Nixtieq minn qalbi nsellmilkom bħala ħukom fil-Mulej, meta aħna miġbura f’dan il-post qaddis, fejn għadd bla tarf ta’ Nsara taw ħajjithom għall-fedeltà lejn Kristu.  Qaluli li hemm martri bla isem, għax ma nafuhomx l-ismijiet tagħhom: huma qaddisin bla isem.  Imma dan iġegħilni naħseb f’ħafna, ħafna Nsara qaddisin, fil-knejjes tagħna: trabi, tfal, irġiel, nisa, xjuħ… ħafna!  Ma nafuhx isimhom, imma huma qaddisin.  Jagħmlilna tajjeb naħsbu f’dawn in-nies sempliċi li jgħixu l-ħajja Nisranija tagħhom, u l-Mulej biss jaf il-qdusija tagħha.  Ix-xhieda tagħhom ta’ mħabba ġabet grazzji u barkiet lill-Knisja fil-Korea u anki lil hemm mit-truf tagħha: it-talb tagħhom jgħinna nkunu rgħajja fidili ta’ l-erwieħ fdati f’idejna.  Nirringrazzja lill-Kardinal Gracias għall-kliem ġentili ta’ merħba u għall-ħidma mwettqa mill-Federazzjoni tal-Konferenzi ta’ l-Isqfijiet ta’ l-Asja li timbutta lejn iktar solidarjetà u tippromovi l-ħidma pastorali fil-Knejjes lokali tagħkom.

 

F’dan il-kontinent vast, fejn tgħix varjetà kbira ta’ kulturi, il-Knisja hi msejħa tadatta ruħha u tkun kreattiva fix-xhieda tagħha tal-Vanġelu, permezz tad-djalogu u l-ftuħ lejn kulħadd.  Din hi l-isfida tagħkom!  Fil-verità, id-djalogu hu parti essenzjali mill-missjoni tal-Knisja fl-Asja (ara Ecclesia in Asia, 29).  Imma aħna u naqbdu din il-mixja tad-djalogu ma’ individwi u kulturi, liema għandu jkun il-punt tat-tluq tagħna u l-punt ta’ riferiment fundamentali li jmexxina lejn fejn irridu naslu?  Ċertament din hi l-identità propja tagħna, l-identità tagħna ta’ Nsara.  Ma nistgħux nimpenjaw ruħna fi djalogu veru jekk ma nafux x’inhi l-identità tagħna.  Mix-xejn, mill-vojt, miċ-ċpar ta’ l-awtokuxjenza ma tistax tiddjaloga, ma tistax tibda tiddjaloga.  U, min-naħa l-oħra, ma jistax ikun hemm djalogu awtentiku jekk m’għandniex il-ħila niftħu moħħna u qalbna, b’empatija u qalb sinċerament miftuħa għal dawk kollha li magħhom nitkellmu.  Hi attenzjoni, u fl-attezjoni jmexxina l-Ispirtu s-Santu.  Għalhekk, il-punt tat-tluq għal kull djalogu hu sens ċar ta’ l-identità propja ta’ kull wieħed u l-ħila li nuru empatija.  Jekk irridu nikkomunikaw ma’ l-oħrajn b’mod ħieles, miftuħ u li jħalli l-frott, irid ikollna ċar quddiem għajnejna dak li aħna, dak li Alla għamel għalina u dak li Hu jitlob minna.  U jekk il-komunikazzjoni tagħna ma rriduhiex tkun monologu, irid ikollna ftuħ tal-moħħ u l-qalb biex naċċettaw individwi u kulturi.  Bla biża: il-biża’ hu l-għadu ta’ dan il-ftuħ.

 

Imma d-dmir li nifhmu l-identità tagħna u nesprimuha mhux dejjem hu wieħed ħafif, ladarba aħna midinbin, u għalhekk sa nkunu dejjem imġarrba mill-ispirtu tad-dinja, li jidher taħt bosta xejriet.  Hawn nixtieq insemmi tlieta.  L-ewwel hu l-għama kollu ingann tar-relattiviżmu, li jdallam il-ġmiel tal-verità u, jheżżeż l-art ta’ taħt riġlejna, hekk li jiġbidna lejn ramel imtajjar, ir-ramel imtajjar tal-konfużjoni u d-disperazzjoni.  Hi tentazzjoni li fid-dinja tal-lum qed tolqot anki lill-komunitajiet Insara, u twassal lin-nies biex tinsa li taħt it-tibdiliet kollha li jsiru hemm xi ħaġa li ma titbiddilx u temmen li dawn it-tibdliet għandhom ukoll l-ewwel pedament tagħhom fAlla li ħalaqhom u fi Kristu li hu dejjem l-istess, il-bieraħ,  il-lum u għal dejjem” (Gaudium et spes, 10; ara Lhud 13:8).  Hawn m’iniex nitkellem fuq ir-relattiviżmu mifhum biss bħala sistema ta’ ħsieb, imma fuq dak ir-relattiviżmu prattiku ta’ kuljum li, b’mod li bilkemm iħallik tintebaħ bih, idgħajjef kull identità.

 

It-tieni mod kif id-dinja thedded is-solidità ta’ l-identità Nisranija tagħna hu bis-superfiċjalità: it-tendenza li noqogħdu nilagħbu bil-ħwejjeġ tal-moda, bl-oġġetti u d-distrazzjonijiet, minflok niddedikaw ruħna għall-ħwejjeġ li jiswew tabilħaqq (ara Fil 1:10).  F’kultura li tgħolli ’l fuq dak li jgħaddi wara ftit u toffri ħafna postijiet fejn wieħed jista’ jinħeba u jaħrab mir-realtà, din hi problema pastorali serja.  Għall-ministri tal-Knisja, din is-superfiċjalità tista’ anki tidher meta niffissaw fuq il-programmi pastorali u t-teoriji, flok infittxu li niltaqgħu b’mod dirett u li jħalli l-frott mal-fidili tagħna, u anki ma’ dawk li m’humiex fidili, speċjalment iż-żgħażagħ, li aktar għandhom bżonn ta’ katekeżi soda u ta’ gwida spiritwali żgura.  Jekk ma nniżżlux għeruqna fi Kristu, il-veritajiet li bihom ngħixu jispiċċaw jixxaqqu, il-prattika tal-virtujiet issir xi ħaġa formali biss, u d-djalogu jispiċċa qisu xi negozjat, jew xi qbil fuq in-nuqqas ta’ qbil.  Dak il-qbil fuq in-nuqqas ta’ qbil… għax l-ilma jibqa’ ma jitħarrikx…  Din is-superfiċjalità li qed tagħmlilna ħafna ħsara.

 

Imbagħad hemm it-tielet tentazzjoni, li minn barra tidher bħala ċertezza li tinħeba wara tweġibiet faċli, frażijiet lesti, liġijiet u regolamenti.  Ġesù ħadha qatta’ bla ħabel ma’ dawn in-nies li kienu jinħbew wara l-liġijiet, ir-regolamenti, it-tweġibiet faċli…  Sejħilhom wiċċ b’ieħor.  Il-fidi min-natura tagħha ma ddurx fuqha nfisha, il-fidi tfittex li “toħroġ ’il barra”.  Tfittex li tfiehem ruħha, twelled ix-xhieda, tnissel il-missjoni.  F’dan is-sens, il-fidi tagħmilna kapaċi nkunu kuraġġjużi u umli fl-istess ħin fix-xhieda tagħna ta’ tama u ta’ mħabba.  San Pietru jgħidilna li rridu nkunu dejjem lesti li nwieġbu lil kull min jistaqsina l-għaliex tat-tama li hemm fina (ara 1 Piet 3:15).  L-identità tagħna ta’ Nsara bla dubju ta’ xejn tikkonsisti fl-impenn li nqimu lil Alla waħdu u li nħobbu lil xulxin, li nkunu għall-qadi ta’ xulxin u li bl-eżempju tagħna nuru mhux biss fiex nemmnu, imma anki fiex nittamaw u min hu Dak li fih qegħidna l-fiduċja tagħna (ara 2 Tim 1:12).

 

Fi ftit kliem, hi l-fidi ħajja fi Kristu li ssawwar l-identità l-aktar profonda tagħna, jiġifieri li nniżżlu għeruqna fil-Mulej.  U jekk hemm dan, il-bqija kollu hu sekondarju.  Hu minn din l-identità profonda, il-fidi ħajja fi Kristu li fiha mniżżlin għeruqna, minn din ir-realtà profonda li jitlaq id-djalogu tagħna, u huwa din li aħna msejħin naqsmu b’mod sinċier, onest, bla preżjunzjoni, permezz tad-djalogu tal-ħajja ta’ kuljum, id-djalogu tal-karità u f’dawk l-okkażjonijiet kollha iżjed formali li jistgħu jinqalgħu.  La Kristu hu l-ħajja tagħna (ara Fil 1:21), fuqU rridu nitkellmu u minnU rridu nitilqu, bla ebda mistħija jew biża’.  Is-sempliċità tal-kelma tiegħu tidher fis-sempliċità tal-ħajja tagħna, fis-sempliċità tal-mod kif nikkomunikaw, fis-sempliċità tal-ħidmiet tagħna ta’ qadi u karità ma’ ħutna.

 

Issa nixtieq nirriferi għal element ieħor ta’ l-identità tagħna ta’ Nsara: hi tagħmel il-frott.  La kontinwament titwieled u tixrob mill-grazzja tad-djalogu tagħna mal-Mulej u mit-tnebbiħ ta’ l-Ispirtu, hi tħalli frott ta’ ġustizzja, tjieba u paċi.  Ippermettuli għalhekk nistaqsikom dwar il-frott li l-identità ta’ Nsara qed iġġib fil-ħajja tagħkom u fil-ħajja tal-komunitajiet fdati fil-kura pastorali tagħkom.  L-identità Nisranija tal-Knejjes partikulari tagħkom qiegħda tidher b’mod ċar fil-programmi tagħkom ta’ katekeżi u ta’ pastorali maż-żgħażagħ, fis-servizz tagħkom lill-foqra u lil dawk kollha li jgħixu donnhom mejta fit-truf tas-soċjetajiet għonja tagħna, u fl-isforzi tagħkom biex tkattru l-vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża?  Tidher f’dan il-frott?  Din hi mistoqsija li nagħmel, u kull wieħed minnkom jista’ jaħseb għalih.

 

Fl-aħħar nett, flimkien ma’ sens ċar ta’ l-identità tagħna ta’ Nsara, id-djalogu awtentiku jitlob ukoll kapaċità ta’ empatija.  Biex ikun hemm djalogu, irid ikun hemm din l-empatija.  L-isfida li għandna quddiemna hi li ma nillimitawx ruħna għal li nisimgħu l-kliem li jlissnu l-oħrajn, imma li nifhmu wkoll il-komunikazzjoni – mhux imlissna bil-kliem – ta’ l-esperjenzi tagħhom, it-tamiet, ix-xewqat, id-diffikultajiet tagħhom, u ta’ dak li l-iżjed hu għal qalbhom.  Din l-empatija trid tkun frott tal-ħarsa spiritwali tagħna u ta’ l-esperjenza personali, li jwassluna biex naraw lill-oħrajn bħala ħutna, biex “nisimgħu”, fil-kliem u l-azzjonijiet tagħhom imma wkoll lil hemm minnhom, dak li l-qlub tagħhom jixtiequ jgħidulna.  F’dan is-sens, id-djalogu jitlob minna spirtu “kontemplattiv” awtentiku: spirtu kontemplattiv miftuħ biex jilqa’ lill-ieħor.  Ma nistax niddjaloga jekk jien magħluq għall-ieħor.  Ninfetaħ?  Iżjed minn hekk: nilqa’!  Idħol fid-dar tiegħi, int, fil-qalb tiegħi.  Il-qalb tiegħi qed tilqgħek fiha.  Trid tisimgħek.  Din il-kapaċità ta’ empatija tagħmilna kapaċi nidħlu fi djalogu uman veru, fejn kliem, ideat u mistoqsijiet joħorġu minn esperjenza fejn l-aħwa jaqsmu l-umanità tagħhom bejniethom.  Jekk irridu mmorru lejn il-fundament teoloġiku ta’ dan li qed ngħid, immorru għand il-Missier: hu ħalaqna lkoll.  Aħna wlied l-istess Missier.  Din il-kapaċità ta’ empatija twassal għal laqgħa ġenwina – lejn din il-kultura ta’ laqgħa rridu nimxu – fejn qalb tkellem lil qalb.  Nistagħnew bl-għerf tal-persuna l-oħra u ninfetħu biex flimkien nistgħu nterrqu f’din il-mixja ta’ għarfien, ħbiberija u solidarjetà iżjed profondi.  “Imma, ħija Papa, aħna dan qed nagħmluh, imma forsi m’aħna nikkonvertu lil ħadd jew ftit li xejn…”.  Int ibqa’ agħmel dan: bl-identità tiegħek, isma’ lill-ieħor.  Liema kien l-ewwel kmandament ta’ Alla l-Missier lil missierna Abraham?  “Imxi quddiemi u kun perfett”.  U hekk, bl-identità u bl-empatija tiegħi, b’qalb miftuħa, billi nimxi mal-persuna l-oħra.  Ma nippruvax inġibu n-naħa tiegħi, ma nagħmilx proselitiżmu.  Il-Papa Benedittu qalilna ċar u tond: “Il-Knisja mhux bil-proselitiżmu tikber, imma billi tiġbed lill-oħrajn lejha”.  Fl-istess ħin, nimxu fil-preżenza tal-Missier, ngħixu bla ħtija: inwettqu dan l-ewwel kmandament.  U hemm isseħħ il-laqgħa, id-djalogu.  Bl-identità, b’qalb miftuħa.  Hi mixja ta’ għarfien, ħbiberija u solidarjetà aktar profondi.  Kif ġustament osserva San Ġwanni Pawlu II, l-impenn tagħna għad-djalogu jinbena fuq l-istess loġika ta’ l-Inkarnazzjoni: f’Ġesù, Alla nnifsu sar wieħed minna, qasam magħna l-eżistenza tagħna u kellimna bl-ilsien tagħna (ara Ecclesia in Asia, 29).  F’dan l-ispirtu ta’ ftuħ għall-oħrajn, nittama bil-qawwa li l-pajjiżi tal-kontinent tagħkom li magħhom is-Santa Sede għad m’għandhiex relazzjoni sħiħa, ma jehdewx jippromovu djalogu għall-ġid ta’ kulħadd.  M’iniex infisser biss djalogu politiku, imma djalogu bejn l-aħwa…  “Imma dawn l-Insara ma jiġux bħala konkwistaturi, ma jiġux biex jisirqulna l-identità tagħna: qed iġibulna tagħhom, imma jixtiequ jimxu magħna”.  U l-Mulej il-grazzja jagħtiha hu: kultant iqanqal il-qlub, xi darba jinqala’ xi ħadd li jitlob il-Magħmudija, drabi oħra le.  Imma rridu dejjem nimxu flimkien.  Din hi l-qalba tad-djalogu.

 

Għeżież ħuti, nirringrazzjkom li lqajtuni minn qalbkom bħala aħwa.  Meta nħarsu lejn il-kontinent kbir Asjatiku, bil-medda kbira tiegħu ta’ artijiet, il-kulturi qodma u tradizzjonijiet qodma tiegħu, nifhmu kif, fil-pjan ta’ Alla, il-komunitajiet Insara tagħkom huma tabilħaqq pusillus grex, merħla żgħira, imma li lilha ġiet fdata l-missjoni li twassal id-dawl tal-Vanġelu sa truf l-art.  Hi sewwa sew dik iż-żerriegħa tal-mustarda!  Ċkejkna ċkejkna…  Ir-Ragħaj it-Tajjeb, li jaf b’isimha u jħobb lil kull waħda min-nagħġiet tiegħu, imexxi u jsaħħaħ l-isforzi tagħkom biex tiġbruhom f’għaqda miegħU u mal-membri l-oħra kollha tal-merħla tiegħu mxerrda mad-dinja.  Issa, ilkoll flimkien, ejjew nafdaw f’idejn il-Madonna l-Knejjes tagħkom, il-kontinent Asjatiku, biex bħala Omm tgħallimna dak li omm biss taf tgħallem: min int, x’jismek u kif timxi ma’ l-oħrajn fil-ħajja.  Nitolbu lill-Madonna flimkien.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard