LAQGĦA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

MAL-PARTEĊIPANTI TAL-KONVENJU TAD-DJOĊESI TA' RUMA

Bażilika ta' San Giovanni in Laterano

Il-Ħamis, 9 ta' Mejju, 2019

 

Il-Papa Franġisku

Grazzi tal-preżenza tagħkom u tal-attenzjoni.

L-ewwel tentazzjoni li titqanqal wara li ssemmew tant diffikultajiet, tant problemi, tant affarijiet neqsin hija: "Le, le, jeħtieġ norganiżżw il-belt mill-ġdid, norganiżżaw mill-ġdid id-djoċesi, inqegħedu kollox f'postu, norganiżżaw ruħna".  Dan ikun ifisser li qed inħarsu fina nfusna, inkunu qed nidħlu fina nfusna u nagħtu ħarsa ġewwa fina.  Iva, kollox se nerġgħu norganiżżaw u nkunu ġibna f'postu 'l-mużew', il-mużew ekkleżjastiku tal-belt, kollox fl-ordni....  Dan ikun ifisser li qed nikkontrollaw l-affarijiet, nikkontrollaw iż-żgħażagħ, nikkontrollaw il-qlub tan-nies, nikkontrollaw il-familji; inpinġu kollox, kollox perfett.  Imma dan ikun l-akbar dnub tal-mondanitą u tal-ispirtu mondan anti-evanġeliku.  Mhux il-każ li 'nikkontrollaw'.  Fl-interventi ta' qabel smajna dwar l-iżbilanċ tal-belt, l-iżbilanċ fost iż-żgħażagħ, l-anzjani, il-familji...  L-iżbilanċ fir-relazzjonijiet mal-ulied...  Illum ġejna msejħin biex inġorru fuq spallejna dan l-iżbilanċ.  Aħna ma nistgħu nagħmlu xejn tajjeb, evanġeliku jekk nibżgħu mill-iskwilibriju.  Irridu nagħmluh tagħna, nieħdu f'idejna dan l-iżbilanċ.  Dan hu dak li qed jgħidilna l-Mulej, għax l-Evanġelju - nemmen li qed tifhmuni - huwa duttrina "skwilibrata".  Araw il-Beatitudnijiet: jistħoqqilhom il-Premju Nobel tal-iskwilibriju!  Hekk hu magħmul il-Vanġelu.

L-Appostli nħakmu min-nervi meta wasal l-għabex u dik il-folla - ħamest elef irġiel biss - kienet għadha qed tisma' lil Ġesł; u huma ħarsu lejn l-arloġġ u bdew jgħidu: "dan wisq, irridu ngħidu l-Vespri, il-Kompjieta... u nieklu wkoll..."  U fittxew kif se 'jikkontrollaw' is-sitwazzjoni: resqu qrib il-Mulej u qalulu: "Mulej ibgħathom għax il-post imwarrab: ħa jmorru jixtru x'jieklu", fil-wita', fid-deżert.  Din hi l-illużjoni tal-ekwilibriju tal-bnedmin "tal-Knisja", (bejn qawsejn); u jiena nemmen - għidtha diġą imma nsejt fejn - li hemmhekk kien beda l-klerikaliżmu: "ibgħat lin-nies, ħa jitilqu 'l hemm u aħna nieklu dak li għandna".  Forsi dak hu l-bidu tal-klerikaliżmu, li m'hu xejn aktar minn "ekwilibriju", biex nikkkontrollaw l-affarijiet.

Ħadt nota ta' dak li kont qed nisma' u li laqatli qalbi...  Imbagħad, f'dit-triq ta' "nqegħedu kollox f'postu" ikollna djoċesi sabiħa li nagħmluha tiffunzjona.  Klerikaliżmu u funzjonaliżmu.  Qed naħseb - u dan qed ngħidu bil-karitą, imma jeħtieġ ngħidu - fi djoċesi - hemm għadd mhux ħażin, imma f'moħħi għandi waħda partikolari - li għandha kollox jaħdem tajjeb: id-dipartiment ta' dan, id-dipartiment tal-ieħor, u f'kull dipartiment għandha erba', ħamsa, sitt speċjalisti li jistudjaw is-sitwazzjonijiet....  Dik id-djoċesi għandha aktar ħaddiema milli hemm fil-Vatikan!  U llum, dik id-djoċesi - marridx ngħid liema hi għall-karitą - dik id-djoċesi titbiegħed kuljum dejjem aktar minn Ġesł Kristu għax il-kult tagħha huwa "l-armonija", mhux l-armonija tas-sbuħija imma tal-mondanitą funzjonalista.  Hija koloniżżazzjoni ideoloġika ġdida li tipprova tikkonvinċi li l-Vanġelu huwa dehen, huwa duttrina, imma mhux tħabbir, mhux kerygma.  U ħafna jabbandunaw il-kerygma, jivvintaw sinodi u kontro-sinodi, huma biss "riorganiżżazzjoni"  Għaliex?  Għax biex ikun sinodu - u dan jgħodd ukoll għalikom (bħala assemblea djoċesana) - irid ikun hemm l-Ispirtu s-Santu; huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħti daqqa ta' sieq il-mejda, jitfagħha 'l hemm u jibda kollox mill-ġdid.   Nitolbu l-grazzja lill-Mulej li ma nsirux djoċesi funzjonalista.  Imma jiena nemmen illi, minn dak li smajt, l-affarijiet mexjin fid-direzzjoni t-tajba.  U nibqgħu mexjin 'il quddiem.

Illeja nixtieq ukoll nifhem aħjar l-għajta tan-nies tad-djoċesi: dan jgħinna nifhmu aħjar x'qed jitolbu n-nies lill-Mulej.  Dik hija għajta li spiss aħna wkoll ma nisimgħuhiex jew li malajr ninsewha. U dan jiġri għax waqafna ngħixu b'qalbna.  Ngħixu bl-ideat, bil-pjani pastorali, bil-kurżitą, b'soluzzjonijiet "ready made"; imma jeħtieġ li ngħixu bil-qalb.  Laqatni dak li ħass Don Ben (direttur tal-Caritas) għal dak iż-żgħażugħ (li kien rah jiġbor biċċa ħobż minn ġo skip): ħassu jistħi minnu nnifsu, ma kellux ħila jmur jistaqsih: "X'inti taħseb, kif inhi qalbek, x'qed tfittex?"  Jekk il-Knisja ma tagħmilx dawn il-passi tibqa' ċassa, bla tiċċaqlaq, għax ma tagħrafx tisma' bil-qalb.  Knisja truxa għall-għajta tan-nies, widnejha magħluqin għall-belt.

Nixtieq naqsam magħkom xi riflessjonijiet li għandi hawn - li kienu ħejjewli u li jien "tlaqthom" xi ftit -, riflessjonijiet li jdawlu l-mixja għas-sena li ġejja.  Nistgħu nitilqu minn silta mill-Vanġelu: imbagħad infakkar xi siltiet mid-diskors li kont għamilt lill-Knisja Taljana ġo Firenze (10 ta' Novembru, 2015), li hu propju l-istil tal-Knisja tagħna.  "Kemm kien sabiħ dak id-diskors!  Ah! il-Papa tkellem tajjeb, wera t-triq kif imiss", inċensah...  Imma jekk illum nistaqsi: "Għiduli xi ħaġa mid-diskors li għamilt ġo Firenze" - "Eh, iva, ma niftakarx..."  Sparixxa.  Daħal fil-lampik tad-distillazzjoni intellettwali u spiċċa bla saħħa, qiesu tifkira.  Nerġgħu naqbdu d-diskors ta' Firenze illi flimkien mal-'Evangelii Gaudium', hu l-pjan għall Knisja tal-Italja u l-pjan għal dil-Knisja ta' Ruma.

Nistgħu nibdew b'silta mill-Evanġelju.

(Qari minn Mattew 18, 1-14)

Il-Papa Franġisku:

Żommu sew f'moħħkom u fi qlubkom li meta l-Mulej ikun irid jikkonverti lill-Knisja tiegħu, jiġifieri jqarribha lejh, jagħmilha aktar kristjana, dejjem hekk jagħmel: jaqbad lill-iżgħar u jqiegħdu fin-nofs filwaqt li jistieden lil kulħadd  biex isir ċkejken u jumilja ruħu - it-test evanġeliku jgħid litteralment - li għandna niċċekknu, l-istess kif għamel hu, Ġesł.  Ir-riforma tal-Knisja tibda' mill-umiltą, u l-umiltą titwieled u tikber bl-umiljazzjonijiet.  B'hekk jisfgħu newtraliżżati l-pretensjonijiet ta' 'grandezza' tagħna.  Il-Mulej ma jieħux lit-tifel għax hu innoċenti jew l-aktar sempliċi, imma għax taħt it-12-il sena t-tfal ma kellhom ebda importanza soċjali dak iż-żmien.  Hu biss min jimxi wara Ġesł f'dit-triq tal-umiltą u jiċċekken li jkun jista' jikkontribwixxi bis-serjetą fil-missjoni li afdalna l-Mulej.  Min ifittex il-glorja personali la jkun jaf jisma' lill-oħrajn u lanqas jisma' lil Alla; kif se jkun jista' jikkollabora fi-missjoni?  Forsi xi ħadd minnkom, ma nafx min, kien qed jgħidli li ma riedx jinċensa: imma fostna hawa ħafna 'liturġisti' żbaljati li ma tgħallmux jinċensaw tajjeb: minflok jinċensaw lill-Mulej, jinċensaw lilhom infushom u din hi ħajjithom.  Min ifittex il-glorja personali kif jista' jagħraf u jilqa' lil Ġesł fiż-żgħar li qed isejħu lil Alla?  L-ispazju interjuri kollu tiegħu hu mimli bih innifsu jew bill-grupp li jagħmel parti minnu - persuni bħalna, ħafna drabi - u għaldaqstant la għandu għajnejn u lanqas widnejn għall-oħrajn.  Għalhekk, l-ewwel sentiment li jeħtieġ ikollha l-qalb, biex tkun taf tisma', hija l-umiltą u li toqgħod b'seba' għajnejn biex ma tiddisprezzax liċ-ċkejknin, huma min huma, żgħażagħ orfni jew li spiċċaw fil-mina tad-droga, familji mġarrbin bil-ħajja ta' kuljum jew bir-relazzjonijiet ta' bejniethom sfaxxati, midinbin, foqra, barranin, persuni li tilfu l-fidi, persuni li qatt ma kellhom fidi, anzjani, diżabbli, żgħażagħ li jfittxu l-ħobż fl-iskart....kif smajna....  Gwaj għal min jara lil dawn dubbien u jiddisprezza liċ-ċkejknin anki meta l-istil ta' ħajjithom, il-mod kif jirraġunaw, ikunu bogħod ħafna mill-Vanġelu; xejn ma jiġġustifika d-disprezz tagħna.  Min hu nieqes mill-umiltą qatt mhu se jkun evanġeliżżatur tajjeb, għax qatt ma jħares aktar 'l hinn min dak li jidher.  Jara lill-oħrajn biss bħala għedewwa, allat "mingħajr Alla", u jkun jiltef l-okkażjoni li jisma' l-għajta li tidwi ġewwa fihom, għajta li spiss hi uġigħ u ħolma għal 'xi ħaġa aħjar' li fiha tidher ċar il-ħtieġa tas-salvazzjoni.  Jekk il-kburija u s-superjoritą morali mistħajla ma jagħlqulniex is-smigħ, nindunaw li taħt l-għajta ta' ħafna nies m'hemm xejn aktar ħlief it-tnehida tal-Ispirtu s-Santu.  Huwa l-Ispirtu li għal darb'oħra jimbuttana biex ma nikkuntentawx ruħna, biex infittxu nerġgħu nibdew il-mixja; huwa l-Ispirtu li jeħlisna minn din "ir-riorganiżżazzjoni" djoċesana.  Li fost kollox, hija 'gattopardiżmu': irridu nibdlu kollox biex ma jinbidel xejn.

It-tieni ħaġa meħtieġa - l-ewwel l-umiltą: biex tisma' l-ewwel trid tiċċekken - it-tieni ħaġa meħtieġa biex tisma l-għajta hu 'd-diżinteress'.  Dan mistqarr fis-silta tal-Vanġelu bil-parabbola tar-ragħaj li jmur ifittex in-nagħġa l-mitlufa.  M'għandu ebda interess personali x'jiddefendi, dar-ragħaj tajjeb: l-uniku tħassib tiegħu hu li ħadd ma jintilef.  Għandna interessi personali, aħna li ninsabu hawn illejla?  Kull wieħed u waħda naħsbu: liema huma l-interessi moħbija tiegħi, personali, li għandi fl-attivitą tiegħi fi ħdan il-Knisja?  Il-vanitą?  Ma nafx.... kulħadd għandu tiegħu.  Ħsiebna jdur madwar l-istrutturi tal-parroċċa tagħna?, madwar il-ġejjieni tal-istituzzjoni tagħna?, madwar il-kunsens soċjali?, madwar dak li se jgħidu n-nies jekk aħna nagħtu kas tal-foqra, tal-migranti, tar-Rom?  Jew aħna ggranfati ma dik in-naqra poter li għad għandna fuq in-nies tal-komunitą tagħna jew tal-kwartier?  Ilkoll kemm aħna rajna parroċċi li għamlu għażliet serji immexxijin mill-Ispirtu s-Santu, u tant fidili li kienu jmorru hemm tbegħedu għaliex "dal-kappillan huwa esiġenti żżejjed u wkoll xi ftit komunista", u n-nies titlaq.   U meta t-tgemgim ma jasalx għand l-isqof..... U jekk l-isqof mhux kuraġġuz, jekk hu bniedem nieqes mill-umiltą, bniedem bla interess, isejjaħ lis-saċerdot u jgħdilu: "Tesaġerax tafx, ftit bilanċ...".  Iżda l-Ispirtu s-Santu ma jifhmux il-bilanċ, ma jifhmux.  Jifhem il (....).  In-nuqqas ta' interess fina nfusna hu l-kundizzjoni meħtieġa biex inkunu mimlijin interess għal Alla u għall-oħrajn, biex inkunu nistgħu nisimgħuhom verament.  Hemm "id-dnub tal-mera",.  U aħna, saċerdoti, sorijiet, lajċi bil-vokazzjoni li naħdmu, tant drabi naqgħu f'dad-dnub tal-mera: jissejjaħ narċisiżmu jew awtoreferenzjalitą, id-dnubiet tal-mera li jifgawna.  Il-Mulej sama' s-sejħa tal-bnedmin li ltaqa' magħhom u resaq qribhom, għax ma kellu xejn x'jiddefendi u xejn x'jitlef, ma kellux "il-mera": il-kuxjenza tiegħu kienet it-talb, il-kontemplazzjoni flimkien mal-Missier, id-dilka tal-Ispirtu s-Santu.  Dan hu s-sigriet tiegħu, u għalhekk mexa 'l quddiem.  Ħalla lid-disa' u disgħin fiż-żgur u telaq ifittex lil min intilef.  Iżda aħna, kif għidt drabi oħra, spiss ossessjonati dwar il-ftit nagħaġ li baqgħu fil-maqjel.  U ħafna ma jibqgħux ragħajja tan-nagħaġ u jehdew "jippettnaw" in-nagħaġ li jfuħu. U jqattgħu ħinhom kollu jippettnawlhom.  Ħafna?  Le.  Għaxra....., ftit li xejn.... Ikraħ dan.  Qatt ma nsibu l-kuraġġ li mmorru nfittxu lill-oħrajn, li dawk li ntiflu, li qed iterrqu mogħdijiet li aħna qatt ma għaddejna minnhom.  Jekk jogħġobkom ejjew nikkonvinċu ruħna li kollox jista' jitaħalla, kollox jista' jkun sagrifikat għall-ġid tal-missjoni.  Inħallu wrajna l-kburija, inkunu umli, inħallu l-kumditajiet, l-interess fina nfusna.  Quddiem il-missjoni Mosč beża', għamel elf reżistenza u oġġezzjoni: ipprova jipperswadi lil Alla biex jgħid lil xi ħadd ieħor; imma fl-aħħar niżel b'Alla f'nofs il-poplu tiegħu li qagħad jisma'.  Jalla l-Mulej jimlielna qlubna bil-qlubija u l-libertą ta' min mhux marbut mal-interessi u bl-empatija u s-simpatija jrid imur qalb id-dielja tal-oħrajn.

L-aħħar sinjal tal-qalb, meħtieġ biex nisimgħu l-għajta u nevanġeliżżaw hu, li nkunu ġarrabna l-Beatitudnijiet.  Illum kont qed nitkellem ma' Rabbi, ħabib kbir tiegħi, li ġie minn Buenos Aires, li qalli: "Fil-Liġi jien nara li l-punt tat-tluq għad-djalogu ġudeo/kristjan huwa l-liġi tal-imħabba: Ħobb lil Alla tiegħek b'qalbek kollha u lill-proxxmu bħalek innifsek.  U fil-Vanġelu, fil-kotba nsara, liema taħseb li hu t-test li jista' jgħinna ħafna?"  Weġibtu minnufih: "Il-Beatitudnijiet".  Il-Beatitudnijiet huma messaġġ nisrani, imma wkoll uman.  Huma l-messaġġ li jgħinek tgħix, il-messaġġ tan-novitą.....  Dejjem sibt faraġ fil-ħsieb li l-Beatitudnijiet jaslu wkoll lin-nies pagani jew anjostiċi.  Ghandi nnifsu fi żmienu kien stqarr li dak kien it-test preferut tiegħu.  Il-Beatitudnijiet: iffiser li nkunu tgħallimna mingħand il-Mulej u mill-ħajja, fejn jinsab il-ferħ veru, dak li jtina l-Mulej u nagħrfu niddixxernu fejn nistgħu nsibu u fejn nistgħu ngħinu lill-oħrajn isibuh, bla ma niżbaljaw it-triq.  Min jiżbalja t-triq jew jitfixkel, forsi għax konvint bil-prużunzjoni li miexi fit-triq t'Alla, jirriskja li jġiegħel lil ħaddieħor jiżbalja jew jitfixkel.  Dan narawh f'ċerti movimenti pelaġjani jew f'xi movimenti eżoteriċi jew njostiċi li llum jinsabu fostna: kollha jitfixklu, ilkoll kemm huma, m'għandhomx ħila jimxu lejn xi xefaq, jimxu ftit 'il quddiem biex iduru lura fuqhom infushom; dawn huma l-proposti egoċentriċi.  Minflok, il-Beatitudnijiet huma teoċentriċi, iħarsu lejn il-ħajja, imexxuk 'il quddiem, ineżżgħuk, imma tħossok eħfef biex timxi wara Ġesł.  U Ġesł jgħidilna biex ma nagħtux skandlu liż-żgħar.  Għaliex?  Għaliex l-iskandlu hu l-ġebla li tgerbek.  Int ma fhimtx l-ispirtu tal-Beatitudnijiet.  Niftakru ftit fid-dinja tad-dutturi tal-Liġi: kienu tifxkil bla heda għall-poplu.  Il-poplu kien jaf li ma kellhomx awtoritą: kienu jiskandaliżżaw.  U f'dit-triq nispiċċaw biex insiru gwidi għomja: nitfixklu aħna u nfixklu lil dawk li nippretendu li nkunu qed ngħinuhom.

Lill-persuni fraġli, miġrugħin mill-ħajja jew mid-dnub, liż-żgħar li jagħjtu lil Alla, nistgħu u għandna noffrulhom il-ħajja tal-Beatitudnijiet li nkunu ġarrabna aħna wkoll, jiġifieri l-ferħ tal-laqgħa mal-ħniena t'Alla, is-sbuħija ta' ħajja komunitarja ta' familja fejn kulħadd milqugħ b'li hu, kif inhu, fejn hemm relazzjonijiet tassew umani mimlijin ħlewwa.  Hija kelma li tirriskja li tispiċċa mid-dizzjunarju, kif donnu kważi tneħħa l-verb "żiegħel"...  Il-ħlewwa, it-tenerezza, il-ġesti ta' tenerezza ta' Ġesł...  Bil-ħlewwa, kulħadd ikun milqugħ kif inhu.  L-għana tal-mezzi l-aktar foqra, mingħajr effetti speċjali...  Illum, fil-laqgħa mar-Rom sibt lil Swor Genevičve li ilha ħamsin sena tgħix fosthom, anki man-nies taċ-ċirku tal-luna park, f'roulotte.  Sempliċi, titlob, titbissem, iżżiegħel, tagħmel il-ġid bil-Beatitudnijiet.  Il-mezzi li ma jiswewlek xejn, tas-smigħ, tad-djalogu wiċċ imb'wiċċ, l-entużjażmu li taħdem bil-kuraġġ għall-ġustizzja u għall-paċi, l-għajnuna reċiproka fil-ħin tal-għeja jew tal-persekuzzjoni, l-isplendur ta' kuljum li tikkontempla b'qalb safja l-wiċċ ta' Alla fil-liturġija, fis-smigħ tal-kelma, fit-talb, fil-foqra..  Jidhrilkom li dan hu ftit?  Din hi t-triq.

Huwa minnu li l-Beatitudnijiet li rregalalna Alla mhumiex "l-ispeċjalitą" tagħna: għad irridu nitgħallmu; tul dit-triq għad irridu nfittxu noffru lill-konċittadini tagħna l-ispeċjalitą li tgħinhom jikbru.  U meta jsibuha, hekkhu li l-fidi twarrad, tagħmel l-għeruq, titlaqqam mid-dielja li hi l-Knisja li minnha tirċievi l-ilma tal-ħajja tal-Ispirtu.  Taħsbu li nistgħu noffru xi ħaġ'oħra lid-dinja jekk mhux il-Vanġelu emmnut u mgħix?  Nitlobkom, ma niskandaliżżawx liż-żgħar billi noffrulhom spettaklu ta' komunitą prużuntuża...  Nistedinkom iżżuru l-Elemożinerija Appsotolika: hemmhekk, il-Kardinal Krajewski, li hu xi ftit "xifjak", poġġa ritratt li kien ħa fotografu żgħażugħ minn Ruma, artista: hemm il-bieb ta' ristorant, fix-xitwa, u minnu ħierġa sinjura li għandha ċertu etą, kważi anzjana, bil-'fur', bil-kappell, bl-ingwanti, sinjura eleganti ħafna, tħares lejha biss donnok ixxomm xi fwieħa Franċiża, kollox perfett...., u fejn il-bieb, fuq il-bankina, mara oħra liebsa mtertaq, li qed tnewwel idha; u dik il-mara  eleganti tħares in-naħa l-oħra.  Dak ir-ritratt jismu 'indifferenza'.  morru arawh.  Ma niskandaliżżawx liż-żgħar.  Ma naqgħux fl-indifferenza.  jekk noffru spettaklu ta' komunitą prużuntuża - bħal dar-ritratt -, interessata, bil-geddum, li tgħix bil-kopetizzjoni, bil-kunflitt, bl-esklużjoni, ikun jistħoqqilna kliem Ġesł: "M'għandix bżonnkom, ma tiswew għal xejn.  Anzi, peress li aktarx li tagħmlu ħafna ħsara - x'aktax jgħidilna Ġesł - ikun aħjar jekk tgħibu u tinxteħtu f'qiegħ il-baħar".  Biex ma niskandaliżżawx.  Ruma hi ftit bogħod mill-baħar, imma nistgħu ngħidu: "Mur inxteħet fix-xmara Tevere".

Ġo Firenze kont tlabt ukoll lill-parteċipanti kollha tal-Konvenju biex jerġgħu jaqbdu f'idejhom l-Evangelii Gaudium.  Dan hu t-tieni punt tat-tluq għall-evanġeliżżazzjoni post-konċiljari.  Għaliex qed ngħid it-tieni punt tat-tluq?  Għax l-ewwel punt tat-tluq hu l-akbar dokument importanti li ħareġ wara l-Konċilju: l-Evangelii Nuntiandi ta' Pawlu VI, (8 ta' Diċembru, 1975).  L-Evangelii Gaudium huwa aġġornament, imitazzjoni tal-Evangelii Nuntiandi għal-lum, imma l-qawwa tinsab fl-ewwel dokument.  Ħudu f'idejkom l-Evanngelii Gaudium, morru lura lejn il-mixja ta' trasformazzjoni missjunarja tal-komunitajiet insara li hemm proposti fl-Eżortazzjoni.  Lilkom illejla nitlobkom tagħmlu l-istess ħaġa, u niġbdilkom l-attenzjoni lejn silta partikolari tat-tieni kapitlu tal-Evangelii Gaudium, dik dwar l-isfidi tal-evanġeliżżazzjoni, l-isfidi tal-kultura urbana; il-paragrafi minn 61 sa 75.  Nisħaq fuq żewġ punti li, in vista tas-sena li ġejja, jirrappreżentaw ukoll żewġ ħidmiet li jien qed nafdalkom.

1) Ikollna ħarsa kontemplattiva fuq il-ħajja ta-persuni li jgħixu fil-belt.  Inħarsu.  U biex nagħmlu dan, infittxu li f'kull parroċċa nifhmu kif jgħixu n-nies, kif jaħsbu, xi jħossu l-abitanti tal-kwartier tagħna, adulti u żgħażagħ; nippruvaw insiru nafu l-istejjer tal-ħajja.  Stejjer ta' ħajja eżemplari, ta' tifsir, kif tgħix il-maġġoranza tal-persuni.  Nistgħu nsiru nafu dawn l-istejjer tal-ħajja billi bil-ħbiberija nistaqsu lill-ġenituri tat-tfal u tal-adoloxxenti, jew inkella billi mmorru nżuru lill-anzjani, jew billi nintervistaw lill-istudenti tal-iskejjel, bi ftehim mal-għalliema tagħhom.  Semmejt lill-anzjani: jekk jogħġobkom, tinsewhomx.  Issa għandhom aktar min jieħu ħsiebhom għax minħabba li hemm nuqqas ta' xogħol, l-anzjani għandhom il-pensjoni u jieħdu ħsiebhom aktar, l-anzjan....  Imma ħalluhom jitkellmu lill-anzjani: mhux biex issiru antikwati, le, imma biex ikollkom ir-riħa tal-għeruq u tkunu tistgħu tibqgħu mexjin 'il quddiem magħqudin ma' dawn l-għeruq.  Aħna, b'dit-tekonoloġija virtwali, nirriskjaw li nitilfu għeruqna, nispiċċaw bla għeruq, likwidi - kif kien jgħid filosfu - inkella, kif inħobb ngħid jien, insiru gass, bla konsistenza, għax ma jkollniex għeruq u nkunu tlifna s-sugu tal-għeruq li jkabbarna, li bih inwarrdu, biex nagħtu l-frott.   Inħalluhom jitkellmu lill-anzjani: tinsewhiex din.  Nisimgħu lin-nies għax l-għajta tagħhom qed isir dejjem aktar l-għajta taż-żgħar.  Imma fuq kollox armaw lilkom infuskom b'ħarsa kontemplattiva, biex tersqu b'dil-ħarsa... U toqorbu, tmissu r-realtą.  Il-mess, fost il-ħames sensi hu l-aktar sħiħ, l-aktar komplet.

2) It-tieni biċċa xogħol: ħarrġu fikom infuskom ħarsa kontemplattiva fuq il-kulturi l-ġodda li jinbtu fil-belt.  Nafuha, il-belt ta' Ruma hija organiżmu li jħabbat bħall-qalb: ejjew nagħrfu li hemmhekk, fejn il-persuni jgħixu u jiltaqgħu, dejjem qed tinbet xi ħaġa ġdida li tmur 'l hinn mill-istejjer tal-abitanti singolarment.  Fl-Evangelii Gaudium sħaqt li huma propju l-kuntesti urbani l-imkejjen fejn tinbet kultura ġdida: rakkonti ġodda, simboli ġodda, mudelli ġodda, lingwaġġi ġodda (cfr n. 73).  Jeħtieġ nifhmuhom; insibuhom u nifhmuhom.  U dan kollu jipproduċi t-tajjeb u l-ħażin.  Il-ħażen spiss hu quddiem għajnejn kulħadd: "ċittadini bin-nofs, mhux ċittadini, skart urban" (ibid., 74), għax hemm nies li m'għandhomx aċċess għall-istess possibiltajiet tal-ħajja bħall-oħrajn u oħrajn li jisfaw skartati; segregazzjoni, vjolenza, korruzzjoni, kriminalitą, traffikar tad-droga u tal-persuni, abbuż fuq il-minuri u anzjani abbandunati.  B'hekk jinħolqu tensjonijiet insopportabbli.  Kif fakkartu intom, f'ħafna kwartieri ta' Ruma hemm gwerer bejn il-foqra, diskriminazzjoni, xenofobija u razziżmu wkoll.  Illum fil-Vatikan iltqajt ma' 500 Rom u smajt affarijiet ta' qsim il-qalb.  Xenofobija.  Oqgħodu attenti għax il-fenomenu kulturali dinji, ħa ngħidu, tal-anqas dak Ewropew, tal-populiżmu qed jikber u jiżra' l-biża'.  Imma fil-belt hemm ukoll ħafna tajjeb, għax hemm irqajja pożittivi, irqajja għammiela: hemm, fejn iċ-ċittadini jiltaqgħu u jiddjalogaw b'mod solidali u kostruttiv, hemmhekk tinħoloq "nisġa li tgħaqqad fejn persuni u gruppi jaqsmu bejniethom diversi modi dwar kif joħolmu l-ħajja, immaġinarji simili, u jinbtu setturi umani ġodda, territorji kulturali inviżibbli" (ibid.)

Il-Mulej ibierek is-smigħ li bih nisimgħu l-belt.  U mbagħad nagħtu appuntment lil xulxin għal żmien il-Pentekoste.  Għalina tkun laqgħa mal-wiċċ tal-Mulej fl-għollieq jaqbad.  Inneħħu s-sandlijiet, ngħattu wiċċna u lil Alla ngħidulu l-'iva' tagħna: Nimxu warajk int u nieżel qalb il-poplu biex tisma' l-għajta tal-foqra.

Grazzi!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber