VJAĠĠ APPOSTOLIKU

TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIR-REPUBBLIKA TAL-KOREA

FL-OKKAŻJONI TAS-VI JUM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ ASJATIĊI

(13-18 TA’ AWWISSU 2014)

 

QUDDIESA TA’ L-GĦELUQ TAS-VI JUM TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ ASJATIĊI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Kastell ta’ Haemi - Il-Ħadd 17 ta’ Awwissu 2014

 

Għeżież ħbieb tiegħi żgħażagħ,

 

“Il-glorja tal-martri tiddi fuqkom!”.  Dawn il-kelmiet, li jagħmlu parti mit-tema tas-Sitt Jum taż-Żgħażagħ Asjatiċi, ifarrġuna lkoll u jimlewna bil-qawwa.  Żgħażagħ ta’ l-Asja, intom werrieta ta’ xhieda kbira, ta’ stqarrija prezzjuża ta’ fidi fi Kristu.  Hu d-dawl tad-dinja, Hu d-dawl ta’ ħajjitna!  Il-martri tal-Korea, u għadd bla tarf ta’ oħrajn fl-Asja kollha, taw l-istess ġisimhom f’idejn il-persekuturi; lilna, imma, tawna xhieda dejjiema tal-fatt li d-dawl tal-verità ta’ Kristu jkeċċi kull dlam u l-imħabba ta’ Kristu tittrijonfa glorjuża.  Biċ-ċertezza tar-rebħa tiegħu fuq il-mewt u tas-sehem tagħna fiha, nistgħu nħabbtu wiċċna ma’ l-isfida li nkunu dixxipli tiegħu l-lum, fis-sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna u ta’ żmienna.

 

Il-kelmiet li għadna kemm irriflettejna fuqhom huma ta’ faraġ għalina.  Il-parti l-oħra tat-tema ta’ dan il-Jum – “Żgħażagħ ta’ l-Asja, qumu!” – qed tkellimkom dwar ħidma li għandkom, dwar responsabbiltà.  Ejjew għal mument wieħed inħarsu lejn kull waħda minn dawn il-kelmiet.  Qabel xejn l-espressjoni “ta’ l-Asja”.  Inġbartu hawn fil-Korea, minn kull naħa ta’ l-Asja.  Kull wieħed u waħda minnkom għandu post u kuntest propju li fihom ġejtu msejħa tirriflettu l-imħabba ta’ Alla.  Il-kontinent Asjatiku, mogħni bi tradizzjonijiet għonja filosofiċi u reliġjużi, jibqa’ fruntiera kbira għax-xhieda tagħkom fi Kristu, “it-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14:6).  Bħala żgħażagħ li mhux biss tgħixu fl-Asja, imma intom ulied ta’ dan il-kontinent kbir, għandkom id-dritt u d-dmir li tieħdu sehem sħiħ fil-ħajja tas-soċjetajiet tagħkom.  La tibżgħux twasslu l-għerf tal-fidi f’kull qasam tal-ħajja soċjali!

 

Barra minn hekk, bħala żgħażagħ Asjatiċi, intom tistgħu taraw u tħobbu minn ġewwa stess dak kollu li hu sabiħ, nobbli u veru fil-kulturi u t-tradizzjonijiet tagħkom.  Fl-istess ħin, bħala Nsara, tafu wkoll li l-Vanġelu għandu l-qawwa li jsaffi, jgħolli u jipperfezzjona dan il-wirt.  Permezz tal-preżenza ta’ l-Ispirtu s-Santu mogħti lilkom fil-Magħmudija u ssiġillat fil-Konfirmazzjoni, f’għaqda mar-Rgħajja tagħkom, tistgħu tapprezzaw id-diversi valuri pożittivi ta’ l-għadd ta’ kulturi ta’ l-Asja.  Barra dan, intom għandkom il-ħila tiddixxernu dak li m’hux kompatibbli mal-fidi Kattolika tagħkom, dak li jeħodha kontra l-ħajja tal-grazzja li tnisslet fikom bil-Magħmudija, u liema aspetti tal-kultura tal-lum iwasslu għad-dnub, il-korruzzjoni u l-mewt.

 

Lura għat-tema ta’ dan il-Jum, nirriflettu fuq il-kelma “żgħażagħ”.  Intom u sħabkom mimlijin ottimiżmu, enerġija u rieda tajba, li huma karatteristiċi ta’ din il-fażi ta’ ħajjitkom.  Ħallu lil Kristu jibdel l-ottimiżmu naturali tagħkom f’tama Nisranija, l-enerġija tagħkom f’virtù morali, ir-rieda tajba tagħkom fi mħabba ġenwina li taf tissagrifika ruħha!  Din hi l-mixja li intom imsejħin taqbdu.  Din hi l-mixja biex tistgħu tegħlbu dak kollu li jhedded it-tama, il-virtù u l-imħabba fil-ħajja tagħkom u fil-kultura tagħkom.  B’dan il-mod, iż-żgħożija tagħkom tkun don lil Ġesù u għad-dinja.

 

Bħala żgħażagħ Insara, sew jekk taħdmu, jew għadkom studenti, jew jekk ġa qbadtu professjoni, jew weġibtu għas-sejħa taż-żwieġ, tal-ħajja reliġjuża jew tas-saċerdozju, intom m’intomx biss parti mill-futur tal-Knisja: intom ukoll parti meħtieġa u maħbuba mill-preżent tal-Knisja!  Intom il-preżent tal-Knisja!  Ibqgħu magħqudin ma’ xulxin, ersqu dejjem iżjed lejn Alla, u flimkien ma’ l-Isqfijiet u s-saċerdoti tagħkom użaw dawn is-snin biex tibnu Knisja iżjed qaddis, iżjed missjunarja u umli – Knisja iżjed qaddisa, iżjed missjunarja u iżjed umli – Knisja li tħobb u tqim lil Alla, tfittex li taqdi lill-foqra, lill-persuni li huma waħidhom, il-morda u l-imwarrbin.

 

Fil-ħajja Nisranija tagħkom spiss sa tkunu mġarrba, bħad-dixxipli fil-Vanġelu tal-lum, biex twarrbu minnkom lill-barrani, lil min hu fil-bżonn, lill-fqir u lil min hu qalbu maqsuma.  Huma dawn il-persuni li b’mod speċjali qed itennu l-karba tal-mara tal-Vanġelu: “Għinni, Mulej!”.  It-talba tal-mara Kagħnanija hi l-karba ta’ kull min qed ifittex l-imħabba, ta’ kull persuna li qed tfittex min jilqagħha u l-ħbiberija ma’ Kristu.  Hi l-għajta ta’ tant persuni fil-bliet anonimi tagħna, il-karba ħerqana ta’ bosta ta’ mparkom, u t-talba ta’ dawk il-martri kollha li anki l-lum qed ibatu l-persekuzzjoni u l-mewt f’isem Ġesù: “Għinni, Mulej!”.  Spiss hi karba li toħroġ mill-istess qlub tagħna: “Għinni, Mulej!”.  Ejjew inwieġbu għal din is-sejħa, mhux bħal dawk li jwarrbu lil min qed jitlob l-għajnuna, bħallikieku li taqdi lil min hu fil-bżonn imur kontra li tkun eqreb lejn il-Mulej.  Le!  Irridu nkunu bħal Kristu, li jwieġeb għal kull talba ta’ għajnuna bi mħabba, ħniena u mogħdrija.

 

Fl-aħħar nett, it-tielet parti tat-tema ta’ dan il-Jum: “Qum!”.  Din il-kelma titkellem dwar responsabbiltà li l-Mulej qed jafdalkom f’idejkom.  Hu d-dmir li ngħassu biex ma nħallux il-pressjonijiet, it-tentazzjonijiet u d-dnubiet tagħna jew dawk ta’ l-oħrajn imewtu s-sensibbiltà tagħna għall-ġmiel tal-qdusija, għall-ferħ tal-Vanġelu.  Is-Salm Responsorjali tal-lum jistedinna kontinwament biex “nifirħu u ngħannu bil-ferħ”.  Ħadd ma jorqod u fl-istess ħin jgħanni, jiżfen, jifraħ.  Ma niħux gost nara żgħażagħ reqdin…  Le!  “Qum!”.  Mur, mur!  Imxi!  Għeżież żgħażagħ, “iberikna Alla, Alla tagħna!” (Salm 67); minnU “sibna l-ħniena” (Rum 11:30).  Żguri mill-imħabba ta’ Alla, morru fid-dinja, ħalli “minħabba l-ħniena li sibtu intom mingħandu” (v. 31), ħbiebkom, il-kollegi tagħkom tax-xogħol, nieskom ta’ l-istess pajjiż u kull persuna f’dan il-kontinet kbir “issa huma wkoll isibu l-ħniena” (v. 31).  Hu sewwa sew b’din il-ħniena li aħna nsalvaw.

 

Għeżież żgħażagħ ta’ l-Asja, nawguralkom li, magħqudin ma’ Kristu u mal-Knisja, tistgħu timxu f’din it-triq li żgur se timliekom bil-ferħ.  U issa, waqt li nersqu lejn il-mejda Ewkaristika, induru fuq Ommna Marija, li tat ’il Ġesù lid-dinja.  Iva, Ommna Marija, aħna nixtiequ nirċievu lil Ġesù; fl-imħabba tiegħek ta’ omm, għinna nwassluh lill-oħrajn, naqduh b’fedeltà, u nweġġħuh f’kull ħin u f’kull post, f’dan il-pajjiż u fl-Asja kollha.  Amen.

 

Żgħażagħ ta’ l-Asja, qumu!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard