Padre Lombardi

Allura…  Santità, merħba fostna għal dan l-aħħar appuntament f’dan il-vjaġġ li kien intens ħafna imma li jidhrilna li rnexxa sew: ta’ l-inqas, l-impressjoni li tajtna hi li int sodisfatt, jidher li ħassejtek tajjeb u aħna kuntenti ħafna.  Allura, għal din il-laqgħa li naħseb li ħa jkollha l-istil tat-tnejn ta’ qabilha li kellna miegħek, organizzajna ruħna billi nqsamna fi gruppi skond il-lingwa u mbagħad minn kull grupp ittellgħu bix-xorti xi kollegi li sa jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.  Għandna għadd tajjeb… meta tħossok għejejt għidilna “daqshekk”, u aħna nieqfu, hekk hu.  Jekk le, inkomplu.

 

Mela, nixtiequ nibdew b’rappreżentant tal-grupp Asjatiku u nistiednu jiġu hawn mal-mikrofonu lil Seung Jin Park, mill-Yonhap News: din hi l-aġenzija Koreana.  Jien naħseb li l-aħjar hu li nibdew nippreparaw ruħna b’tali mod li tibdew resqin ’l hawn ħalli mbagħad ma naħlux wisq ħin nistennew.  It-tieni mistoqsija sa tkun dik ta’ Alan Holdren, mill-Ewtn.  Allura, Santità, tixtieq tgħidilna xi ħaġa bħala introduzzjoni?  F’idejk il-kelma, imbagħad wara ngħaddu l-kelma lill-kollega Korean…

 

Il-Papa Franġisku

L-għodwa t-tajba.  Grazzi ħafna tax-xogħol tagħkom li kien pjuttost impenjattiv.  Grazzi ta’ dak kollu li għamiltu u anki issa ta’ l-attenzjoni tagħkom għal dawn il-kollokji.  Grazzi ħafna.

 

Padre Lombardi

Allura, ngħaddu l-kelma lil Sung Park.

 

Sung Ji Park

Jisimni Sung Jin Park, ġurnalista tas-South Korean News Agency Yonhap.  Santità, f’isem il-ġurnalisti Koreani u f’isem il-poplu tagħna, nixtieq nirringrazzjak taż-żjara tiegħek.  Int ġibt il-ferħ lil ħafna nies fil-Korea.  U grazzi anki ta’ l-inkuraġġiment tiegħek b’riżq l-unifikazzjoni ta’ pajjiżna.  Santità, matul iż-żjara tiegħek fil-Korea, int indirizzajt l-ewwel lill-familji tal-vittmi tad-diżastru tal-vapur Sewol u farraġthom.  Għandi żewġ mistoqsijiet.  L-ewwel: X’ħassejt meta ltqajt magħhom?  It-tieni: Ma nkwetajtx li l-ġest tiegħek seta’ jinftiehem ħażin politikament?

 

Il-Papa Franġisku

Meta ssib ruħek quddiem it-tbatija umana, int għandek tagħmel kif tgħidlek qalbek.  Imbagħad ħa jgħidu: “Imma dak għamel hekk għax għandu din jew dik l-intenzjoni politika”; għax jistgħu jgħidu minn kollox.  Imma meta taħseb fuq dawn l-irġiel, fuq dawn in-nisa, missirijiet u ommijiet, li tilfu lil uliedhom, fuq dawn l-aħwa li tilfu lil ħuthom, fit-tbatija hekk kbira ta’ katastrofi bħal din, ma nafx, qalbi… jiena saċerdot, tafx!, u nħoss li għandi nkun qrib tagħhom!  Inħossha hekk, le?  U, l-ewwel, hekk.  Jiena naf li l-faraġ li tista’ tagħti kelma minn tiegħi m’hix rimedju, m’hix ħa tagħti mill-ġdid il-ħajja lil dawk li mietu, imma l-qrubija umana f’dawn il-mumenti tagħtina s-saħħa, hemm is-solidarjetà.  Jien niftakar li bħala Arċisqof ta’ Buenos Aires ġarrabt żewġ traġedji minn dawn: l-ewwel, ħruq ta’ sala taż-żfin [fejn kien jinżamm] kunċert ta’ mużika pop: mietu 193!  U mbagħad, darb’oħra, katastrofi bit-trejns, naħseb li kienu mietu 120.  U jien, dak iż-żmien, l-istess ħassejt: li kelli nkun qrib tagħhom.  It-tbatija umana hi kbira u jekk aħna f’dawn il-mumenti ta’ niket inkunu qrib ta’ xulxin, inkunu ngħinu ħafna lil xulxin.  U għall-mistoqsija li għamilt, fl-aħħar nett, irrid ngħid ħaġa oħra.  Jiena ħadt dan.  [Juri l-badge f’forma ta’ żigarella li għaddewlu l-familjari u dawk li jappoġġjaw il-kawża tat-traġedja tal-vapur Sewol].  Wara nofs ta’ nhar biha fuqi – ħadtha b’solidarjetà magħhom – resaq xi ħadd fuqi u qalli: “Imma dik aħjar tneħħiha.  Int għandek tibqa’ newtrali…” – “Imma isma’, mat-tbatija umana ma nistgħux nibqgħu newtrali”: hekk weġibt jien.  Dan hu li nħoss jien.  Imma grazzi tal-mistoqsija tiegħek.  Grazzi.

 

Min imiss issa?

 

Padre Lombardi

Alan Holdren mill-Ewtn.  Imbagħad wara, Jean-Louis de la Vaissière, mill-grupp Franċiż.

 

Alan Holdren

Santità, jisimni Alan Holdren, naħdem għall-Catholic News AgencyAci Prensa f’Lima, fil-Perù, u anki l-Ewtn.  Kif taf, il-qawwiet militari ta’ l-Istati Uniti ftit ilu bdew jibbumbardjaw it-terroristi fl-Iraq biex iwaqqfu ġenoċidju, biex jipproteġu l-futur tal-minoranzi – jiġuni f’moħħi wkoll il-Kattoliċi taħt it-tmexxija tiegħek.  Int tapprova dan il-bumbardament Amerikan?

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi tal-mistoqsija hekk ċara.  F’dawn il-każi, fejn hemm aggressjoni inġusta, nista’ ngħid biss li hu leċitu twaqqaf l-aggressur inġust.  Nagħfas fuq il-verb: twaqqaf.  M’iniex ngħid tibbumbardja, tagħmel gwerra: twaqqfu.  Il-mezzi li bihom tista’ twaqqfu għandhom jintiżnu sew.  Li twaqqaf l-aggressur inġust hi ħaġa leċita.  Imma rridu wkoll niftakru x’seħħ fl-imgħoddi.  Kemm drabi, taħt din l-iskuża li jwaqqfu l-aggressur inġust, il-qawwiet ħatfu taħt idejhom popli sħaħ u għamlu gwerra vera ta’ konkwista!  Nazzjon wieħed waħdu ma jistax jiġġudika kif għandu jwaqqaf dan, kif iwaqqaf aggressur inġust.  Wara t-Tieni Gwerra Dinjija ħarġet l-idea tal-Ġnus Magħquda: hemm irridu niddiskutu, ngħidu: “Hu aggressur inġust?  Jidher li iva.  Kif għandna nwaqqfuh?”.  Imma daqshekk biss.  Xejn iżjed.  It-tieni, il-minoranzi.  Grazzi tal-kelma.  Għax lili jiġu jgħiduli: “Imma l-Insara, imsejkna Nsara”, u dan minnu, qed ibatu.  Il-martri… eħ iva, hemm ħafna martri.  Imma hawn għandna quddiemna rġiel u nisa, minoranzi reliġjużi, mhux kollha Nsara, imma kollha ndaqs quddiem Alla!  Li twaqqaf l-aggressur inġust hu dritt ta’ l-umanità, imma hemm anki d-dritt li għandu l-aggressur, li jiġi mwaqqaf biex ma jagħmilx ħsara.

 

Padre Lombardi

Jean-Louis de la Vaissière, mill-France Presse.  Jipprepara biex jersaq Fabio Zavattaro.

 

Jean-Louis de la Vaissière

Il-lejla t-tajba, Santità.  Lura mill-ġdid fuq il-kwistjoni ta’ l-Iraq: bħall-Kardinal Filoni, bħas-Superjur tad-Dumnikani, int, Santità, tkun lest issostni intervent militari fuq l-art ta’ l-Iraq biex twaqqaf lill-Jiħadisti?  U mbagħad kelli mistoqsija oħra: taħseb li xi darba tista’ tmur l-Iraq, forsi f’Kurdistan, biex twieżen lir-refuġjati Nsara li qed jistennewk, u titlob magħhom f’din l-art fejn ilhom jgħixu għal elfejn sena?

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi.  Ftit ilu jien iltqajt mal-Gvernatur tal-Kurdistan, u hu kellu ħsieb ċar ħafna fuq is-sitwazzjoni, kif jistgħu jinstabu soluzzjonijiet… imma dan kien qabel din l-aħħar aggressjoni.  Għall-ewwel mistoqsija diġà weġibt: jien naqbel biss mal-fatt li meta hemm aggressur inġust, jiġi mwaqqaf.  Aħ, iva: skużani, insejtha dik [dwar il-possibbiltà li nżur il-Kurdistan].  Iva, jiena disponibbli, imma naħseb li nista’ ngħid dan: meta flimkien mal-kollaboraturi tiegħi smajt b’din is-sitwazzjoni tal-minoranzi reliġjużi u anki l-problema, dak iż-żmien, tal-Kurdistan li ma setax jilqa’ fih ħafna nies – hi problema, nifhimha: ma setax, le! – x’tista’ tagħmel?  Ħsibna f’ħafna ħwejjeġ, le?  L-ewwel nett ktibna l-komunikat li għamel Padre Lombardi f’ismi.  Wara, dan il-komunikat intbagħat lin-nunzjaturi kollha biex jiġi kkomunikat lill-gvernijiet.  Imbagħad, ktibna ittra lis-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda… ħafna affarijiet… u fl-aħħar għidna: nibagħtu mibgħut personali, il-Kardinal Filoni.  U fl-aħħar għidna: u jekk ikun hemm bżonn, meta nerġgħu lura mill-Korea, nistgħu mmorru hemm aħna.  Kienet waħda mill-possibbiltajiet.  Din hi t-tweġiba tiegħi: jien disponibbli.  Bħalissa m’hux l-aħjar żmien biex nagħmel dan, imma jien lest għal hekk ukoll.

 

Padre Lombardi

Fabio Zavattaro, u jipprepara Paloma García Ovejero mill-Cope

 

Fabio Zavattaro

Santità, int l-ewwel Papa li għaddejt bl-ajruplan minn fuq iċ-Ċina.  It-telegramma li bgħatt lill-President Ċiniż ġiet milqugħa bla ebda kummenti negattivi.  Taħseb li dawn huma passi ’l quddiem lejn possibbiltà ta’ djalogu?  U, tixtieq tmur iċ-Ċina?

 

Padre Lombardi

Nista’ nħabbar li bħalissa ninsabu fuq l-ispazju ta’ l-ajru Ċiniż, allura l-mistoqsija torbot ħafna…

 

Il-Papa Franġisku

U meta aħna u ġejjin ’l hawn konna wasalna biex nidħlu fl-ispazju ta’ l-ajru Ċiniż, jien kont fil-cockpit mal-piloti, u wieħed minnhom urieni r-reġistru u qalli: “Fadal biss għaxar minuti biex nidħlu fl-ispazju ta’ l-ajru Ċiniż, u rridu nitolbu l-awtorizzazzjoni: dejjem nitolbuha… hi ħaġa normali, nitolbuha lil kull pajjiż”,… u rajt kif jagħmlu biex jitolbu l-awtorizzazzjoni, u xi jweġbuhom… kont xhieda ta’ dan.  U l-pilota qal: “Issa titlaq it-telegramma”, imma ma nafx dan kif għamluh; imma, hekk… imbagħad ħallejthom, mort lura f’posti u tlabt ħafna għal dak il-poplu sabiħ u nobbli taċ-Ċina, poplu għaref…  Imma f’moħħi jiġu l-għorrief kbar taċ-Ċina, storja ta’ xjenza, ta’ għerf…  Anki l-Ġiżwiti: għandna storja hemm, b’Padre Ricci…  U jiġuni f’moħħi dawn il-ħwejjeġ kollha.  Jekk nixtieqx immur iċ-Ċina?  U żgur: għada stess!  Eħ, iva.  Aħna nirrispettawh lill-poplu Ċiniż, il-Knisja qiegħda biss titlob libertà biex tista’ twettaq xogħolha, il-ħidma tagħha; l-ebda kundizzjoni oħra.  Imbagħad, ma ninsewx dik l-Ittra fundamentali dwar il-problema taċ-Ċina, l-Ittra li l-Papa Benedittu XVI kien bagħat liċ-Ċiniżi.  Dik l-Ittra, il-lum hi attwali, tgħodd ħafna għas-sitwazzjoni tal-lum.  Jagħmlilna tajjeb nerġgħu naqrawha.  U s-Santa Sede hi dejjem miftuħa għall-kuntatti; dejjem, għax għandha tassew stima għall-poplu Ċiniż.

 

Padre Lombardi

Paloma García Ovejero mill-Cope, ir-Radju Kattoliku Spanjol, u jipprepara Johannes Schidelko mill-Kna

 

Paloma García Ovejero

Tajjeb: il-vjaġġ li jmiss sa jkun fl-Albanija, forsi l-Iraq; wara l-Filippini u s-Sri Lanka…  Imma fejn sejjer fl-2015?  U se ngħidlek għal li jista’ jkun: int taf li f’Avila u f’Alba de Tormes qed jistennewk bi ħġarhom.  Għadhom jistgħu jittamaw?

 

Il-Papa Franġisku

U żgur, iva…  Is-Sinjura President tal-Korea, fi Spanjol perfett, qaltli: “La esperanza es la ultima que se pierde”: hekk qaltli, b’tama fl-unifikazzjoni tal-Korea.  Issa ftakart f’dan.  Jistgħu jittamaw, imma għadu m’hu deċiż xejn.

 

Paloma García Ovejero

Imma wara l-Messiku… Philadelphia…?

 

Il-Papa Franġisku

Le, ħa nispjegalek.  Din is-sena, hemm fil-ħsieb l-Albanija, veru.  Hemm min qal li l-Papa għandu stil li jibda kollox mill-periferija.  Imma le, għaliex se mmur l-Albanija?  Għal żewġ raġunijiet importanti.  L-ewwel, għax irnexxielhom joħolqu gvern – aħsbu fil-Balkani – gvern ta’ għaqda nazzjonali bejn Islamiċi, Ortodossi u Kattoliċi, b’kunsill interreliġjuż li qed jgħin ħafna u hu bilanċjat.  U dan sejjer sew, miexi f’armonija.  Il-preżenza tal-Papa hemm ħa tkun qed tgħid lill-popli kollha: “Mela nistgħu naħdmu flimkien!”.  Jien ħassejt li dan jista’ jkun tabilħaqq ta’ għajnuna għal dak il-poplu nobbli.  U l-ħaġa l-oħra: jekk naħsbu ftit fl-istorja ta’ l-Albanija, reliġjożament kienet l-unika waħda mill-pajjiżi Komunisti li fil-Kostituzzjoni tagħha kellha l-ateiżmu.  Jekk kont tmur il-Quddiesa, kont tkun qed teħodha kontra l-Kostituzzjoni.  U mbagħad, kif qalli wieħed mill-ministri, inqerdu – irrid inkun preċiż fiċ-ċifra – 1,820 knisja: meqruda!  Ortodossi, Kattoliċi… f’dak iż-żmien.  U mbagħad, knejjes oħra saru [inbidlu] f’ċinema, teatru, swali taż-żfin…  Ħassejt li għandi mmur: hi qrib, f’ġurnata tmur u tiġi…  Imbagħad, is-sena d-dieħla rrid immur Philadelphia, għal-laqgħa tal-familji, u ġejt ukoll mistieden mill-President ta’ l-Istati Uniti biex inżur il-Parlament Amerikan u anki mis-Segretarju tal-Ġnus Magħquda fi New York: forsi żjara waħda bejn it-tlitt ibliet flimkien.  Il-Messiku: il-Messikani jriduni mmur f’riġlejn il-Madonna ta’ Guadalupe, u nista’ napprofitta minn hekk, imma m’hemm xejn fiż-żgur.  U fl-aħħar, Spanja.  Il-Familja Rjali stednitni u l-isqfijiet ukoll, imma… hemm xita ta’ stedin biex immur Spanja: Santiago de Compostela… forsi possibbli, imma mhux ħa ngħid iżjed għax m’hemm xejn deċiż: fil-għodu mmur Avila u Alba de Tormes, u nerġa’ lura fil-għaxija…  Jaf ikun possibbli…

 

Paloma García Ovejero

Hu possibbli…

 

Il-Papa Franġisku

Iva, imma m’hemm xejn deċiż.  U din hi t-tweġiba.  Grazzi lilek.

 

Padre Lombardi

Johannes Schidelko mill-Aġenzija Kattolika Ġermaniża.  Jersaq Yoshimori Fukushima, mill-Ġappun, għall-mistoqsija li jmiss.

 

Johannes Schidelko

Grazzi.  Santità, x’tip ta’ relazzjoni hemm bejnek u Benedittu XVI?  Hemm qsim regolari ta’ fehmiet, ta’ ideat?  Jeżisti proġett komuni wara din l-enċiklika?

 

Il-Papa Franġisku

Niltaqgħu…  Qabel tlaqt, mort inżuru.  Hu, ġimagħtejn qabel, bagħatli kitba interessanti: staqsieni x’naħseb dwarha…  U għandna relazzjoni normali, għax nerġa’ lura għal din l-idea: forsi lil xi teologu ma togħġbux – jiena m’iniex teologu – imma jien naħseb li l-Papa emeritu m’hux eċċezzjoni, imma wara tant sekli hu l-ewwel emeritu, dik hi.  Naħsbu ftit, iva, kif hu qal: “Xjaħt, m’għadx għandi s-saħħa”…  Dan kien ġest sabiħ ta’ nobbiltà u anki ta’ umiltà u ta’ kuraġġ.  Imma jien ngħid: sebgħin sena ilu anki l-isqfijiet emeriti kienu eċċezzjoni, ma kinux jeżistu.  Il-lum l-isqfijiet emeriti huma istituzzjoni.  Jiena naħseb li “Papa emeritu” diġà sar istituzzjoni.  Għaliex?  Għax ħajjitna qed titwal u meta tasal f’ċerta età ma tibqax kapaċi tmexxi sew, għax il-ġisem jegħja… u anki jekk is-saħħa forsi għadha tajba, ma jkunx hemm il-kapaċità li terfa’ fuqek il-problemi kollha ta’ tmexxija bħalma hi dik tal-Knisja.  U jiena nemmen li l-Papa Benedittu XVI għamel dan il-ġest tal-Papiet emeriti.  Intenni: forsi xi teologu jaf jgħidli li dan m’hux sew, imma jien hekk naħsibha.  Is-sekli għad jgħidulna waħidhom jekk hux hekk jew le.  Naraw.  Imma int taf tgħidli: “U jekk int, jum wieħed, tħoss li ma tistax tibqa’ tmexxi?”.  Imma int kieku tagħmel l-istess ħaġa?  Nagħmel l-istess!  Nitlob ħafna, imma l-istess nagħmel.  Hu fetaħ bieb li hu istituzzjonali, mhux eċċezzjonali.  Ir-relazzjoni tagħna hi ta’ bejn l-aħwa, tassew, imma jien għidt ukoll li nħossu qisni għandi n-nannu d-dar bl-għerf tiegħu: hu bniedem ta’ għerf, bl-isfumaturi tiegħu, imma li jiswieli ħafna meta nisma’ x’għandu x’jgħid.  U anki, jinkuraġġini ħafna.  Din hi r-relazzjoni li għandna miegħu.

 

Padre Lombardi

Issa għandna lil Yoshimori Fukushima mill-Mainichi Shimbun: erġajna lura l-Asja.  Hu Ġappuniż.  U sadattant tipprepara Deborah Ball, mill-Wall Street Journal.

 

Yoshimori Fukushima

Papa Franġisku, mill-ġdid grazzi ħafna ta’ l-ewwel żjara tiegħek fl-Asja.  F’dan il-vjaġġ, int iltqajt ma’ persuni li batew.  X’ħassejt meta sellimt lis-sitt “comfort women” [nisa li ġew użati mill-Armata ta’ l-Imperu Ġappuniż f’dak li hu skjavitù sesswali, bħala prostituti] fil-Quddiesa ta’ dal-għodu?  F’dik li hi tbatija tal-persuni, bħal fil-Korea, anki fil-Ġappun kien hemm l-Insara moħbija, u s-sena d-dieħla jaħbat il-150 anniversarju mill-persekuzzjoni tagħhom.  Ikun possibbli nitolbu għalihom flimkien miegħek f’Nagasaki?  Grazzi ħafna.

 

Il-Papa Franġisku

Tkun ħaġa sabiħ ħafna, tkun ħaġa sabiħa ferm!  Ġejt mistieden!  Kemm mill-Gvern u kemm mill-isqfijiet ġejt mistieden.  Imma t-tbatija: int erġajt lura fuq waħda mill-ewwel mistoqsijiet.  Il-poplu Korean hu poplu li ma tilifx id-dinjità tiegħu.  Kien poplu li ġarrab l-invażjoni, safa umiljat, ra gwerer, issa hu maqsum, b’tant tbatija.  Il-bieraħ, meta mort għal-laqgħa maż-żgħażagħ, żort il-mużew tal-martri: imma hi terribbli t-tbatija li għaddew minnha dawn in-nies, sempliċement biex ma jiċħdux is-Salib!  Hu wġigħ u hi tbatija storika.  Kapaċi jsofri dan il-poplu, u din hi wkoll parti mid-dinjità tiegħu.  Anki l-lum, meta kien hemm dawn in-nisa anzjani, quddiem nett, għall-Quddiesa: meta naħseb kif f’dik l-invażjoni, meta kienu għadhom xebbiet, ittieħdu fil-kwartieri tas-suldati, biex jużawhom… u huma ma tilfux id-dinjità tagħhom.  Il-lum kienu qegħdin hemm b’wiċċhom minn quddiem [urew wiċċhom], anzjani, l-aħħar li kien fadal!  Hu poplu b’saħħtu fid-dinjità tiegħu.  Imma lura għall-biċċa tal-martirju, tat-tbatija, anki dawn in-nisa: dan hu l-frott tal-gwerra!  U l-lum qed ngħixu f’dinja ta’ gwerra, kullimkien!  Xi ħadd qalli: “Imma inti taf li qegħdin fit-Tielet Gwerra Dinjija – imma f’biċċiet?”.  Fehem!  Għandna dinja fi gwerra, fejn qed jitwettqu dawn il-attroċitajiet kollha.  Nixtieq nieqaf fuq żewġ kelmiet: l-ewwel, kefrija.  Il-lum it-tfal ma jiswew xejn!  Darba kienu jitkellmu fuq gwerra konvenzjonali, il-lum dan m’għadux jgħodd.  Ma rridx ngħid li l-gwerer konvenzjonali huma xi ħaġa tajba, le.  Imma l-lum jisparawlek bomba u joqtlulek l-innoċenti mal-ħati, it-tarbija, mal-mara, ma’ l-omm… lil kulħadd joqtlu.  Imma aħna għandna nieqfu u naħsbu ftit fuq il-livell ta’ kefrija li wasalna fih.  Dan messu jbeżżagħna!  U dan mhux biex inbeżżagħkom: nistgħu nagħmlu studju empiriku.  Il-livell ta’ kefrija tal-bniedem, bħalissa, ibeżża’ ftit.  U l-kelma l-oħra li fuqha nixtieq ngħid xi ħaġa u li għandha x’taqsam ma’ din hi t-tortura.  Il-lum, ikolli ngħid, it-tortura hi wieħed mill-mezzi kważi ordinarji li jużaw is-servizzi ta’ l-intelligence, il-proċessi ġudizzjarji […].  U t-tortura hi dnub kontra l-umanità, delitt kontra l-bniedem, u lill-Kattoliċi ngħidilhom: “Li tittortura bniedem hu dnub mejjet, hu dnub gravi!”.  Imma hu iżjed minn hekk: hu dnub kontra l-umanità.  Kefrija u tortura.  Nieħu gost kieku intom fil-medja tagħkom, tirriflettu ftit: Kif qed tarawhom dawn l-affarijiet, il-lum?  Kif inhu l-livell tal-kefrija kontra l-umanità?  U x’taħsbu dwar it-tortura?  Naħseb li jagħmlilna tajjeb ilkoll kemm aħna jekk nirriflettu fuq dan. 

 

Padre Lombardi

Deborah Ball mill-Wall Street Journal; jipprepara Anaïs Feuga mid-Radju Franċiż.

 

Deborah Ball

Grazzi.  Il-mistoqsija tagħna hi: Int iżżomm ritmu impenjattiv ħafna ħafna, wisq marsus, u ftit tħalli ħin għall-mistrieħ, u vaganzi xejn; qed tagħmel dawn il-vjaġġi massakranti.  Imbagħad, fl-aħħar xhur, rajna li kellek ukoll tħassar xi appuntament anki fl-aħħar sekonda.  Għandna għax ninkwetaw dwar dan ir-ritmu li qbadt?

 

Il-Papa Franġisku

Eħ, iva, kien hemm min qalli.  Jien issa ħadt il-vaganzi d-dar, kif nagħmel is-soltu, għax… darba qrajt ktieb.  Interessanti.  It-titlu kien: “Ifraħ li int nevrotiku”!  Anki jien għandi xi nevrożi, imma rrid nieħu ħsiebhom, in-nevrożi!  Nagħtihom il-mate [xarba mediċinali magħmula mill-ħwawar] kuljum, eħ?…  Waħda min-nevrożi hi li jien qalbi marbuta wisq ma’ l-abitat.  L-aħħar darba li mort għall-vaganzi barra minn Buenos Aires, mal-komunità Ġiżwita, kien fl-1975.  Mill-bqija, dejjem nieħu vaganzi – veru, eħ! – imma fl-abitat: nibdel ir-ritmu.  Norqod iżjed, naqra dak li jogħġobni, noqgħod nisma’ l-mużika, nitlob iżjed…  U dak iserraħni.  F’Lulju u f’parti minn Awwissu hekk għamilt, u ħassejtni sew.  Il-mistoqsija l-oħra, li kelli nħassar: dak veru.  Hu minnu.  Dak in-nhar li kelli mmur il-Gemelli, sa għaxar minuti qabel, kont hemm imma ma flaħtx, verament!  Tassew li kienu jiem impenjattivi ħafna, u issa rrid inkun ftit aktar prudenti.  Għandek raġun int.  [jidħak]

 

Padre Lombardi

Mela, issa Anaïs Feuga mir-Radju Franċiż, u tipprepara Francesca Paltracca mir-Radio Rai.

 

Anaïs Feuga

F’Rio, meta l-folla kienet tgħajjat “Franġisku, Franġisku”, int weġibtha “Kristu, Kristu”.  Il-lum int kif qed tagħmel b’din il-popolarità immensa?  Kif tgħixha?

 

Il-Papa Franġisku

Ma nafx kif naqbad ngħid…  Jien ngħixha billi nirringrazzja lill-Mulej li l-poplu tiegħu hu ferħan: hekk nagħmel!  U lill-poplu ta’ Alla nixtieqlu l-aħjar.  Ngħixha bħala ġenerożità tal-poplu, dak veru.  Bejni u bejn ruħi, nipprova naħseb fi dnubieti u fl-iżbalji tiegħi biex ma naħsibx li jien xi ħaġa!  Għax jien naf li dan ħa jtul għal ftit taż-żmien, sentejn jew tlieta, u mbagħad… għal Dar il-Missier…  U mbagħad – ma messnix għidt hekk – imma ngħixha bħala l-preżenza tal-Mulej fil-poplu tiegħu li jinqeda bl-isqof li hu r-ragħaj tal-poplu, biex jurihom tant ħwejjeġ.  Ngħixha b’mod iżjed naturali minn qabel: qabel kienet tbeżżagħni ftit, imma issa nagħmel hekk!  Anki, jiġini f’moħħi: tiżbaljax, għax int m’għandekx tagħmel tort lil dan il-poplu f’dawn il-ħwejjeġ kollha!  Xi ftit, dan…

 

Padre Lombardi

Francesca Paltracca, mir-Radio Rai, u jipprepara Sergio Rubín, mill-Clarín.

 

Francesca Paltracca

Għal Papa li ġie minn tarf id-dinja, li sab ruħu l-Vatikan – barra minn Santa Marta, fejn irrakkontajtilna ħajtek u l-għażla tiegħek – kif jgħix fil-Vatikan il-Papa?  Dejjem nistaqsu lilna nfusna: imma x’joqgħod jagħmel, fejn imur, joqgħod jimxi?  Imbagħad aħna rajna li int mort il-mensa [fejn jitqassam l-ikel lill-foqra] u kuljum tissorprendina… rajna li mort il-mensa tal-Vatikan, ngħidu aħna…  Int tissorprendina…  Għalhekk, x’tip ta’ ħajja tgħix, lil hemm minn Santa Marta?

 

Il-Papa Franġisku

Imma jien nipprova nkun liberu!  Hemm appuntamenti ta’ l-uffiċċju, tax-xogħol.  Imma mbagħad il-ħajja, għalija, hi l-aktar normali possibbli.  Veru, nixtieq kieku nista’ noħroġ, imma ma tistax, ma tistax…  imma le, le, mhux bi prekawzjoni: ma tistax għax jekk toħroġ, in-nies tibda tross madwarek… u ma tistax: din hi realtà.  Imma ġewwa, jien, f’Santa Marta ngħix ħajja normali ta’ xogħol, ta’ mistrieħ, ta’ tpaċpiċ ma’ oħrajn…

 

Francesca Paltracca

Insomma, ma tħossokx priġunier?

 

Il-Papa Franġisku

Le, le, le: għall-bidu iva, imma issa… waqgħu xi ħitan…  Qabel kont tisma’: “il-Papa ma jistax imur hemm”…  Ngħidu aħna, din biex tidħku ftit: immur biex nidħol ġol-lift, u dritt jiġi wieħed, għax il-Papa ma setax jinżel il-lift waħdu.  “Imma int mur oqgħod lura f’postok, għax jien waħdi nieżel”.  U l-istorja tieqaf hemm.  Hekk, le?  Din in-normalità.  Normalità. 

 

Padre Lombardi

Mela, issa jmiss lil Sergio Rubín, u jipprepara Jürgen Erbacher.

 

Sergio Rubín

Santità, jien Sergio Rubín.  Skużani, imma f’isem il-grupp Spanjol, li fih hemm anki l-Arġentina, irrid nagħmillek mistoqsija li titlob għarfien teoloġiku profond.  It-tîm tiegħek, San Lorenzo, għall-ewwel darba sar il-kampjun ta’ l-Amerika!  Nixtieq naf kif qed tgħixu dan il-mument, u qaluli li int nhar l-Erbgħa fl-Udjenza Ġenerali sa tilqa’ għandek ukoll delegazzjoni ta’ l-assoċjazzjoni sportiva.

 

Il-Papa Franġisku

Wara t-tieni post tal-Brażil, hi aħbar tajba.  Jien dan sirt nafu hawn: hawn f’Seul, qaluhuli, u qaluli: “Isma’, l-Erbgħa jiġu, eħ?”: ħallihom jiġu, hi udjenza pubblika, sa jkunu hemm, le?  U għalija s-San Lorenzo hu t-tîm li miegħu kienet iżżomm il-familja kollha tiegħi: missieri kien jilgħab il-basketball ma’ San Lorenzo, kien plejer fit-tîm tal-basket.  U meta konna tfal konna mmorru, anki ommi kienet tiġi magħna l-Gazometer.  Niftakar qisu l-bieraħ, il-kampanja ta’ l-1946, dak tîm brillanti li kellu s-San Lorenzo, kienu ħarġu kampjuni…  Taf int, bil-ferħ, ngħixu bil-ferħ.  Imma mirakli le!  Mirkali le…

 

Padre Lombardi

Issa Jürgen Erbacher, mit-televiżjoni Ġermaniża…

 

Jürgen Erbacher

Il-mistoqsija tiegħi hi: Ilu żmien jissemma proġett ta’ enċiklika fuq l-ekoloġija.  Tista’ tgħidilna meta ħiereġ u liema huma l-punti ċentrali?

 

Il-Papa Franġisku

Din l-enċiklika… tkellimt fit-tul mal-Kardinal Turkson u ma’ oħrajn, u tlabt lill-Kardinal Turkson biex jiġbor il-kontribuzzjonijiet kollha li waslulna.  U qabel il-vjaġġ, ġimgħa qabel… le, erbat ijiem qabel, il-Kardinal Turkson għaddieli l-ewwel abbozz: l-ewwel abbozz oħxon hekk!  Ngħid li fih terz iżjed mill-Evangelii Gaudium[jidħak].  Għadu l-ewwel abbozz.  Imma issa din m’hix problema ħafifa, għax fuq il-ħarsien tal-Ħolqien, anki l-ekoloġija, anki l-ekoloġija umana, tista’ tikellem b’ċerta ċertezza sa ċertu punt.  Imbagħad, jiġu l-ipoteżijiet xjentifiċi, xi wħud pjuttost żguri, oħrajn le.  F’enċiklika bħal din, li trid tkun maġistrali, tista’ tiktellem biss dwar ċertezzi: dak li hu żgur.  Għax jekk il-Papa jgħid li ċ-ċentru ta’ l-univers hu d-dinja u mhux ix-xemx, jiżbalja, għax ikun jgħid ħaġa li tmiss max-xjenza, u ma jmurx.  X’sa jiġri issa?  Issa rridu nagħmlu l-istudju, numru wara numru, u naħseb li ħa tiċkien.  Imma mmorru għall-essenzjal u għal dak li nistgħu naffermaw b’ċertezza.  Imma f’nota isfel tal-paġna, nistgħu ngħidu li “fuq dan hemm din l-ipoteżi, din u dik”, imma ngħiduha bħala tagħrif, imma mhux fil-korp ta’ l-enċiklika li hu duttrina fejn trid titkellem fiż-żgur.

 

Padre Lombardi

S’issa għamilna tnax-il mistoqsija, il-gruppi kollha diġà għamlu żewġ dawriet.  Trid tkompli, jew trid li mmorru nieklu?

 

Il-Papa Franġisku

Jiddipendi minn kemm għandhom ġuħ huma…

 

Ġurnalisti

M’għandniex ġuħ, m’aħniex bin-ngħas…

 

Padre Lombardi

Allura, fil-lista kellna lil Jung Hae Ko, mill-ġurnal Korean…

 

Jung Ae Ko

Santità, grazzi ħafna taż-żjara tiegħek fil-Korea ta’ Isfel.  Se nagħmillek żewġ mistoqsijiet.  L-ewwel hi: Qabel l-aħħar Quddiesa fil-Katidral ta’ Meyong-dong, int farraġt xi “comfort women”: x’għadda minn moħħok?  Din l-ewwel mistoqsija tiegħi.  It-tieni hi: Pyongyang jafferma li l-Kristjaneżmu jirrappreżenta theddida diretta għar-reġim u t-tmexxija tiegħu.  Aħna nafu li ħaġa terribbli ġrat lill-Insara tal-Korea ta’ Fuq.  Imma ma nafux eżatt x’ġara.  Hemm impenn partikulari min-naħa tiegħek biex tipprova tibdel il-mod kif Pyongyang iħares lejn l-Insara tal-Korea ta’ Fuq?

 

Il-Papa Franġisku

L-ewwel mistoqsija, ħa nirripeti, le?  Il-lum dawn in-nisa kienu hemm għax minkejja t-tbatija kollha li għaddew minnha, għandhom dinjità: ġew b’wiċċhom minn quddiem.  Jiena ħsibt dak li għidt anki ftit ilu, fit-tbatija tal-gwerer, fil-kefrija li ġġib magħha l-gwerra…  Imma dawn in-nisa ġew użati, ġew imjassra, u din kollha kefrija…  F’dan kollu ħsibt.  Id-dinjità li huma għandhom u kemm batew.  U t-tbatija hi wirt għani.  Aħna ngħidu… l-ewwel Missirijiet tal-Knisja kienu jgħidu li d-demm tal-martri hu żerriegħa ta’ Nsara ġodda.  Intom il-Koreani żrajtu ħafna, ħafna.  U biex tibqgħu koerenti.  Issa qed jidher il-frott ta’ dak iż-żrigħ tal-martri.  Fuq il-Korea ta’ Fuq, jiena naf li hi tbatija, dan nafu biċ-ċert: dak veru.  Imma hi tbatija ta’ din il-qasma tal-pajjiż.  Il-lum, fil-katidral, fejn ilbist il-ħwejjeġ għall-Quddiesa, tawni b’rigal kuruna tax-xewk ta’ Kristu, maħduma mill-ħjut tal-ħadid li jifirdu ż-żewġ partijiet tal-Korea waħda.  U nġorru miegħi!  Fuq l-ajurplan dan hu rigal li jiena nġorr miegħi…  It-tbatija tal-firda, ta’ familja maqsuma.  Jiena, kif għidt – il-bieraħ, naħseb, ma niftakarx meta, jew jien u nkellem lill-isqfijiet: ma niftakarx – għandna tama: iż-żewġ Korej huma aħwa, jitkellmu l-istess ilsien; meta titkellem l-istess ilsien dan għax għandek l-istess omm, u dan jimliena bit-tama.  It-tbatija tal-firda hi kbira, dan nifhmu u nitlob biex tieqaf.

 

Padre Lombardi

Issa jmiss lil Pulella, mill-grupp tal-lingwa Ingliża…

 

Pulella

Osservazzjoni u mistoqsija: Bħala Italo-Amerikan ridt nifraħlek għall-Ingliż tiegħek.  M’għandekx għax tibża’.  U jekk qabel tmur l-Amerika, art twelidi, tixtieq tipprattika ftit, jien disponibbli.  Hu x’inhu l-aċċent li tixtieq taqbad, ta’ New York – jien minn New York –, jiena disponibbli.  Il-mistoqsija tiegħi hi din.  Int tkellimt dwar il-martirju: fejn wasalna fil-proċess ta’ l-Isqof Romero?  Int x’tixtieq li joħroġ minn dan il-proċess?

 

Il-Papa Franġisku

Il-proċess kien għand il-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, imblukkat “għall-prudenza”, kienu jgħidu.  Issa m’għadux wieqaf.  Għadda għand il-Kongregazzjoni tal-Qaddisin.  U qed isegwi t-triq normali ta’ kull proċess.  Jiddipendi mill-postulaturi: dak importanti ħafna, li jħaffu, għax jien dak li nixtieq, u li jiġi ċċarata: meta hemm il-martirju in odium fidei, hux għall-istqarrija tal-fidi, hux biex nagħmlu l-ħwejjeġ li jordnalna Ġesù, mal-proxxmu.  U din hi ħidma tat-teologi, li qed jistudjawh.  Għax warajh hemm Rutilio Grande u hemm oħrajn: hemm oħrajn li nqatlu imma li m’għandhomx l-importanza ta’ Romero.  Dan irridu niddistingwuh teoloġikament.  Għalija Romero hu bniedem ta’ Alla, imma jrid isir il-proċess, imma anki l-Mulej irid jagħti s-sinjal tiegħu, hemm…  Jekk hu jrid, dan isir.  Imma issa l-postulaturi jridu jimxu, għax m’hemmx impedimenti.

 

Padre Lombardi

Allura, għandna l-aħħar mistoqsija, nagħtuha lil Céline Hoyeau, li ġiet f’isem La Croix, ġurnal Kattoliku Franċiż.

 

Céline Hoyeaux

Santità, fid-dawl tal-gwerra f’Gaza, fil-fehma tiegħek kienet falliment it-talba għall-paċi organizzata fil-Vatikan fit-8 ta’ Ġunju li għadda?

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi, grazzi tal-mistoqsija tiegħek.  Dik it-Talba għall-Paċi assolutament ma kinitx falliment.  L-ewwel, l-inizjattiva ma ħarġitx minni: l-inizjattiva li nitolbu flimkien ħarġet miż-żewġ Presidenti, mill-President ta’ l-Istat ta’ Israel u mill-President ta’ l-Istat tal-Palestina.  Huma kienu wrewni b’dan it-tħassib.  Imbagħad, ridna nagħmluha hemm, imma ma stajniex insibu l-post it-tajjeb, għax il-prezz politiku għall kull naħa kien kbir wisq jekk immorru n-naħa l-oħra.  In-nunzjatura kienet tkun post newtrali, imma biex jasal fin-nunzjatura l-President ta’ l-Istat tal-Palestina kellu jidħol mil-Lvant ta’ Ġerusalemm u dan ma kienx faċli.  U huma qaluli: “Mela nagħmluha l-Vatikan!  Aħna niġu…”.  Dawn iż-żewġt irġiel huma bnedmin ta’ paċi, huma nies li jemmnu f’Alla, u ġarrbu tant ħwejjeġ koroh, tant ħwejjeġ koroh li huma konvinti li l-unika triq biex tissolva dik il-biċċa hi n-negozjat, id-djalogu u l-paċi.  Imma l-mistoqsija tiegħek, issa: kienet falliment?  Le: jiena nemmen li l-bieb infetaħ.  L-erba’ rappreżentanti li huma – Bartilmew ried li jkun hemm bħala kap ta’ l-Ortodossija, ekumeniku ta’ l-Ortodossija, ma rridx nuża terimini li forsi ma jogħġbux lill-Ortodossi kollha.  Kienet ħaġa tajba li l-Patrijarka Ekumeniku kien hemm magħna.  Imma, infetaħ bieb tat-talb: “Imma rridu nitolbu: dan hu don”.  Il-paċi hi don, don li niksbuh bil-ħidma tagħna, imma hi don.  U ngħidu lill-umanità li barra t-triq tan-negozjat, li hi importanti, tad-djalogu, li hi importanti, hemm anki dik tat-talb.  Tajjeb.  Wara dan, seħħ li seħħ.  Imma dan hu ħaġa tal-mument li seħħ b’kumbinazzjoni.  Dik il-laqgħa ma kinitx ħaġa ta’ dak in-nhar u daqshekk: hi pass fundamentali ta’ atteġġjament uman: it-talb.  Issa d-duħħan tal-bombi, tal-gwerer m’hux iħallina naraw il-bieb, imma l-bieb għadu miftuħ minn dak in-nhar.  U għax jien nemmen f’Alla, jien nemmen li l-Mulej qed iħares lejn dak il-bieb u lejn dawk li jitolbu u dawk li jitolbuh jgħinna.  Eħ iva, għoġbitni dik il-mistoqsija: grazzi, grazzi li għamiltha.  Grazzi.

 

Padre Lombardi

Santità, grazzi ħafna.  Naħseb li għamilt iżjed minn siegħa ta’ konverżazzjoni magħna u għalhekk xieraq issa li tmur tistrieħ ftit fi tmien dan il-vjaġġ.  Fost l-oħrajn, dan il-vjaġġ… aħna nafu li aktarx il-lejla sa tmur lura għand il-Madonna…

 

Il-Papa Franġisku

Mill-ajruport immur dritt għand il-Madonna [ta’ Santa Maria Maggiore]: hi ħaġa sabiħa.  Dr Giani ordna li jġibuli l-fjuri tal-Korea bil-kulur tal-Korea, imma mbagħad jien u ħiereġ min-nunzjatura ġiet tifla ċkejkna b’bukkett fjuri, ward, u għidna: “Imma lill-Madonna neħdulha propju dawn il-fjuri ta’ tifla mill-Korea”.  U dawn se neħdilha.  Mill-ajruport immorru nitolbu ftit hemm u mbagħad għad-dar.

 

Padre Lombardi

Tajjeb.  Kun af li anki aħna sa nkunu miegħek biex nirringrazzjaw lill-Mulej għal dawn il-jiem straordinarji.  U awguri int u tieħu mill-ġdid f’idejk il-ministeru tiegħek f’Ruma, u aħna nkomplu nakkumpanjawk, u nittama li int tkompli tagħtina, kif tajtna f’dawn il-jiem, ħwejjeġ sbieħ fuqiex nitkellmu.  Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku

U grazzi lilkom ta’ xogħolkom, grazzi ħafna…  U skużawni li ma nistax nibqa’ magħkom iżjed fit-tul.  Grazzi, eħ!  L-ikla t-tajba!

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard