Padre Lombardi:

Santitŕ, grazzi li tinsab hawn fostna, u li qgħadt issellmilna wieħed wieħed u waħda waħda.  Aħna nifhmu li l-lejla int għajjien ħafna u allura ma rridux napprofittaw…  Imbagħad rajniek “miftuħ” maż-żgħażagħ.  Allura tajjeb, forsi nistgħu nagħmlulek xi mistoqsija jew tnejn aħna wkoll.

 

Il-Papa Franġisku: Xi trid tgħid biha “miftuħ”?  Fissirli ftit…

 

Padre Lombardi: Ifisser li kont mimli enerġija, verament.  Iż-żgħażagħ baqgħu kuntentissmi.  Allura aħna tellajna tliet mistoqsijiet bil-polza u mbagħad jekk tkun trid iżjed, nagħmluhom, inkella nieqfu ma’ dawn it-tliet mistoqsijiet…

 

Għall-ewwel waħda nħallu f’idejn il-Kroat, Silvije Tomašević, li jinsab hawn.

 

Silvije Tomašević: Il-lejla t-tajba, Santitŕ, hawn naturalment ġew ħafna Kroati f’pellegrinaġġ, li qed jistaqsu jekk il-Qdusija Tiegħek intix ġej il-Kroazja…  Imma billi qegħdin f’Bosnja u Erżegovina, hemm ukoll interess kbir dwar il-ġudizzju tiegħek fuq il-fenomenu ta’ Medjugorje…

 

Il-Papa Franġisku: Fuq il-problema ta’ Medjugorje, il-Papa Benedittu XVI, fi żmienu, kien waqqaf kummissjoni ppreseduta mill-Kardinal Camillo Ruini; kien hemm ukoll kardinali oħra, teologi u speċjalisti, fiha.  Għamlu l-istudju u l-Kardinal Ruini ġie għandi u għaddieli l-istudju, wara ħafna snin – ma nafx, bejn tlieta u erba’ snin, ftit jew wisq.  Għamlu xogħol tajjeb, xogħol tajjeb.  Il-Kardinal Müller [Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi] qalli li ried jagħmel “feria quarta” [laqgħa apposta] f’dawn il-jiem; jidhirli li saret fl-aħħar Erbgħa tax-xahar.  Imma m’iniex ċert…  [Nota ta’ Padre Lombardi: fil-veritŕ għadu ma kienx hemm feria quarta fuq din it-tema].  Għoddna wasalna biex nieħdu xi deċiżjonijiet.  Imbagħad jitħabbru.  Għalissa qed jingħataw biss xi orjentamenti lill-Isqfijiet, imma fuq il-linji li ħa jittieħdu.  Grazzi!

 

Silvije Tomašević: U ż-żjara fil-Kroazja?

 

Il-Papa Franġisku: Iż-żjara fil-Kroazja?  Ma nafx meta ħa tkun.  Issa qed niftakar fil-mistoqsija li kont għamiltli meta mort l-Albanija: “Int qed tibda ż-żjara tiegħek fl-Ewropa minn pajjiż li ma jagħmilx parti mill-Unjoni Ewropea”; u jien weġibt: “Dan hu sinjal.  Jien nixtieq nibda ż-żjarat tiegħi fl-Ewropa billi nitlaq mill-iżgħar pajjiżi, u l-Balkani huma pajjiżi tal-martri, batew ħafna!”.  Batew ħafna…  U għalhekk il-preferenza tiegħi hi hawn.  Grazzi!

 

Padre Lombardi: Allura, it-tieni mistoqsija nħalluha f’idejn Anna Chiara Valle mill-Famiglia Cristiana.

 

Anna Chiara Valle: Int tkellimt fuq min ikebbes apposta l-klima ta’ gwerra, u mbagħad liż-żgħażagħ għidtilhom: hemm is-setgħanin li fil-beraħ jitkellmu favur il-paċi u minn taħt jinnegozjaw l-armi.  Tista’ tiftaħ daqsxejn iżjed fuq dan il-kunċett…

 

Il-Papa Franġisku: Iva, hemm l-ipokrezija, dejjem!  Għalhekk għidt li m’hux biżżejjed li wieħed jitkellem fuq il-paċi: il-paċi trid tibniha!  U min jitkellem biss fuq il-paċi u ma jġibx il-paċi, dan qiegħed f’kontradizzjoni; u min jitkellem fuq il-paċi u jiffavorixxi l-gwerra – ngħidu aħna bil-bejgħ ta’ l-armi – hu wiċċ b’ieħor.  Hi hekk sempliċi …

 

Padre Lombardi: Allura, it-tielet mistoqsija minn Katia Lopez tal-grupp ta’ lingwa Spanjola.

 

Katia Lopez: [mistoqsija bl-Ispanjol] Santitŕ, fl-aħħar laqgħa tiegħek maż-żgħażagħ int tkellimt fid-dettall fuq il-ħtieġa li joqogħdu ħafna attenti għal dak li jaqraw, għal dak li jaraw: ma semmejtx eżattament il-kelma “pornografija”, imma għidt “fantasija kerha”.  Tista’ tinżel ftit aktar fil-fond fuq dan il-kunċett tal-ħela taż-żmien…

 

Il-Papa Franġisku: Hemm żewġ affarijiet differenti: il-modalitŕ u l-kontenut.  Fuq il-modalitŕ, hemm waħda li tagħmel il-ħsara lir-ruħ u din hi li wieħed jitwaħħal wisq mal-kompjuter.  Imwaħħal iżżejjed mal-kompjuter!  Dan jagħmel ħsara lir-ruħ u jneħħilha l-libertŕ: jagħmlek ilsir tal-kompjuter.  Kurjuża kif f’ħafna familji l-missirijiet u l-ommijiet jgħiduli: inkunu fuq il-mejda għall-ikel ma’ wliedna u huma bil-mowbajl ikunu f’dinja oħra.  Hu minnu li l-lingwaġġ virtwali hu realtŕ li ma nistgħux niċħduha: jeħtieġ nindirizzawha fit-triq it-tajba, għax hi progress għall-bnedmin.  Imma meta dan jaqtagħna mill-ħajja komuni, mill-ħajja tal-familja, mill-ħajja soċjali, imma anki mill-isport, mill-arti u nibqgħu msammrin mal-kompjuter, din issir marda psikoloġika.  Żgur!  It-tieni: il-kontenut.  Iva, hemm affarijiet maħmuġa, mill-pornografija għas-semi-pornografija, għall-programmi vojta, bla valuri: ngħidu aħna, programmi televiżivi, edonisti, konsumistiċi, li jiffomentaw dawn l-affarijiet kollha.  Aħna nafu li l-konsumiżmu hu kankru tas-soċjetŕ, ir-relattiviżmu hu kankru tas-soċjetŕ; fuq dan jien sa nitkellem fl-Enċiklika li jmiss, li ħierġa dan ix-xahar.  Ma nafx weġibtekx.  Jien użajt il-kelma “ħmieġ” biex ngħid ħaġa ġenerali, imma dan kollha nafuh.  Hemm ġenituri mħassbin ħafna li ma jħallux lil uliedhom bil-kompjuter fil-kamra tagħhom; il-kompjuter irid ikun f’xi post komuni fid-dar.  Dawn huma għajnuniet żgħar li l-ġenituri jsibu biex jevitaw propju dan.

 

Padre Lombardi: Santitŕ, grazzi!  L-organizzazzjoni qed tgħidilna li jeħtieġ iqassmu l-ikel u dawn l-affarijiet l-oħra…  Fi żmien nofs siegħa oħra nkunu messejna l-art…

 

Il-Papa Franġisku: Nirringrazzjakom tal-ħidma tagħkom, tat-taħbit tagħkom tul dan il-vjaġġ…  Grazzi ħafna tax-xogħol tagħkom, grazzi ħafna!  U itolbu għalija, grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard