1. L-essenzjali fil-missjoni tal-Kongregazzjoni

Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ordinazzjoni ta’ Isqof, il-Knisja miġbura, wara l-invokazzjoni lill-Ispirtu s-Santu, titlob li jiġi ordnat il-kandidat imressaq quddiemha.  Min ikun jippresiedi f’dak il-ħin jistaqsi: “Għandkom il-mandat?”.  F’din il-mistoqsija jidwi mill-ġdid għemil il-Mulej: “U sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn…” (Mk 6:7).  Fl-aħħar mill-aħħar, il-mistoqsija tista’ ssir anki hekk: “Intom ċerti li ismu ġie mlissen mill-Mulej?  Ċerti li hu l-Mulej li qed jgħoddu fost dawk li sejjaħ biex jibqgħu Miegħu b’mod uniku u biex jafdalhom f’idejhom il-missjoni li m’hix tiegħu, imma ġiet fdata lill-Mulej mill-Missier?”.

 

Din il-Kongregazzjoni teżisti biex tgħin ħalli jinkiteb dan il-mandat, li mbagħad jerġa’ jidwi f’tant Knejjes u jwassal ferħ u tama lill-Poplu Qaddis ta’ Alla.  Din il-Kongregazzjoni teżisti biex tiżgura li l-isem ta’ min hu magħżul ġie qabel xejn imlissen mill-Mulej.  Din hi l-missjoni kbira fdata lill-Kongregazzjoni ta’ l-Isqfijiet, din hi l-aktar ħidma impenjattiva tagħha: li tidentifika lil dawk li l-istess Spirtu s-Santu jaħtar biex ikunu fit-tmun tal-Knisja tiegħu.

 

F’kull żmien u post, fuq fomm il-Knisja nistgħu naqraw din it-talba: Agħtina Isqof!  Il-Poplu qaddis ta’ Alla jissokta jgħid: Għandna bżonn ta’ wieħed li jħares fuqna mill-għoli; għandna bżonn ta’ wieħed li jħares lejna bl-istess qalb kbira ta’ Alla; m’għandniex bżonn ta’ maniġer, delegat amministratur ta’ xi azjenda, u lanqas wieħed li qiegħed fl-istess livell ta’ l-intietef u l-pretensjonijiet żgħar tagħna.  Neħtieġu wieħed li għandu l-ħila jogħla ’l fuq għal-livell ta’ ħarset Alla fuqna biex jista’ jmexxina lejH.  Għalina hemm futur biss fil-ħarsa ta’ Alla.  Għandna bżonn ta’ min – għax iktar ħsiebu fil-qasam vast ta’ Alla milli fil-ġnien ċkejken tiegħu – jista’ jiggarantila li dak li għalih qed jimmiraw qlubna m’hux xi wegħda vojta.

 

In-nies tinsab miexja bi tbatija fuq il-pjanura tal-ħajja ta’ kuljum, u għandha bżonn tiġi mdawla minn min għandu l-ħila jħares lejn ir-realtà mill-għoli.  Għalhekk ma rridu qatt inwarrbu minn quddiem għajnejna l-ħtiġijiet tal-Knejjes partikulari li għalihom irridu naħsbu.  Ma jeżisti l-ebda Ragħaj standard li jgħodd għall-Knejjes kollha.  Kristu jaf liema huma l-karatteristiċi uniċi tar-Ragħaj li kull Knisja teħtieġ biex jista’ jwieġeb għall-ħtiġijiet tagħha u jgħinha tilħaq il-potenzjalitajiet tagħha.  L-isfida tagħna hi li nidħlu fl-ottika ta’ Kristu, u nżommu f’moħħna s-singularità tal-Knejjes partikulari.

 

2. Ix-xefaq ta’ Alla jiddetermina l-missjoni tal-Kongregazzjoni

Biex nistgħu nagħżlu dawn il-ministri jeħtieġ li kollha kemm aħna nogħlew, nitilgħu anki aħna fis-“sular ta’ fuq”.  Ma nistgħux ma nitilgħux, ma nistgħux nikkuntentaw ruħna bil-kejl baxx.  Jeħtieġ nogħlew iżjed u ’l fuq mill-preferenzi, simpatiji, appartenenzi jew tendenzi li għandna, biex hekk nistgħu nidħlu fil-kobor tax-xefaq ta’ Alla u nsibu dawn il-persuni li bħalu kapaċi jħarsu mill-għoli.  Mhux bnedmin ikkundizzjonati mill-biża’ li tiġi minn isfel, imma Rgħajja mogħnija bil-parresia, b’ħila li jiżguraw għad-dinja sagrament ta’ għaqda (Kostituzzjoni Lumen gentium, 1) fejn għalhekk l-umanità m’hix destinata għat-telfien.

 

Hu dan l-obbjettiv għoli, imfassal mill-Ispirtu, li jiddetermina l-mod ta’ kif għandha tiżvolġi din il-ħidma ġeneruża u impenjattiva, li għaliha jiena grat mhux ftit lejn kull wieħed minnkom, ibda mill-Kardinal Prefett Marc Ouellet u flimkien miegħu intom ilkoll, Kardinali, Arċisqfijiet u Isqfijiet Membri.  Kelma speċjali ta’ rikonoxximent tmur għall-Uffiċċjali tad-Dikasteru, li b’ġenerożità fil-ħidma tagħhom, fis-skiet u bis-sabar jikkontribwixxu għas-servizz siewi li jipprovdu għall-Knisja r-Rgħajja li teħtieġ.

 

Jien u niffirma n-nomina ta’ kull Isqof, nixtieq nista’ mmiss b’idejja l-awtorevolezza tad-dixxerniment tagħkom u l-kobor ta’ l-orizzonti fejn jimmatura l-parir tagħkom.  Għalhekk, l-ispirtu li jmexxi x-xogħol tagħkom, mill-ħidma xejn ħafifa ta’ l-Uffiċċjali sad-dixxerniment tas-Superjuri u l-Membri tal-Kongregazzjoni, ma jistax ikun ħlief dak il-proċess umli, sieket u bieżel li jsir għad-dawl li jiġi mill-għoli.  Professjonalità, servizz u ħajja ta’ qdusija: jekk nitbiegħdu minn dawn it-tliet kwalitajiet, inkunu qed ninqatgħu mill-kobor li għalih ġejna msejħa.

 

3. Il-Knisja Appostolika bħala għajn

Mela fejn insibuh dan id-dawl?  Il-kobor tal-Knisja dejjem insibuh fl-abbissi l-iżjed fondi tal-pedamenti tagħha.  Fil-Knisja Appostolika nsibu dak li hu għoli u profond.  L-għada tal-Knisja jgħix dejjem f’għeruqha.

 

Għalhekk, nistedinkom tiftakru u terġgħu “iżżuru” l-Knisja Appostolika biex hemm tfittxu l-kriterji meħtieġa.  Nafu li l-Kulleġġ Episkopali, li fih bl-ordinazzjoni sagramentali jidħlu l-Isqfijiet, hu suċċessur tal-Kulleġġ Appostoliku.  Id-dinja għandha bżonn tkun taf li hemm din is-Suċċessjoni li ma taqtax.  Ta’ l-inqas fil-Knisja, din ir-rabta ma’ l-arché divina qatt ma tfarrket.  In-nies diġà ġarrbet b’tant tbatija l-esperjenza ta’ tant tifrik: fil-Knisja għandha bżonn issib dak l-istabbiltà dejjiema tal-grazzja tal-bidu.

 

4. L-Isqof bħala xhud ta’ Kristu Rxoxt

Mela ejjew inħarsu mill-qrib lejn il-mument li fih il-Knisja Appostolika, wara t-tradiment ta’ Ġuda, riedet tiġbor flimkien mill-ġdid il-Kulleġġ tat-Tnax.  Mingħajr it-Tnax ma tistax tissawwab il-milja ta’ l-Ispirtu.  Is-suċċessur ifittxuh fost dawk li sa mill-bidu mxew wara Ġesù u issa, “flimkien mat-Tnax”, jista’ jsir “xhud tal-qawmien” (ara Atti 1:21-22).  Jeħtieġ li minn fost id-dixxipli ta’ Ġesù jingħażlu x-xhieda ta’ Kristu Rxoxt.

 

Minn hawn joħroġ il-kriterju essenzjali biex inpinġu l-wiċċ ta’ l-Isqfijiet li rridu li jkollna.  Min hu x-xhud ta’ l-Irxoxt?  Hu dak li mexa wara Ġesù sa mill-bidu u jiġi magħżul flimkien ma’ l-Appostli bħala xhud tal-Qawmien tiegħu.  Għalina wkoll dan hu l-kriterju li jiġbor kollox: l-Isqof hu dak li jaf jagħmel preżenti l-lum dak kollu li għadda minnu Ġesù u fuq kollox jaf, flimkien mal-Knisja, ikun xhud tal-Qawmien tiegħu.  L-Isqof hu qabel xejn martri ta’ Kristu Rxoxt.  M’hux xi xhud iżolat, imma flimkien mal-Knisja.  Ħajtu u l-ministeru tiegħu jridu jagħmlu l-Qawmien kredibbli.  Jingħaqad ma’ Kristu fis-salib tal-vera għotja tiegħu nnifsu, u jara li għall-Knisja tiegħu tnixxi dik l-għajn tal-ħajja li ma tmut qatt.  Il-kuraġġ li jmut, il-ġenerożità li jagħti ħajtu u jissagrifika ruħu għall-merħla, huma mnaqqxa fuq id-“DNA” ta’ l-Isqof.  Iċ-ċaħda u s-sagrifiċċju huma naturali għall-missjoni episkopali.  U dan irrid nagħfas fuqu: iċ-ċaħda u s-sagrifiċċju huma naturali għall-missjoni episkopali.  L-episkopat mhux qiegħed hemm għalih innifsu imma għall-Knisja, għall-merħla, għall-oħrajn, fuq kollox għal dawk li fil-fehma tad-dinja huma ta’ min jarmihom.

 

Għalhekk, biex jintgħażel Isqof, ma tgħoddx il-lista tal-kwalitajiet umani, intellettwali, kulturali u lanqas pastorali li għandu.  Il-profil ta’ Isqof mhux is-somma matematika tal-virtujiet tiegħu.  Ċertament neħtieġu wieħed li jeċċella (CIC, can. 378 § 1): l-integrità umana tiegħu hi garanzija tal-ħila tiegħu li jibni relazzjonijiet tajbin, bilanċjati, biex ma jgħabbix l-oħrajn bin-nuqqasijiet tiegħu u jsir fattur ta’ instabbiltà; is-solidità Kristjana tiegħu hi essenzjali biex jista’ jħabrek għall-fraternità u l-komunjoni; l-imġiba retta tiegħu tixraq lill-pożizzjoni għolja tad-dixxipli tal-Mulej; il-preparazzjoni kulturali tiegħu tippermettilu li jiddjaloga mal-bnedmin u l-kulturi tagħhom; l-ortodossija u l-fedeltà tiegħu lejn il-Verità sħiħa mħarsa mill-Knisja tagħmlu kolonna u punt ta’ riferiment; bid-dixxiplina tiegħu minn ġewwa u minn barra jkun kapaċi jikkontrolla lilu nnifsu u jiftaħ spazji ġodda li fihom jilqa’ u jmexxi lill-oħrajn; il-ħila tiegħu li jiggverna b’idejn sodi ta’ missier tiggarantixxi ċ-ċertezza ta’ l-awtorità li tgħin jikber lil ħaddieħor; it-trasparenza u d-distakk tiegħu fl-amministrazzjoni tal-ġid tal-komunità juru awtorevolezza u jiksbulu r-rispett ta’ kulħadd.

 

Imma dawn il-kwalitajiet essenzjali kollha huma varjazzjonijiet tax-xhieda ewlenija ta’ l-Irxoxt, subordinati għal dan l-impenn primarju.  Hu l-Ispirtu ta’ Kristu Rxoxt li joħloq ix-xhieda tiegħu stess, li jiġbor flimkien u jgħolli ’l fuq il-kwalitajiet u l-valuri li jsawru l-Isqof.

 

5. Is-sovranità ta’ Alla, awtur ta’ l-għażla

Imma nerġgħu lura għat-test dwar l-Appostli.  Wara d-dixxerniment qawwi tiġi t-talba ta’ l-Appostli: “Mulej, int li tagħraf il-qalb ta’ kulħadd int għażilt” (Atti 1:24) u “tefgħu x-xorti” (Atti 1:26).  Minn hawn nitgħallmu liema għandha tkun il-klima għall-ħidma tagħna u min hu l-Awtur veru ta’ l-għażliet tagħna.  Ma nistgħux nitbiegħdu minn dan l-“urina int, Mulej”.  Hu dejjem tabilħaqq essenzjali li niżguraw is-sovranità ta’ Alla.  L-għażliet m’għandhomx jiġu ddettati mill-pretensjonijiet tagħna, mill-“stalel fejn inrawmu ż-żwiemel tagħna”, u lanqas ikkundizzjonati minn klikek u eġemoniji.  Biex nistgħu niggarantixxu din is-sovranità hemm żewġ atteġġjamenti fundamentali: it-tribunal tal-kuxjenza tagħna quddiem Alla u l-kolleġġjalità.  U dawn huma garanzija.

 

Sa mill-ewwel passi tal-ħidma kumplessa tagħna (min-Nunzjaturi għall-ħidma ta’ l-Uffiċċjali, Membri u Superjuri), dawn iż-żewġ atteġġjamenti huma essenzjali: il-kuxjenza quddiem Alla u l-impenn kolleġġjali.  Mhux il-fehma ta’ wieħed waħdu, imma d-dixxerniment flimkien.  Ħadd ma jista’ jkollu l-par kollu f’idejh, imma kull wieħed jgħaddi b’umiltà u b’onestà t-tessera tiegħu għal dak il-mużajk li hu ta’ Alla.

 

Din il-viżjoni fundamentali twassalna biex inwarrbu għall-ġenb id-dgħajjes ċkejkna tagħna li jibqgħu mwaħħla biss mal-kosta, biex insalpaw fir-rotta tal-ġifen kbir tal-Knisja ta’ Alla, ix-xefaq universali tiegħu ta’ salvazzjoni, il-boxxla soda tal-Kelma u tal-Ministeru, iċ-ċertezza tan-nifs ta’ l-Ispirtu li jmexxih u tal-port żgur li hemm jistennih.

 

6. Isqfijiet “kerigmatiċi”

Hemm kriterju ieħor li jgħallimhulna Atti 6:1-7: l-Appostli jqiegħdu jdejhom fuq dawk li ħa jaqdu fl-imwejjed għax ma jistgħux huma “iħallu l-Kelma ta’ Alla”.  La l-fidi tiġi mis-smigħ, għandna bżonn ta’ Isqfijiet kerigmatiċi.  Rġiel li jagħmlu aċċessibbli l-“għalikom” li dwaru jitkellem San Pawl.  Rġiel li jħarsu d-duttrina mhux biex joqogħdu jkejlu kemm id-dinja qed tgħix ’il bogħod mill-verità tal-kontenut tagħha, imma biex jiġbdu lejhom id-dinja, biex iġennuha bil-ġmiel ta’ l-imħabba, biex jisseduċuha bl-offerta tal-ħelsien li jagħti l-Vanġelu.  Il-Knisja m’hix bżonn ta’ apoloġisti tal-kawżi tagħha u lanqas ta’ kruċjati tal-battalji tagħha, imma ta’ bdiewa umli u fiduċjużi tal-verità, li jafu li din dejjem qed tingħata lilhom mill-ġdid u jafdaw fil-qawwa tagħha.  Isqfijiet li jafu li anki meta taqa’ fuqhom id-dalma tal-lejl u l-ħidma tal-ġurnata tħallihom għajjiena mejta, iż-żerriegħa ġewwa l-għalqa tkun qed tnibbet.  Rġiel li jafu jistabru għax jafu li s-sikrana qatt m’hi ħa tkun daqshekk kbira fl-għadd li timla l-għalqa kollha.  Il-qalb tal-bniedem hi magħmula għall-qamħ; kien l-għadu li bil-moħbi tefa’ ż-żerriegħa l-ħażina.  Madankollu, jiem is-sikrana diġà huma magħduda.

 

Dan nixtieq nagħfas sew fuqu: irġiel li jafu jistabru!  Jgħidu li l-Kardinal Siri kien jieħu gost itenni: “Ħamsa huma l-virtujiet ta’ Isqof: l-ewwel il-paċenzja, it-tieni l-paċenzja, it-tielet il-paċenzja, ir-raba’ l-paċenzja, u fl-aħħar il-paċenzja ma’ dawk li jistednuna nistabru”.

 

Għalhekk pjuttost hemm bżonn nimpenjaw ruħna biex inħejju sewwa l-art, il-medda għaż-żergħa.  Jew naġixxu bħala bdiewa fiduċjużi, u naħarbu l-biża’ ta’ min jimla moħħu li l-ħsad jiddipendi minnu biss, jew l-atteġġjament iddisprat ta’ studenti ta’ l-iskola li, wara li ttraskuraw xogħolhom, issa jokorbu li m’hemm xejn iżjed x’tagħmel.

 

7. Isqfijiet li jitolbu

L-istess silta minn Atti 6:1-7 titkellem dwar it-talb bħala waħda miż-żewġ ħidmiet essenzjali ta’ l-Isqof: “Mela, l-aħwa, ħudu ħsieb u agħżlu minn fostkom sebat irġiel li għandhom isem tajjeb u li huma mimlijin bl-Ispirtu u bl-għerf, u nħallu din il-ħidma f’idejhom.  U aħna nagħtu ruħna għat-talb u għall-ministeru tal-kelma” (vv. 3-4).  Tkellimt dwar Isqfijiet kerigmatiċi, u issa qed insemmi aspett ieħor ta’ l-identità ta’ l-Isqof: hu bniedem ta’ talb.  L-istess parresia li għandu jkollu fix-xandir tal-Kelma, għandu jkollu wkoll fit-talb, fejn jitkellem ma’ Alla Sidna fuq il-ġid tal-poplu tiegħu, is-salvazzjoni tal-poplu tiegħu.  Qalbieni fit-talb ta’ interċessjoni bħal Abraham, li kien jinnegozja ma’ Alla s-salvazzjoni ta’ dawk in-nies (ara Ġen 18:22-33); bħal Mosè meta jħossu bla ħila li jmexxi l-poplu (Num 11:10-15), meta l-Mulej hu mxebba’ mill-poplu tiegħu (ara Num 14:10-19), jew meta jgħidlu li wasal biex jeqred lill-poplu u jwiegħdu li jagħmlu mexxej ta’ poplu ieħor.  Dak il-kuraġġ li quddiemU jgħid le, m’iniex ħa ninnegozja l-poplu tiegħi! (ara Eż 32:11-14,30-32).  Bniedem li m’għandux il-kuraġġ jiddiskuti ma’ Alla favur il-poplu tiegħu ma jistax ikun Isqof – dan ngħidu minn qalbi, jien konvint minnu –, u lanqas dak li m’għandux il-ħila jwettaq il-missjoni li jwassal lill-poplu ta’ Alla f’dak il-post li Hu, il-Mulej, jurih (ara Eż 32:33-34).

 

U dan jgħodd ukoll għas-sabar Appostoliku: l-istess hypomone li jrid iħaddem fil-predikazzjoni tal-Kelma (ara 2 Kor 6:4), irid ikollu wkoll fit-talb.  L-Isqof irid ikollu l-ħila “jidħol bis-sabar” quddiem Alla, iħares lejn Alla u jħalli lil Alla jħares lejh, ifittex lil Alla u jħalli lil Alla jfittxu, isib lil Alla u jħalli lil Alla jsibu, bis-sabar kollu quddiem il-Mulej.  Ħafna drabi jispiċċa jorqod quddiem il-Mulej, imma din ħaġa tajba, tagħmel tajjeb!

 

Parresia u hypomone fit-talb huma bħal forġa għall-qalb ta’ l-Isqof u jseħbuh fil-parresia u fil-hypomone li għandu jkollu fix-xandir tal-Kelma fil-kerigma.  Dan nifhem jien meta naqra l-vers 4 tal-kapitlu 6 ta’ l-Atti ta’ l-Appostli.

 

8. Isqfijiet Rgħajja

Fi kliemi lir-Rappreżentati Pontifiċji, hekk spjegajtu l-profil tal-kandidati għall-episkopat: huma Rgħajja qrib nieshom, “missirijiet u aħwa, ġwejdin, ta’ sabar u ħniena; iħobbu l-faqar, interjuri għax ħielsa għall-Mulej u anki esterjuri għax ta’ ħajja sempliċi u awstera, nies li ma jimxux bi psikoloġija ta’ ‘Prinċpijiet’; …li m’humiex ambizzjużi u li ma jfittxux l-episkopat huma… huma għarajjes tal-Knisja, bla ma l-ħin kollu jitilfu għaqalhom wara oħra – dan jissejjaħ adulterju.  Ikollhom il-ħila ‘jgħassu’ il-merħla li tiġi fdata lilhom, u għalhekk jgħożżu dak kollu li jżommha magħquda; …kapaċi ‘jishru’ għall-merħla tagħhom” (21 ta’ Ġunju 2013).

 

Intenni li l-Knisja għandha bżonn ta’ Rgħajja awtentiċi; u nixtieq ninżel iktar fil-fond ta’ dan il-profil tar-Ragħaj.  Inħarsu lejn it-testment ta’ l-Appostlu Pawlu (ara Atti 20:17-38).  Hawn għandna l-uniku diskors imlissen mill-Appostlu fil-ktieb ta’ l-Atti li hu indirizzat lejn l-Insara.  Ma jindirizzax lill-għedewwa Fariżej tiegħu, lanqas lill-għorrief Griegi, imma lil niesu.  Ikellem lilna.  Hu jafda lir-Rgħajja tal-Knisja “il-kelma tal-grazzja tiegħu, dik il-kelma li għandha l-qawwa li tibnikom u tagħtikom sehemkom”.  Mela, mhux sidien tal-Kelma, imma mogħtija għaliha, qaddejja tal-Kelma.  Hekk biss hu possibbli nibnu u niksbu l-wirt mal-qaddisin.  Lil dawk li jtertqu moħħhom jistaqsu dwar x’inhu l-wirt li sa jħallu – “Liema hu l-wirt ta’ Isqof?  Id-deheb jew il-fidda?” – Pawlu jweġibhom: il-qdusija.  Il-Knisja tibqa’ ħajja daqskemm tikber il-qdusija ta’ Alla fil-membri tagħha.  Meta mill-qalb intima tagħha, li hi t-Trinità Qaddisa, din il-qdusija tnixxi u tilħaq il-Ġisem kollu.  Hemm bżonn li d-dilka msawba mill-għoli tixtered sa truf il-mantar.  L-Isqof ma jista’ qatt iwarrab minn quddiem għajnejh il-ħsieb li ż-żejt ta’ l-Ispirtu tal-qdusija jasal sa l-ibgħad rokna tal-libsa tal-Knisja tiegħu.

 

Il-Konċilju Vatikan II jafferma li lill-Isqfijiet, “l-uffiċċju pastorali, jiġifieri r-responsabbilità abitwali u ta kuljum tal-merħla tagħhom, huwa mogħti fil-milja kollha tiegħu” (Lumen gentium, 27).  Tajjeb li nieqfu iżjed fuq dawn iż-żewġ kwalitajiet tal-kura ta’ l-erwieħ: abitwali u ta’ kuljum.  Fi żmienna dak li hu abitwali, jew assidwu, u ta’ kuljum spiss hu assoċjat mar-rutina u l-monotonija.  Għalhekk mhux darba u tnejn nippruvaw naħarbu b’mod permanenti lejn “xi mkien ieħor”.  Din hi tentazzjoni tar-Rgħajja, tar-Rgħajja kollha.  Id-diretturi spiritwali tagħna jridu jfissruhielna sew, biex nifhmuha u ma naqgħux fiha.  B’xorti ħażina lanqas fil-Knisja m’aħna ħielsa minn dan ir-riskju.  Għalhekk inħoss li hu importanti ninsisti li l-missjoni ta’ l-Isqof titlob l-assidwità u l-fedeltà ta’ kuljum.  Naħseb li f’din l-epoka ta’ laqgħat u ta’ konvenji, hu attwali ħafna d-digriet tal-Konċilju ta’ Trento dwar ir-residenza: hu tant attwali u tkun ħaġa sabiħa jekk il-Kongregazzjoni ta’ l-Isqfijiet tikteb xi ħaġa fuq hekk.  Il-merħla għandha bżonn li ssib wisa’ għaliha f’qalb ir-Ragħaj.  Jekk dan m’hux ankrat sewwa fih innifsu, fi Kristu u fil-Knisja tiegħu, jibqa’ kontinwament jitbandal mal-mewġ ifittex kompensazzjonijiet li jgħaddu, u ma jkun joffri l-ebda kenn lill-merħla tiegħu.

 

Konklużjoni

Fi tmiem dan il-kliem tiegħi nistaqsi: Fejn nistgħu nsibuhom irġiel bħal dawn?  M’hux faċli.  Jeżistu?  Kif nagħżluhom?  Jiġini f’moħħi l-profeta Samwel meta kien qed ifittex suċċessur għal Sawl (ara 1 Sam 16:11-13) u staqsa lix-xwejjaħ Ġesse: “Dawn huma t-tfal kollha?”, u meta sema’ li ż-żagħżugħ David kien qed jirgħa l-merħla, ordnalu: “Ibgħat għalih u ġibu”.  Aħna mhux b’inqas għandna niflu sew l-oqsma tal-Knisja biex infittxu lil min ħa nippreżentaw quddiem il-Mulej ħalli Hu jkun jista’ jgħidilna: “Qum u idilku, għax dan hu”.  Jiena ċert li dawn hemm qegħdin, għax il-Mulej ma jitlaqx lill-Knisja tiegħu waħidha.  Forsi aħna li m’aħniex niġru biżżejjed qalb l-għelieqi biex infittxuhom.  Forsi għandna bżonn tat-twissija ta’ Samwel: “Ma noqogħdux fuq il-mejda qabel ma jiġi hawn”.  B’din l-ansjetà qaddisa nixtieq li tgħix din il-Kongregazzjoni.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard