VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIR-REPUBBLIKA TAL-KOREA

FL-OKKAŻJONI TAS-VI JUM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ ASJATIĊI

(13-18 TA’ AWWISSU 2014)

 

 QUDDIESA GĦALL-PAĊI U R-RIKONĊILJAZZJONI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Katidral ta’ Myeong-dong (Seoul) - It-Tnejn 18 ta’ Awwissu 2014

 

Għeżież ħuti,

 

Iż-żjara tiegħi fil-Korea qed toqrob lejn tmiemha u ma nistax ma nirringrazzjax lil Alla għall-kotra ta’ barkiet li hu xerred fuq dan il-pajjiż maħbub u, b’mod partikulari, fuq il-Knisja fil-Korea.  Fost dawn il-barkiet ngħożż b’mod speċjali l-esperjenza, li għexna flimkien fl-aħħar jiem, tal-preżenza ta’ tant żgħażagħ pellegrini ġejjin minn kull naħa ta’ l-Asja.  Imħabbithom lejn Ġesù u l-ħeġġa tagħhom għat-tixrid tas-Saltna tiegħu kienu ta’ ispirazzjoni għal kulħadd.

 

Iż-żjara tiegħi issa tilħaq il-qofol tagħha f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, fejn qed nitolbu lil Alla l-grazzja tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni.  Din it-talba għandha riżonanza partikulari fil-peninsula Koreana.  Il-Quddiesa tal-lum hi fuq kollox u prinċipalment talba għar-rikonċiljazzjoni f’din il-familja Koreana.  Fil-Vanġelu, Ġesù jgħidilna kemm għandha qawwa t-talba tagħna meta tnejn jew tlieta jinġabru f’ismu biex jitolbu xi ħaġa (ara Mt 18:19-20).  Kemm iżjed allura meta poplu sħiħ jgħolli t-talba ħerqana tiegħu lejn is-Sema!

 

L-Ewwel Qari jippreżenta l-wegħda ta’ Alla li jerġa’ jwaqqaf fl-għaqda u l-ġid poplu li safa mxerred minħabba fl-istraġi u l-firda.  Għalina, kif kien għall-poplu ta’ Israel, din hi wegħda kollha tama: turi futur li sa issa Alla kien għadu qed iħejji għalina.  Imma din il-wegħda hi marbuta b’mod li ma jinħallx ma’ kmand: il-kmand li nerġgħu lura lejn Alla u nobdu l-liġi tiegħu b’qalbna kollha (ara Dewt 30:2-3).  Id-don divin tar-rikonċiljazzjoni, ta’ l-għaqda u tal-paċi hu marbut b’mod li ma jinħallx mal-grazzja tal-konverżjoni: hawn qed nitkellmu fuq bidla tal-qalb li tista’ tibdel il-mixja ta’ ħajjitna u ta’ l-istorja tagħna, kemm bħala individwi u kemm bħala poplu.

 

F’din il-Quddiesa, naturalment qed nisimgħu din il-wegħda fil-kuntest ta’ l-esperjenza storika tal-poplu Korean, esperjenza ta’ firda u ta’ kunflitt li ilha għaddejja għal iżjed minn sittin sena.  Imma l-istedina qawwija ta’ Alla għall-konverżjoni qed issejjaħ anki lid-dixxipli ta’ Kristu fil-Korea biex jeżaminaw il-kwalità tas-sehem li qed jagħtu fil-bini ta’ soċjetà ġusta u umana.  Issejjaħ lil kull wieħed u waħda minnkom biex jirrifletti fuq kemm, bħala individwi u bħala komunità, qed tagħtu xhieda ta’ impenn evanġeliku b’riżq il-foqra, l-emarġinati, dawk li huma bla xogħol u jitħallew barra mill-ġid ta’ ħafna.  Issejħilkom, bħala Nsara u bħala Koreani, biex b’qawwa kbira teħduha kontra mentalità msejsa fuq is-suspett, il-kuntrast u l-kompetizzjoni, u pjuttost tkunu favur kultura msawra fuq it-tagħlim tal-Vanġelu u fuq l-aktar valuri tradizzjonali nobbli tal-poplu Korean.

 

Fil-Vanġelu tal-lum, Pietru jistaqsi lill-Mulej: “Xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu?Sa seba’ darbiet?”.  Il-Mulej iwieġbu: “Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba” (Mt 18:21-22).  Dawn il-kelmiet imissu l-qalba tal-messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi li jrid iwasslilna Ġesù.  F’ubbidjenza għall-kmandament tiegħu, nitolbu ta’ kuljum lil Missierna tas-Sema biex jaħfrilna dnubietna, “kif aħna naħfru lil min hu ħati għalina”.  Jekk m’aħniex lesti li nagħmlu daqshekk ieħor aħna, kif nistgħu onestament nitolbu għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni?

 

Ġesù jitlobna nemmnu li l-maħfra hi l-bieb li jwassal għar-rikonċiljazzjoni.  Meta jikkmandana naħfru lil ħutna bla ebda riserva, Hu qed jitlobna nagħmlu xi ħaġa għal kollox radikali, imma jagħtina wkoll il-grazzja biex nistgħu nagħmluha.  Dak li, mil-lenti umana, jidher impossibbli, ma jistax isir u saħansitra ta’ stmerrija, Ġesù, bil-qawwa bla tarf tas-salib tiegħu, jagħmlu possibbli u li jħalli l-frott.  Is-salib ta’ Kristu jikxef il-qawwa ta’ Alla li jdewwi kull firda, li jfejjaq kull ġerħa u li jerġa’ jwaqqaf ir-rabtiet oriġinali ta’ mħabba bejn l-aħwa.

 

Dan, mela, hu l-messaġġ li nixtieq inħallilkom fi tmiem din iż-żjara tiegħi fil-Korea.  Afdaw fil-qawwa tas-salib ta’ Kristu!  Ilqgħu l-grazzja rikonċiljatriċi tiegħu fi qlubkom u aqsmuha ma’ l-oħrajn!  Nitlobkom tagħtu xhieda konvinċenti tal-messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni ta’ Kristu fid-djar tagħkom, fil-komunitajiet tagħkom u f’kull qasam tal-ħajja nazzjonali.  Nemmen li, fi spirtu ta’ ħbiberija u ta’ koperazzjoni ma’ l-Insara l-oħra, mad-dixxipli ta’ reliġjonijiet oħra u mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba li għandhom għal qalbhom il-futur tas-soċjetà Koreana, intom issiru ħmira tas-Saltna ta’ Alla f’din l-art.  Allura t-talb tagħna għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni jitla’ quddiem Alla minn qlub safja u, b’don tal-grazzja tiegħu, jaqlgħalna dak il-ġid prezzjuż li kollha xewqana għalih.

 

Mela nitolbu li jinfetħu opportunitajiet ġodda ta’ djalogu, ta’ laqgħa, fejn jintrebħu d-differenzi, biex ikun hemm ġenerożità kontinwa fl-għajnuna umanitarja lil dawk fil-bżonn, u biex nagħrfu dejjem b’mod usa’ r-realtà li l-Koreani kollha huma aħwa, membri ta’ familja waħda u ta’ poplu wieħed.  Jitkellmu l-istess ilsien.

 

Qabel inħalli l-Korea, irrid nirringrazzja lis-Sinjura President tar-Repubblika, Park Geun-Hye, lill-awtoritajiet ċivili u ekkleżjastiċi, u lil dawk kollha li b’xi mod għenu ħalli din iż-żjara tkun possibbli.  B’mod speċjali, irrid insellem personalment u bi gratitudni lis-saċerdoti tal-Korea, li ta’ kuljum iħabirku fis-servizz tal-Vanġelu u fil-bini tal-Poplu ta’ Alla fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba.  Nitlob lilkom, ambaxxaturi ta’ Kristu u ministri ta’ l-imħabba tiegħu ta’ rikonċiljazzjoni (ara 2 Kor 5:18-20), biex tkomplu tibnu rabtiet ta’ rispett, ta’ fiduċja u ta’ koperazzjoni armonjuża fil-parroċċi tagħkom, bejnietkom u bejn l-Isqfijiet tagħkom.  L-eżempju tagħkom ta’ mħabba bla riservi għall-Mulej, il-fedeltà u l-għotja tagħkom għall-ministeru, kif ukoll l-impenn tagħkom ta’ karità ma’ min hu fil-bżonn, jgħinu bil-kbir fil-ħidma ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ paċi f’dan il-pajjiż.

 

Għeżież ħuti, Alla qed isejħilna nerġgħu lura għandU u nisimgħu leħnu, u jwegħidna li jwaqqafna mill-ġdid fuq l-art f’paċi u ġid wisq ogħla minn dawk li qatt raw missirijietna.  Ħalli d-dixxipli ta’ Kristu fil-Korea jħejju għaż-żerniq ta’ dak il-jum ġdid, meta din l-art ta’ l-għodwa kalma tgawdi mill-ogħna barkiet divini ta’ armonija u ta’ paċi!  Amen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard