IL-PAPA FRANĠISKU

VIA CRUCIS

RIFLESSJONI

Kolossew ta’ Ruma - Il-Ġimgħa 3 ta’ April 2015

 

O Ġesù mislub u rebbieħ, il-Via Crucis tiegħek hi l-ġabra fil-qosor ta’ ħajtek, l-ikona ta’ l-ubbidjenza tiegħek għar-rieda tal-Missier, it-twettiq ta’ l-imħabba bla tarf tiegħu għalina midinbin, il-prova tal-missjoni tiegħek u l-milja defenittiva tar-rivelazzjoni u ta’ l-istorja tas-salvazzjoni.

 

Il-piż tas-salib tiegħek jeħlisna mit-tagħbijiet kollha tagħna.  Fl-ubbidjenza tiegħek għar-rieda tal-Missier aħna nintebħu bir-ribelljoni u d-diżubbidjenza tagħna.  Fik, mibjugħ, ittradut u mislub minn niesek u mill-għeżież tiegħek, aħna nilmħu t-tradimenti tagħna ta’ kuljum u l-infedeltajiet kontinwi tagħna.  Fl-innoċenza tiegħek, Ħaruf bla tebgħa, aħna nagħrfu l-ħtija tagħna.  Fil-wiċċ imsawwat tiegħek, mibżuq, imbiċċer, aħna nilmħu l-kruha ta’ dnubietna.  Fil-kefrija tal-Passjoni tiegħek aħna nilmħu l-kefrija ta’ qalbna u ta’ l-għemil tagħna.  Meta narawk abbandunat, fik naraw lil dawk kollha mitluqa mill-familjari tagħhom, mis-soċjetà, imwarrba mill-attenzjoni u mis-solidarjetà.  F’ġismek issagrifikat, imċarrat u mtertaq, aħna nilmħu l-ġisem ta’ ħutna mixħuta fit-triq, imbiċċra min-nuqqas ta’ għożża u mill-indifferenza tagħna.  Fl-għatx tiegħek, Mulej, aħna naraw l-għatx ta’ Missierek ħanin li fik ried jgħannaq miegħu, jaħfer u jifdi lill-bnedmin kollha.  Fik, Imħabba Divina, anki l-lum nilmħu lil ħutna ppersegwitati, li rashom kienet imħanxra u ġew misluba minħabba l-fidi tagħhom fik, taħt għajnejna jew spiss bis-silenzju kompliċi tagħna.

 

Stampa, Mulej, fi qlubna sentimenti ta’ fidi, ta’ tama, ta’ mħabba, ta’ dulur ta’ dnubietna u wassalna biex nindmu minn dnubietna li sallbuk.  Wassalna biex nibdlu l-konverżjoni tagħna magħmula mill-kliem, f’konverżjoni ta’ ħajja u ta’ opri.  Wassalna biex inħarsu fina t-tifkira ħajja tal-wiċċ imbiċċer tigħek, biex ma ninsew qatt il-prezz għoli li int ħallast biex lilna ħlistna.

 

Ġesù Kurċifiss, qawwi fina l-fidi li ma tikkrollax quddiem it-tentazzjonijiet.  Żomm ħajja fina t-tama li ma tintefiex minħabba fil-ġibdiet tad-dinja.  Ħares fina l-imħabba li ma titqarraqx mill-korruzzjoni u l-mondanità.  Għallimna li s-Salib hu t-triq għall-Qawmien.  Għallimna li l-Ġimgħa l-Kbira hi t-triq lejn l-Għid tad-dawl.  Għallimna li Alla qatt ma jinsa lil ħadd minn uliedu u ma jegħja qatt jaħfrilna u jgħannaqna miegħu bil-ħniena tiegħu bla tarf, imma għallimna wkoll ma negħjew qatt nitolbu maħfra u nemmnu fil-ħniena bla qies tal-Missier.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard