“Ġesù kien miexi quddiemhom”. Din hi x-xbieha li jippreżentalna l-Vanġelu li għadna kemm smajna (Mk 10:32-45), u li sservi ta’ sfond anki għall-att li qed inwettqu: Konċistorju għall-ħolqien ta’ xi Kardinali ġodda.

 

Ġesù jimxi determinat lejn Ġerusalemm. Jaf tajjeb x’hemm jistennieh u dwar dan tkellem iżjed minn darba mad-dixxipli tiegħu. Imma bejn il-qalb ta’ Ġesù u l-qlub tad-dixxipli hemm distanza, li l-Ispirtu s-Santu biss jista’ jimla. Ġesù jafu dan; għalhekk jimxi b’tant sabar magħhom, jitkellem miftuħ magħhom, u fuq kollox jimxi qabilhom, jimxi quddiemhom.

 

Matul il-mixja, id-dixxipli stess huma distratti minn interessi li mhumiex koerenti mad-“direzzjoni” ta’ Ġesù, mar-rieda tiegħu li hi ħaġa waħda ma’ dik tal-Missier. Ngħidu aħna – smajna – iż-żewġ aħwa Ġakbu u Ġwanni jaħsbu kemm tkun ħaġa sabiħa li joqogħdu fuq il-lemin u fuq ix-xellug tas-Sultan ta’ Israel (ara v. 37). Mhumiex jaraw ir-realtà! Jaħsbu li qed jaraw imma mhumiex, li jafu imma ma jafux, li qed jifhmu iktar mill-oħrajn imma mhumiex jifhmu…

 

Għax ir-realtà hija oħra, hi dik li Ġesù għandu quddiemu u li tmexxi l-passi tiegħu. Ir-realtà hi s-salib, hi d-dnub tad-dinja li hu ġie biex jieħu fuqu u jeqred mill-art tal-bnedmin. Ir-realtà huma l-innoċenti li qed ibatu u jmutu mħabba l-gwerer u t-terroriżmu; hu l-jasar li ma jiqafx iċaħħad mid-dinjità mqar fi żmien id-drittijiet umani; ir-realtà hi dik tal-kampijiet tar-rifuġjati li xi drabi iktar jixbhu lil infern milli lil purgatorju; ir-realtà hi r-rimi sistematiku ta’ dak kollu li m’għadx għandna bżonnu, inklużi l-persuni.

 

Dan hu li qed jara Ġesù, huwa u miexi lejn Ġerusalemm. Matul il-ħajja pubblika tiegħu hu wera l-ħlewwa tal-Missier, u fejjaq lil dawk kollha li kienu taħt is-setgħa tal-ħażin (ara Atti 10:38). Issa jaf li wasal il-mument li jinżel iktar fil-fond, li jċarrat l-għeruq tal-ħażen, u għalhekk jimxi b’determinazzjoni lejn is-salib.

 

Anki aħna, ħuti, mexjin ma’ Ġesù f’din it-triq. B’mod partikulari, indur lejkom, għeżież Kardinali ġodda. Ġesù “jimxi quddiemkom” u jitlobkom tiddeċiedu li timxu warajh fit-triq tiegħu. Qed isejħilkom tħarsu lejn ir-realtà, u ma tħallux jaljenawkom interessi oħra, perspettivi oħra. Hu ma sejħilkomx biex issiru “prinċpijiet” fil-Knisja, biex “toqogħdu fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħu”. Isejħilkom taqdu bħalu u miegħu. Taqdu lill-Missier u lill-aħwa. Isejħilkom taffrontaw bl-istess atteġġjament tiegħu d-dnub tad-dinja u l-konsegwenzi tiegħu fl-umanità tal-lum. Jekk timxu warajh, intom ukoll timxu quddiem il-poplu qaddis ta’ Alla, b’ħarsitkom isserraħ fuq is-Salib u fuq il-Qawmien tal-Mulej.

 

U għalhekk, bl-interċessjoni tal-Omm Verġni, nitolbu bil-fidi lill-Ispirtu s-Santu, biex jimla kull distanza li hemm bejn qlubna u l-qalb ta’ Kristu, u hekk ħajjitna kollha ssir qadi lil Alla u lill-aħwa.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard