VJAĠĠ APPOSTOLIKU

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIR-REPUBBLIKA TAL-KOREA

FL-OKKAŻJONI TAS-VI JUM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ ASJATIĊI

(13-18 TA’ AWWISSU 2014)

 

QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAT-TLUGĦ FIS-SEMA TA’ MARIJA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

World Cup Stadium (Daejeon)

Il-Ġimgħa 15 ta’ Awwissu 2014

 

F’għaqda mal-Knisja kollha, niċċelebraw il-lum it-Tlugħ tal-Madonna bir-ruħ u l-ġisem fil-glorja tas-Sema.  It-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija jurina x’inhu d-destin tagħna bħala wlied adottivi ta’ Alla u membri tal-Ġisem ta’ Kristu.  Bħal Ommna Marija, aħna msejħin nieħdu sehem sħiħ fir-rebħa tal-Mulej fuq id-dnub u fuq il-mewt u nsaltnu miegħU fis-Saltna dejjiema tiegħu.  Din hi s-sejħa tagħna.

 

Is-“sinjal kbir” li nsibu fl-Ewwel Qari jistedinna nikkontemplaw lil Marija, fuq it-tron tal-glorja maġenb l-Iben divin tagħha.  Jistedinna wkoll nagħrfu x’inhu l-futur li anki l-lum Kristu Rxoxt qed jiftaħ quddiemna.  Il-Koreani tradizzjonalment jiċċelebraw din il-festa fid-dawl ta’ l-esperjenza storika tagħhom, fejn jilmħu l-interċessjoni maħbuba ta’ Marija li ħadmet matul l-istorja tal-pajjiż u l-ħajja tal-poplu.

 

Fit-Tieni Qari smajna lil San Pawl jafferma li Kristu hu Adam il-ġdid, li l-ubbidjenza tiegħu għar-rieda tal-Missier ġarrfet is-saltna tad-dnub u tal-jasar u fetħet is-saltna tal-ħajja u tal-ħelsien (ara 1 Kor 15:24-25).  Il-veru ħelsien niksbuh meta nilqgħu bl-imħabba r-rieda tal-Missier.  Minn Marija, mimlija bil-grazzja, nitgħallmu li l-libertà Nisranija hi xi ħaġa aktar mis-sempliċi ħelsien mid-dnub.  Hi l-libertà li tiftaħ il-bieb għal mod spiritwali ġdid ta’ kif inħarsu lejn ir-realtajiet ta’ din l-art, il-libertà li biha nistgħu nħobbu lil Alla u lil ħutna b’qalb safja u ngħixu fit-tama hienja tal-miġja tas-Saltna ta’ Kristu.

 

Il-lum, aħna u nqimu lil Marija, Sultana tas-Sema, induru lejHa bħala Omm tal-Knisja fil-Korea.  Nitolbuha tgħinna nibqgħu fidili lejn il-libertà regali li rċivejna nhar il-Magħmudija tagħna, biex nistgħu nindirizzaw l-isforzi tagħna ħalli nibdlu lid-dinja skond il-pjan ta’ Alla, u biex il-Knisja f’dan il-pajjiż ikollha l-ħila ssir b’mod dejjem iżjed sħiħ il-ħmira tas-Saltna tiegħu fil-ġewwieni tas-soċjetà Koreana.  Jalla l-Insara ta’ dan il-pajjiż ikunu forza ġeneruża ta’ tiġdid spiritwali f’kull qasam tas-soċjetà.  Jeħduha kontra l-faxxinu ta’ materjaliżmu li jifga lill-valuri spiritwali u kulturali awtentiċi u l-ispirtu ta’ kompetizzjoni sfrenata li jwassal għall-egoiżmu u l-kunflitti.  Ibiegħdu minnhom ukoll il-mudelli ekonomiċi diżumani li joħolqu forom ġodda ta’ faqar u jemarġinaw lill-ħaddiema, u l-kultura tal-mewt li tiżvaluta l-immaġni ta’ Alla, Alla tal-ħajja, u tfieri d-dinjità ta’ kull raġel, mara u tarbija.

 

Bħala Kattoliċi Koreani, werrieta ta’ tradizzjoni nobbli, intom imsejħa tivvalorizzaw dan il-wirt u tgħadduh lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.  Dan jitlob minn kull persuna l-ħtieġa ta’ konverżjoni mġedda lejn il-Kelma ta’ Alla u għożża qawwija għall-foqra, dawk fil-bżonn u d-dgħajfa li jgħixu f’nofsna.

 

Aħna u niċċelebraw din il-festa, ningħaqdu mal-Knisja mxerrda mad-dinja kollha u nħarsu lejn Marija bħala Omm tat-tama tagħna.  L-għanja tagħha ta’ tifħir tfakkarna li Alla qatt ma jinsa l-wegħdiet li għamel fil-ħniena tiegħu (ara Lq 1:54-55).  Marija hi hienja għax “emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1:45).  Fiha dehret il-verità tal-wegħdiet kollha divini.  Minn fuq it-tron tal-glorja, turina li t-tama tagħna hi reali; u sa issa din it-tama tidher bħal ankra tar-ruħ, sħiħa u qawwija” (Lhud 6:19) hemm fejn Kristu qiegħed fil-glorja.

 

Din it-tama, għeżież ħuti, it-tama li joffrilna l-Vanġelu, hi d-duwa kontra l-ispirtu ta’ qtigħ il-qalb li donnu qed jikber qisu kankru f’qalb is-soċjetà li minn barra tidher għanja, imma spiss fil-ġewwieni tagħha qed idduq l-imrar u l-vojt.  Kemm miż-żgħażagħ tagħna ħallsu qares minħabba dan il-qtigħ il-qalb!  Jalla ż-żgħażagħ li jinsabu magħna f’dawn il-jiem bil-ferħ u l-fiduċja tagħhom, ma jiġu qatt misruqa mit-tama tagħhom!

 

Induru lejn Marija, Omm Alla, u nitolbuha l-grazzja li nkunu hienja fil-libertà ta’ wlied Alla, li nużaw din il-libertà b’mod għaref biex nistgħu naqdu lil ħutna, u li ngħixu u naħdmu b’mod li nsiru sinjali ta’ tama, dik it-tama li ssib il-milja tagħha fis-Saltna ta’ dejjem, hemm fejn li ssaltan ifisser taqdi.  Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard