VJAĠĠ APPOSTOLIKU

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIR-REPUBBLIKA TAL-KOREA

FL-OKKAŻJONI TAS-VI JUM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ ASJATIĊI

(13-18 TA’ AWWISSU 2014)

 

QUDDIESA TAL-BEATIFIKAZZJONI TA’

PAUL YUN JI-CHUNG U 123 SĦABU MARTRI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bieb ta’ Gwanghwamun (Seoul) - Is-Sibt 16 ta’ Awwissu 2014

 

“Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?” (Rum 8:35).  B’dawn il-kelmiet San Pawl ikellimna fuq il-glorja tal-fidi tagħna f’Ġesù: Kristu mhix biss qam mill-imwiet u tela’ s-Sema, imma seħibna miegħu, u tana sehem fil-ħajja eterna tiegħu.  Kristu hu rebbieħ u r-rebħa tiegħu hi tagħna wkoll!

 

Il-lum qed niċċelebraw din ir-rebħa kif dehret f’Paul Yun Ji-chung u fil-123 sħabu.  Ismijiethom qed jiżdiedu ma’ dawk tal-Qaddisin Martri Andrija Kim Taegon, Pawlu Chong Hasang u sħabhom, li ftit ilu għadni kemm tajthom omaġġ.  Kollha għexu u mietu għal Kristu u issa jsaltnu miegħU fl-hena u l-glorja.  Ma’ San Pawl qed jgħidulna li, fil-mewt u l-qawmien ta’ Ibnu, Alla tana l-akbar fost ir-rebħiet kollha.  Fil-fatt, “la l-mewt u la l-ħajja, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna” (Rum 8:38-39).

 

Ir-rebħa tal-martri, ix-xhieda li taw tal-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Alla, tissokta ġġib il-frott anki l-lum fil-Korea, fil-Knisja li tistagħna tant minħabba fis-sagrifiċċju tagħhom.  Iċ-ċelebrazzjoni tal-Beatu Pawlu u sħabu tagħtina l-opportunità li nerġgħu lura għall-ewwel mumenti, għat-tbexbix tal-Knisja fil-Korea.  Tistieden lilkom, Kattoliċi Koreani, biex tiftakru fil-ħwejjeġ kbar li Alla wettaq f’din l-art u biex tħarsu bħala teżor il-wirt tal-fidi u l-imħabba li fdawlkom f’idejkom missirijietkom.

 

Fil-providenza misterjuża ta’ Alla, il-fidi Nisranija ma waslitx fuq xtut il-Korea permezz ta’ missjunarji; daħlet permezz tal-qlub u l-imħuħ ta’ nies mill-Korea stess.  Tqanqlet fihom mill-kurżità intellettwali, mit-tiftix tal-verità reliġjuża.  Permezz ta’ l-ewwel laqgħa mal-Vanġelu, l-ewwel Insara Koreani fetħu l-menti tagħhom għal Ġesù.  Riedu jsiru jafu iktar dwar dan Kristu li bata, miet u qam mill-mewt.  L-għarfien imqar ċkejken dwar Ġesù malajr wassal għal laqgħa mal-Mulej innifsu, għall-ewwel imgħammda, għax-xewqa ta’ ħajja sagramentali u ekkleżjali sħiħa, u għall-bidu ta’ impenn missjunarju.  Barra minn hekk, ġab il-frott tiegħu f’komunitajiet imnebbħa mill-Knisja tal-bidu, fejn dawk li jemmnu kienu tabilħaqq qalb u ruħ waħda, mingħajr ma kienu jagħtu kas tad-differenzi soċjali tradizzjonali li kienu jeżistu bejniethom, u kieu jaqsmu kollox ma’ xulxin (ara Atti 4:32).

 

Din l-istorja tgħidilna ħafna dwar l-importanza, id-dinjità u l-ġmiel tal-vokazzjoni tal-lajċi!  Irrid insellem lil tant fidili lajċi hawn preżenti, b’mod partikulari l-familji Nsara li ta’ kuljum permezz ta’ l-eżempju tagħhom jedukaw liż-żgħażagħ għall-fidi u għall-imħabba rikonċiljattiva ta’ Kristu.  B’mod speċjali nsellem lill-ħafna saċerdoti hawn preżenti; permezz tal-ministeru ġeneruż tagħhom qed jgħaddu l-wirt għani tal-fidi kkultivat mill-ġenerazzjonijiet imgħoddija ta’ Kattoliċi Koreani.

 

Il-Vanġelu tal-lum fih messaġġ importanti għalina lkoll.  Ġesù jitlob lill-Missier jikkonsagrana fil-verità u jħarisna mid-dinja.  Qabel xejn, hu sinifikanti li, waqt li Ġesù jitlob lill-Missier jikkonsagrana u jħarisna, hu ma jitolbux joħroġna barra mid-dinja.  Nafu li hu jibgħat lid-dixxipli tiegħu biex ikunu ħmira ta’ qdusija u ta’ verità fid-dinja: il-melħ ta’ l-art, id-dawl tad-dinja.  F’dan, il-martri juruna t-triq.

 

Xi żmien wara li l-ewwel żerriegħa tal-fidi nżergħet f’din l-art, il-martri u l-komunità Nisranija kellhom jagħżlu bejn li jimxu wara Ġesù u d-dinja.  Kienu semgħu t-twissija tal-Mulej, jiġifieri li d-dinja kienet sa tobgħodhom minħabba f’ismu (Ġw 17:14); kienu jafu x’kien il-prezz li jkunu dixxipli.  Għal ħafna dan fisser il-persekuzzjoni u, iżjed tard, il-ħarba lejn il-muntanji, fejn sawru rħula Kattoliċi.  Kienu lesti jidħlu għal sagrifiċċji kbar u jitneżżgħu minn dak kollu li seta’ jbegħidhom minn Kristu: il-ġid u l-art, il-prestiġju u l-ġieħ, għax kienu jafu li Kristu biss kien it-teżor veru tagħhom.

 

Il-lum spiss naraw kif il-fidi tagħna hi ppruvata mid-dinja, u b’ħafna modi niġu mitluba naqgħu għal kompromessi dwar il-fidi, innaqqsu mill-valur ta’ l-esiġenzi radikali tal-Vanġelu u nikkonformaw ruħna ma’ l-ispirtu ta’ żmienna.  Madankollu, il-martri jsejħulna mill-ġdid biex inqiegħdu lil Kristu fuq kollox u naraw dak kollu li jibqa’ f’din id-dinja fil-perspettiva ta’ din ir-relazzjoni miegħU u mas-Saltna dejjiema tiegħu.  Huma jipprovokawna biex nistaqsu lilna nfusna jekk hemmx xi ħaġa li għaliha lesti mmutu.

 

Barra dan, l-eżempju tal-martri jgħallimna l-importanza tal-karità fil-ħajja tal-fidi.  Kienet is-safa tax-xhieda tagħhom għal Kristu, li dehret fil-mod kif aċċettaw id-dinjità ugwali ta’ l-imgħammdin kollha, li wasslithom għal forma ta’ ħajja fraterna li waslet biex tisfida l-istrutturi riġidi soċjali ta’ żmienhom.  Kien ir-rifjut tagħhom li jifirdu l-kmandament doppju ta’ l-imħabba ta’ Alla u ta’ l-imħabba tal-proxxmu, li wassalhom biex ifittxu b’tant attenzjoni l-ħtiġijiet ta’ ħuthom.  L-eżempju tagħhom għandu ħafna x’jgħidilna, lilna li qed ngħixu f’soċjetà fejn, maġenb għana kbir, qed jikber fis-skiet l-aktar faqar miżerabbli; fejn rarament tinstema’ l-karba tal-foqra; u fejn Kristu jissokta jsejjaħ, isejħilna nħobbuh u naqduh billi naqbdu f’idejn ħutna fil-bżonn.

 

Jekk nimxu fuq l-eżempju tal-martri u nemmnu fil-kelma tal-Mulej, allura nifhmu l-libertà għolja u l-ferħ li bih huma marru jiltaqgħu mal-mewt.  Barra minn hekk, naraw li ċ-ċelebrazzjoni tal-lum tħaddan l-għadd bla qies ta’ martri bla isem, f’dan il-pajjiż u fil-bqija tad-dinja, li, speċjalment fl-aħħar seklu, offrew ħajjithom għal Kristu u batew persekuzzjonijiet qliel minħabba f’ismu.

 

Il-lum hu jum ta’ ferħ kbir għall-Koreani kollha.  Il-wirt tal-Beatu Pawlu Yun Ji-chung u ta’ Sħabu – ir-rettitudni tagħhom fit-tiftix tal-verità, il-fedeltà tagħhom lejn l-ogħla prinċipji tar-reliġjon li għażlu li jħaddnu, u mhux b’inqas ix-xhieda tagħhom ta’ karità u ta’ solidarjetà ma’ kulħadd – dan kollu jagħmel parti mill-istorja għanja tal-poplu Korean.  Il-wirt tal-martri jista’ jnebbaħ lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex jaħdmu f’armonija għal soċjetà iktar ġusta, ħielsa u rikonċiljata, u hekk jagħtu sehemhom b’riżq il-paċi u għall-ħarsien tal-valuri awtentikament umani f’dan il-pajjiż u fid-dinja kollha.

 

Jalla t-talb tal-martri Koreani kollha, f’għaqda ma’ dak tal-Madonna, Omm il-Knisja, jaqlgħalna l-grazzja li nipperseveraw fil-fidi u f’kull opra tajba, fil-qdusija u fis-safa tal-qalb, u fiż-żelu appostoliku li nagħtu xhieda ta’ Ġesù f’dan in-Nazzjon maħbub, fl-Asja kollha u sa truf l-art.  Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard