L-Evanġelista jfakkarna li s-sejħa tal-ewwel dixxipli seħħet fuq ix-xatt tal-Għadira ta’ Ġenessaret, hemm fejn in-nies kienet tiffolla biex tisma’ dak il-leħen li kien kapaċi jagħtiha direzzjoni u dawl; hu wkoll il-post fejn is-sajjieda kienu jtemmu l-ġranet ta’ taħbit tagħhom, fejn kienu jfittxu s-sosteniment biex ħajjithom ma jkunx jonqosha l-meħtieġ, imma tkun ħajja dinjituża u hienja. Din hi l-unika darba fil-Vanġelu kollu ta’ Luqa fejn Ġesù jipprietka ħdejn l-hekk imsejjaħ Baħar tal-Galilija. F’dak il-baħar miftuħ jitħalltu ma’ xulxin ix-xewqa għammiela għax-xogħol u l-frustrazzjoni għax l-isforzi vojta baqgħu ma swew għal xejn. U skont interpretazzjoni Nisranija antika, il-baħar jirrappreżenta wkoll l-immensità fejn flimkien jgħixu l-popli kollha. Fl-aħħar nett, minħabba fit-tqanqil u d-dalma tiegħu, dan jevoka dak kollu li jhedded l-eżistenza umana u li għandu s-setgħa li jeqridha.

 

Aħna nużaw espressjoniji simili biex nitkellmu fuq il-folol: baħar ta’ nies. Dakinhar, Ġesù sab ruħu bil-baħar warajh u bil-ġmiegħi quddiemu, li mxew warajh għax jafu li qalbu kienet tħoss għat-tbatija umana u jafu wkoll bi kliemu twajjeb, qawwi u żgur. Kulħadd jiġi biex jisimgħu; il-Kelma ta’ Ġesù għandha xi ħaġa speċjali li ma tħalli lil ħadd indifferenti; il-Kelma tiegħu għandha l-qawwa li tibdel il-qlub, li tibdel il-pjanijiet u l-proġetti. Hi Kelma mwettqa bl-għemil, mhumiex konklużjonijiet miktuba madwar mejda, espressjonijiet kiesħa u maqtugħa mit-tbatija tal-bnedmin, u għalhekk hi Kelma tajba kemm għaċ-ċertezza tax-xatt u kemm għad-dgħufija tal-baħar.

 

Din il-belt maħbuba, Bogotá, u dan il-pajjiż wisq sabiħ, jippreżentaw ħafna mix-xenarji umani mfissra fil-Vanġelu. Hawn insibu folol kbar imxennqa għal kelma li tagħti l-ħajja, li bid-dawl tagħha ddawwal l-isforzi kollha u turi s-sens u l-ġmiel tal-eżistenza umana. Dawn il-folol ta’ rġiel u nisa, tfal u anzjani jgħixu f’art tabilħaqq għammiela, li tista’ trodd il-frott lil kulħadd. Imma hawn ukoll, bħal fi nħawi oħra tad-dinja, insibu dlamijiet koroh li qed jheddu u jridu jeqirdu l-ħajja: id-dlamijiet tal-inġustizzja u tan-nuqqas ta’ ugwaljanza soċjali; id-dlamijiet tal-interessi personali jew ta’ grupp, li jikkorrompu u jikkonsmaw b’mod egoista u sfrenat dak li ġie maħsub għall-ġid ta’ kulħadd; id-dlamijiet tan-nuqqas ta’ rispett għall-ħajja umana li ta’ kuljum jaħsad il-ħajja ta’ tant innoċenti, li demmhom jgħajjat lis-sema; id-dlamijiet tal-għatx għall-vendetta u l-mibegħda li jħammġu bid-demm uman l-idejn ta’ dawk li jagħmlu l-ġustizzja b’idejhom; id-dlamijiet ta’ dawk li ma jibqgħux iħossu quddiem it-tbatija ta’ tant vittmi. Dawn id-dlamijiet kollha, Ġesù jfarrakhom u jeqridhom bil-kmand tiegħu fuq id-dgħajsa ta’ Pietru: “Aqdef ’il barra fil-fond” (Lq 5:4).

 

Aħna nistgħu noqogħdu ninħlew f’diskussjonijiet li ma jieqfu qatt, ngħoddu t-tentattivi li fallewlna u nagħmlu lista tal-isforzi li ntemmu fix-xejn; imma bħal Pietru, nafu xi tfisser l-esperjenza ta’ min jaħdem bla ma jara riżultati. Dan in-Nazzjon jafha wkoll din ir-realtà, meta għal perjodu ta’ sitt snin, fil-bidu tiegħu, kellu sittax-il President u ħallas qares għall-firdiet tiegħu (il-“patria boba” [litt. “patrija stupida”]); anki l-Knisja fil-Kolombja għamlet esperjenza ta’ impenji pastorali vojta u bla frott…, imma bħal Pietru, aħna wkoll kapaċi nafdaw fl-Imgħallem, li l-Kelma tiegħu ġġib frott għammiel anki hemm fejn l-inospitalità tad-dlamijiet umani tneżża’ tant sforzi u taħbit mill-frott tagħhom. Pietru hu l-bniedem li jilqa’ b’determinazzjoni l-istedina ta’ Ġesù, li jħalli kollox u jimxi warajh, biex jinbidel f’sajjied ġdid, li l-missjoni tiegħu tikkonsisti f’li jwassal lil ħutu lejn is-Saltna ta’ Alla, fejn il-ħajja ssir sħiħa u hienja.

 

Imma l-ordni biex jixħet ix-xbiek mhix biss għal Xmun Pietru; lilu mess li jaqdef fil-fond, bħal dawk li f’pajjiżkom kienu minn tal-ewwel li għarfu x’inhu l-iżjed urġenti, dawk li ħadu inizjattivi ta’ paċi, ta’ ħajja. Li tixħet ix-xbiek ifisser responsabbiltà. F’Bogotá u fil-Kolombja għandna komunità kbira ħafna li tinsab f’mixja, li hi msejħa ssir xibka b’saħħitha li tiġbor lil kulħadd fl-għaqda, tħabrek għall-ħarsien u l-għożża tal-ħajja umana, partikularment meta hi l-iżjed dgħajfa u vulnerabbli: fil-ġuf tal-omm, fit-tfulija, fix-xjuħija, fil-kundizzjonijiet ta’ diżabbiltà u fis-sitwazzjonijiet ta’ emarġinazzjoni soċjali. Anki l-folol li jgħixu f’Bogotá u fil-Kolombja jistgħu jsiru veri komunitajiet ħajja, ġusti u fraterni jekk jisimgħu u jilqgħu l-Kelma ta’ Alla. Minn dawn il-folol evanġelizzati għad iqumu ħafna rġiel u nisa li saru dixxipli u li, b’qalb tassew ħielsa, jistgħu jimxu wara Ġesù; irġiel u nisa kapaċi jħobbu l-ħajja fil-fażijiet kollha tagħha, jirrispettawha, jippromovuha.

 

U bħall-Appostli, jeħtieġ insejħu lil xulxin, nagħtu sinjali lil xulxin, bħas-sajjieda, nerġgħu nibdew inżommu lil xulxin b’aħwa, sħab fit-triq, soċji ta’ din l-impriża komuni li hi l-patrija tagħna. Bogotá u l-Kolombja huma, fl-istess waqt, xatt, għadira, baħar miftuħ, belt li minnha Ġesù għadda u jgħaddi, biex joffri l-preżenza tiegħu u l-kelma għammiela tiegħu, biex joħroġna mid-dlamijiet u jwassalna għad-dawl u jdaħħalna fil-ħajja. Insejħu lill-oħrajn, lil kulħadd, biex ħadd ma jibqa’ priża tat-tempesti; indaħħlu lill-familji kollha fid-dgħajsa: huma santwarji tal-ħajja; nagħmlu wisa’ għall-ġid komuni ’l fuq minn kull interess egoista jew partikulari, inħossuna responsabbli għall-iżjed dgħajfa billi nippromovu d-drittijiet tagħhom.

 

Pietru jduq iċ-ċokon tiegħu, iduq il-kobor tal-Kelma u tal-għemil ta’ Ġesù; Pietru jagħraf id-dgħufijiet tiegħu, kemm iddeffes biex imbagħad għamel pass lura, kif wara kollox nafu dan aħna wkoll, kif tafu l-istorja tal-vjolenza u tal-firdiet tal-poplu tagħkom li mhux dejjem sabitna disponibbli biex naqsmu magħkom id-dgħajsa, it-tempesti, l-iżventuri. Imma, kif għamel ma’ Xmun, Ġesù jistedinna naqdfu ’l barra, jimbuttana biex naqsmu ma’ xulxin ir-riskju – la tibżgħux tirriskjaw flimkien – jgħallimna nagħtu daharna lill-egoiżmi tagħna u nimxu warajh; nabbandunaw il-biżgħat li mhumiex ġejjin minn Alla, il-biżgħat li jipparalizzawna u jnaqqru l-urġenza li nsiru bennejja tal-paċi, promuturi tal-ħajja.

 

“Aqdef ’il barra fil-fond”, qal Ġesù. U d-dixxipli għamlu sinjal lil xulxin biex jitilgħu kollha fid-dgħajsa. Ħa jkun hekk ukoll għal dan il-poplu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard