù ttrasfigurat fil-glorja.  Tassew, kemm hu sew li aħna hawn, flimkien, f’dan is-santwarju tal-Martri Koreani, li fihom dehret il-glorja tal-Mulej meta kienet għadha qed tbexbex il-ħajja tal-Knisja f’dan il-pajjiż.  F’din il-ġemgħa kbira, li tiġbor flimkien Insara żgħażagħ mill-Asja kollha, nistgħu kważi nħossu l-glorja ta’ Ġesù preżenti fostna, preżenti fil-Knisja tiegħu li tħaddan kull nazzjon, ilsien u poplu, preżenti fil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu li jġedded kollox, u lil kollox jagħti żgħożija u ħajja ġdida!

 

Nirringrazzjakom għall-merħba sabiħa li tajtuni!  Tassew sabiħa, tassew sabiħa!  U ngħid grazzi wkoll għad-don tal-ħeġġa tagħkom, il-kant ferrieħi tagħkom, ix-xhieda tal-fidi tagħkom, u l-espressjonijiet sbieħ tagħkom tal-varjetà u l-għana tal-kulturi differenti tagħkom.  B’mod speċjali, nirringrazzja lil Mai, Giovanni u Marina, it-tliet żgħażagħ li qasmu miegħi t-tamiet, il-problemi u t-tħassib tagħkom; smajthom b’attenzjoni, u sa nżommhom fi ħsiebi.  Nirringrazzja lill-Isqof Lazzaro You Heung-sik għall-introduzzjoni tiegħu u minn qalbi nsellmilkom ilkoll.

 

Il-lum nixtieq nirrifletti magħkom fuq parti mit-tema ta’ din is-Sitt Laqgħa taż-Żgħażagħ Asjatiċi: “Il-Glorja tal-Martri Tiddi Fikom”.  Hekk kif il-Mulej għamel li l-glorja tiegħu tiddi qawwija fix-xhieda erojka tal-martri, hekk ukoll jixtieq li l-glorja tiegħu tiddi f’ħajjitkom, u fikom, biex iddawwal il-ħajja ta’ dan il-kontinent vast.  Il-lum Kristu qed iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbkom, ta’ qalbi.  Isejjaħ lilkom u lili biex inqumu, biex niftħu għajnejna beraħ u nkunu lesti, u biex fil-ħajja naraw dawk il-ħwejjeġ li tassew jiswew.  Iktar minn hekk, hu qed jitlob minnkom u minni biex noħorġu fit-toroq kbar u żgħar ta’ din id-dinja, inħabbtu fuq il-bibien tal-qlub ta’ persuni oħra, u nistednuhom jilqgħuh f’ħajjithom.

 

Din il-laqgħa kbira taż-żgħażagħ Asjatiċi tagħtina wkoll idea żgħira ta’ dak li Alla, fil-pjan etern tiegħu, irid li tkun l-istess Knisja.  Flimkien maż-żgħażagħ ta’ kullimkien, intom tridu tgħinu biex tinbena dinja fejn ilkoll ngħixu flimkien fil-paċi u l-ħbiberija, nirbħu l-barrieri li jifirduna, infejqu l-firdiet, inbarru l-vjolenza u l-preġudizzju.  U dan hu eżattament dak li Alla jrid għalina.  Il-Knisja għandha tkun żerriegħa ta’ għaqda għall-familja kollha tal-bnedmin.  Fi Kristu, in-nazzjonijiet u l-ġnus kollha huma msejħa għal għaqda li ma teqridx id-diversità imma tagħrafha, tirrikonċiljaha u tagħniha iżjed.

 

Kemm jidher imbiegħed l-ispirtu tad-dinja minn dik il-viżjoni u dak il-pjan hekk sabiħ!  Kemm spiss iż-żerriegħa tat-tjieba u t-tama li aħna nippruvaw niżirgħu tidher maħnuqa mill-ħaxix ħażin ta’ l-egoiżmu, l-ostilità u l-inġustizzja, mhux biss kullimkien madwarna, imma wkoll fi qlubna stess.  Tinkwetana d-distanza dejjem tikber fis-soċjetajiet tagħna bejn l-għonja u l-foqra.  Nilmħu sinjali ta’ idolatrija tal-ġid, il-poter u l-pjaċir li jinkisbu bi prezz għoli għall-ħajjiet umani.  Eqreb lejn darna, ħafna minn ħbiebna u n-nies ta’ żmienna, anki qalb tant ġid materjali, qed ibatu mill-faqar spiritwali, is-solitudni u d-disprament fis-skiet.  Donnu Alla tneħħa mill-istampa.  Bħal donnu fid-dinja tagħna beda jixtered deżert spiritwali.  Jaffettwa wkoll liż-żgħażagħ, jisirqilhom it-tama u anki, ħafna drabi, il-ħajja nfisha.

 

Imma din hi d-dinja li fiha intom imsejħin toħorġu u tagħtu xhieda tal-Vanġelu tat-tama, il-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu, u l-wegħda tas-Saltna tiegħu – din hi t-tama tiegħek, Marina.  Sa nitkellem…  Fil-parabboli, Ġesù jgħidilna li s-Saltna tiġi fid-dinja mingħajr ħafna daqq tat-trombi, tikber fis-skiet imma tikber żgur kull fejn hi milqugħa mill-qlub miftuħa għall-messaġġ tagħha ta’ tama u salvazzjoni.  Il-Vanġelu jgħallimna li l-Ispirtu ta’ Ġesù jista’ jġib ħajja ġdida f’kull qalb umana u jista’ jibdel kull sitwazzjoni, anki dik li l-iktar tidher bla tama.  Ġesù kapaċi jibdel, jibdel kull sitwazzjoni!  Dan hu l-messaġġ li intom imsejħin taqsmu maż-żgħażagħ ta’ mparkom: fl-iskola, fuq ix-xogħol, fil-familji tagħkom, fl-universitajiet u l-komunitajiet tagħkom.  La Ġesù qam mill-imwiet, aħna nafu li hu għandu “il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68), li l-kelma tiegħu għandha l-qawwa tmiss kull qalb, tegħleb il-ħażin bit-tajjeb, u tibdel u tifdi lid-dinja.

 

Għeżież żgħażagħ ħbieb tiegħi, f’din il-ġenerazzjoni l-Mulej qed jorbot fuqkom!  Qed jorbot fuqkom!  Hu daħal fil-qlub tagħkom dak in-nhar tal-Magħmudija tagħkom; takom l-Ispirtu tiegħu nhar il-Konfirmazzjoni tagħkom; u jqawwikom il-ħin kollu bil-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija, biex tistgħu tkunu x-xhieda tiegħu quddiem id-dinja.  Lesti twieġbu “iva”?  [Iva!]

 

Grazzi!  Għejejtu?  [Le!]  Żgur?  [Iva!]  Maħbubin tiegħi, kif qaluli l-bieraħ: “Ma tistax tkellem liż-żgħażagħ bil-karta; trid tkellem, tindirizza liż-żgħażagħ spontanjament mill-qalb”.  Imma jien għandi diffikultà kbira: l-Ingliż tiegħi hu fqir.  [Le!]  Iva, iva!  Imma jekk tridu, nista’ ngħid ħwejjeġ oħra b’mod spontanju…  [Iva!]  Għejejtu?  [Le!]  Allura nista’ nkompli?  [Iva!]  Imma se nkompli bit-Taljan. [idur fuq l-interpretu]  Tittraduċi ftit int?  Grazzi!  Kompli!

 

Laqatni ħafna dak li qalet Marina: il-kunflitt tagħha f’ħajjitha.  Kif tagħmel?  Jekk timxix fit-triq tal-ħajja kkonsagrata, il-ħajja reliġjuża, jew tkomplix tistudja biex tkun aktar imħejjija biex tgħin lill-oħrajn.  Dan minn barra hu kunflitt, għax meta l-Mulej isejjaħ, isejħilna dejjem biex nagħmlu l-ġid lill-oħrajn, kemm jekk fil-ħajja reliġjuża, il-ħajja kkonsagrata, u kemm jekk fil-ħajja lajkali, bħala missier u omm ta’ familja.  Imma l-għan hu dejjem wieħed: li nqimu lil Alla u nagħmlu l-ġid lill-oħrajn.  X’għandha tagħmel Marina, u ħafna minnkom li qed jagħmlu l-istess mistoqsija?  Anki jien għamiltha fi żmieni: liema triq għandi nagħżel?  Imma int m’għandek tagħżel l-ebda triq: il-Mulej irid jagħżilhielek!  Ġesù għażilha, int trid tisma’ lilU u tistaqsih: Mulej, x’għandi nagħmel?  Din hi t-talba li għandu jagħmel kull żagħżugħ: “Mulej, int xi trid minni?”.  U bit-talb u l-parir ta’ xi ħbieb veri – lajċi, saċerdoti, sorijiet, isqfijiet, papiet… anki l-Papa jista’ jagħti xi parir tajjeb – bil-parir ta’ dawn, jirnexxili nsib it-triq li l-Mulej irid minni.

 

Ejjew nitolbu flimkien!

 

[idur fuq is-saċerdot li qed jittraduċi] Int għidilhom jirripetu bil-Korean: Mulej, int xi trid minni f’ħajti?  Tliet darbiet.

 

Nitolbu!  Nitolbu!

 

Jiena ċert li l-Mulej sa jismagħkom.  Anki lilek, Marina, żgur.  Grazzi tax-xhieda tiegħek.  Skużani!  Fxilt l-isem: il-mistoqsija saret minn Mai, u mhux minn Marina.

 

Mai semmiet ħaġa oħra: il-martri, il-qaddisin, ix-xhieda.  U qaltilna, bi ftit uġigħ ta’ qalb, xi ftit nostalġija, li fl-art tagħha, il-Cambogia, għad m’hemmx Qaddisin, imma nittamaw…  Qaddisin hemm, u ħafna wkoll!  Imma l-Knisja s’issa għadha ma għarfet, ma bbeatifikat, ma kkanonizzat lil ħadd.  U jien nirringrazzjak ħafna, Mai, ta’ dan.  Inwiegħdek li, meta mmur lura d-dar, ħa nieħu ħsieb inkellem lil min hu inkarigat minn dawn il-ħwejjeġ, li hu raġel tajjeb, jismu Angelo, u sa nistaqsih ftit fuq dan, biex imexxi l-biċċa ’l quddiem.  Grazzi, grazzi ħafna!

 

Sar il-ħin biex nagħlqu.  Għajjenin?  [Le!]  Nagħmel ftit ieħor? [Iva!]

 

Niġu issa għal Marina.  Marina għamlet żewġ mistoqsijiet… mhux żewġ mistoqsijiet, għamlet żewġ riflessjonijiet u mistoqsija fuq il-ferħ.  Hi qalet ħaġa li hi minnha: il-ferħ ma tixtrihx.  U meta int tixtri xi ferħ, imbagħad tintebaħ li dak il-ferħ tar mar-riħ…  Ma jtulx il-ferħ li jinxtara.  Il-ferħ ta’ l-imħabba biss, dak hu li jibqa’!

 

U t-triq ta’ l-imħabba hi sempliċi: ħobb lil Alla u ħobb lill-proxxmu, lil ħuk, dak li qiegħed qrib tiegħek, dak li għandu bżonn ta’ l-imħabba u għandu bżonn ta’ tant ħwejjeġ.  “Imma, Dun, jien kif inkun naf li qed inħobb lil Alla?”.  Sempliċement jekk int tħobb lill-proxxmu, jekk ma tobgħodx, jekk int m’għandekx mibegħda f’qalbek, int tkun tħobb lil Alla.  Dik hi l-prova żgura.

 

U mbagħad Marina għamlet mistoqsija – jien nifhem – mistoqsija iebsa, u nirringrazzjaha li għamlitha: il-firda bejn l-aħwa tal-Korej.  Imma hemm żewġ Korej?  Le, hemm waħda, imma hi maqsuma, il-familja hi maqsuma.  U hemm dan l-uġigħ ta’ qalb…  Kif nistgħu ngħinu biex din il-familja tingħaqad?  Żewġ affarijiet se ngħid jien: l-ewwel parir, u mbagħad tama.

 

Qabel xejn, il-parir: nitolbu, nitolbu għal ħutna tat-Tramuntana: “Mulej, aħna familja, għinna, għinna naslu għall-għaqda, Int tista’ tagħmlu dan.  Jalla ma jkollna qatt la rebbieħa u lanqas mirbuħa, imma biss familja, jalla jkollna biss aħwa”.  Issa nistedinkom biex nitolbu flimkien – wara t-traduzzjoni – fis-skiet, għall-għaqda bejn iż-żewġ Korej.

 

Fis-skiet nagħmlu talba.  [skiet]

 

U issa, it-tama.  Liema hi din it-tama?  Hemm ħafna tamiet, imma hemm waħda sabiħa.  Il-Korea hi waħda, hi familja waħda: intom titkellmu bl-istess ilsien, l-ilsien ta’ familja; intom aħwa li titkellmu l-istess ilsien.  Meta [fil-Bibbja] ħut Ġużeppi marru l-Eġittu biex jixtru x’jieklu – għax kellhom il-ġuħ, kellhom il-flus, imma ma kellhomx biex jieklu – marru hemm biex jixtru l-ikel, u sabu lil ħuhom!  Għaliex?  Għax Ġużeppi kien intebaħ li kienu qed jitkellmu bl-istess ilsien.  Aħsbu ftit f’ħutkom tat-Tramuntana: huma jitkellmu bl-istess ilsien u meta f’familja jitkellmu bl-istess ilsien, hemm anki tama umana.

 

Ftit ilu rajna ħaġa sabiħa, dak l-iskeċċ ta’ l-iben il-ħali, dak l-iben li kien telaq, berbaq il-flus, kollox, kien ċaħad lil missieru, il-familja, kien ċaħad kollox.  F’ċertu punt, minħabba fil-bżonn, imma b’ħafna mistħija, għamel f’moħħu li jerġa’ lura.  U kien ħaseb x’għandu jgħid biex jitlob maħfra lil missieru.  U qal bejnu u bejn ruħu: “Missier, dnibt, għamilt dan il-ħażen, imma issa rrid inkun qaddej, mhux ibnek” u tant kliem ieħor sabiħ.  Imma jgħidilna l-Vanġelu li l-missier lemħu ġej meta kien għadu fil-bogħod.  U kif lemħu?  Għax kuljum kien jitla’ fuq is-setaħ biex jara ibnu kienx ġej lura.  U għannqu miegħu: ma tahx ċans jitkellem; ma ħalliehx jagħmel dak id-diskors u lanqas jitolbu maħfra, imbagħad ħallieh iktar tard… u għamillu festa.  Għamlu festa!  U din hi l-festa li togħġob lil Alla: meta aħna nerġgħu lura d-dar, nerġgħu lura għandU.  “Imma Dun, jiena midneb, jien midinba…”.  Tant l-aħjar, qed jistenniek!  Il-festa jagħmilha ikbar!  Għax l-istess Ġesù jgħidilna li fis-Sema ssir festa ikbar għal midneb wieħed li jerġa’ lura milli għal mitt bniedem tajjeb li jibqgħu d-dar.

 

Ħadd minna ma jaf x’hemm jistenniena fil-ħajja.  U intom iż-żgħażagħ: “X’hemm jistennieni?”.  Nistgħu nagħmlu ħwejjeġ koroh, koroh ħafna, imma ħudu paċenzja tiddisprawx, għax il-Missier dejjem qiegħed hemm jistenniena!  Nerġgħu lura, nerġgħu lura!  Din hi l-kelma.  Nerġa’ lura!  Nerġa’ lura d-dar, għax hemm il-Missier jistennieni.  U jekk jien midneb kbir, sa jagħmel festa ikbar bija.  U intom is-saċerdoti, nitlobkom, għannqu magħkom lill-midinba u uru ħniena magħhom.  Kemm hi ħaġa sabiħa li nħossu dan!  Dan lili jferraħni wisq, għax Alla qatt ma jegħja jaħfer; qat ma jegħja jistenniena.

 

Kont niżżilt tliet suġġerimenti, imma tkellimt dwar dan: talb, Ewkaristija u servizz lill-oħrajn, lill-foqra.

 

Issa sar il-ħin biex immur.  [Le!]  Nistenna bil-ħerqa li narakom f’dawn il-jiem u nkellimkom mill-ġdid meta niltaqgħu għall-Quddiesa l-Ħadd.  Għalissa, ejjew flimkien nirringrazzjaw lill-Mulej għall-barkiet ta’ issa, u nitolbuh il-qawwa li nkunu xhieda fidili u hienja ta’ mħabbtu fl-Asja u fid-dinja kollha.

 

Jalla Marija, l-Omm tagħna, tħariskom u żżommkom dejjem eqreb lejn Binha Ġesù.  U minn fejn jinsab fis-Sema, jalla San Ġwanni Pawlu II, li beda l-Jiem Dinjija taż-Żgħażagħ, ikun dejjem il-gwida tagħkom.  Bi mħabba kbira nagħtikom il-barka tiegħi.

 

U jekk jogħġobkom, itolbu għalija, tinsewx: itolbu għalija!  Grazzi ħafna!

 

 

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard