Greg Burke:

Grazzi, Santità, tal-ħin li qed tiddedikalna llum, wara vjaġġ hekk intens, ta’ taħbit, ta’ taħbit kbir għal xi wħud, imma anki vjaġġ li ħalla l-frott. Bosta drabi int irringrazzjajt lill-persuni ta’ dak li għallmuk; anki aħna nitgħallmu ħafna ħwejjeġ f’dawn il-kulturi ta’ laqgħa u nirringrazzjawk ta’ dan. Il-Kolombja b’mod partikulari, bil-passat riċenti tagħha – u mhux biss riċenti – offritilna xi xhieda qawwija ħafna, xhieda kommoventi ta’ maħfra u ta’ rikonċiljazzjoni. Imma tatna wkoll lezzjoni kontinwa ta’ allegrija u ta’ tama, żewġ kelmiet li int użajt ħafna tul dan il-vjaġġ. Issa forsi int tixtieq tgħid xi ħaġa, u mbagħad ngħaddu għall-mistoqsijiet. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Il-lejla t-tajba, u grazzi ħafna tal-ħidma tagħkom.

 

Veru bqajt imqanqal mill-ferħ, il-ħlewwa, iż-żgħożija, it-tjieba tal-poplu Kolombjan. Tassew, poplu ġeneruż, li ma jibżax jgħidha kif iħossha, ma jibżax iħoss u juri xi jħoss. Jien hekk rajtu. Din hi t-tielet darba [li żort il-Kolombja], jekk niftakar sew, imma kien hemm isqof li qalli: “Le, int ġejt erba’ darbiet, imma għal xi laqgħat żgħar biss”, darba f’La Ceja u d-darbtejn jew tlieta l-oħra, f’Bogotá. Imma ma kontx naf lill-Kolombja fil-profondità tagħha, dik li taraha fit-toroq. U nirringrazzja lil Alla għax-xhieda ta’ ferħ, ta’ tama, u ta’ sabar fit-tbatija li jagħti dan il-poplu. Għamilli ħafna ġid. Grazzi.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità. L-ewwel mistoqsija hi ta’ César Moreno, minn “Caracol Radio”:

 

César Moreno, “Caracol Radio”:

[jitkellem bl-Ispanjol] Grazzi, Santità, il-lejla t-tajba! Qabelxejn irrid nirringrazzjak min-naħa tal-midja kollha Kolombjana li tinsab magħna hawn f’dan il-vjaġġ, ma’ sħabna u ħbiebna kollha, li żort lil pajjiżna, wassaltilna tant messaġġi sbieħ, hekk profondi, għal tant imħabba, tant qrubija li int urejt mal-poplu Kolombjan. Santità, grazzi ħafna! Il-mistoqsija tiegħi hi din: Santità, inti ġejt f’pajjiż maqsum, minħabba fi proċess ta’ paċi, bejn dawk li jaċċettaw u dawk li ma jaċċettawx dan il-proċess. X’jista’ jsir konkretement, x’passi jistgħu jsiru biex inqarrbu l-partijiet mifruda, biex jintemmu din il-mibegħda, din ir-rabja? Li kellek, Santità, terġa’ żżur lil pajjiżna fi żmien ftit snin oħra, kif taħseb, kif tixtieq taraha l-Kolombja? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

[jibda t-tweġiba bl-Ispanjol] Nixtieq tal-inqas li l-motto jkun “Kif immiddu t-tieni pass”, li tal-inqas ikun dan! Kienu, u jien kont naħsibhom iktar, kont ikkalkulajt madwar sittin, imma qaluli 54 sena ta’ gwerrilja ftit jew wisq, u hemm inġemgħet ħafna, ħafna, ħafna mibegħda, ħafna rabja, ħafna qlub morda, u l-marda mhix ħtija, tiġi, tlaqqat il-ħosba u tbati… Skużawni, ħa nitkellem bit-Taljan. Ir-ruħ marida… il-marda mhix ħtija, tiġi fuqek. U b’dawn il-gwerrilji li tassew għamlu – sew jekk il-gwerrilja, sew jekk il-paramilitari, kemm dawk ta’ hemm, u anki l-korruzzjoni, ħafna drabi, fil-pajjiż – għamlu dnubiet koroh li ġabu din il-marda tal-mibegħda… Imma hemm ukoll passi ’l quddiem li jimlewk bit-tama, passi fin-negozjati, l-aħħar wieħed kien il-waqfien l-isparar tal-ELN: nirringrazzjahom ħafna, nirringrazzjahom ħafna ta’ dan. Imma hemm xi ħaġa iżjed, li jiena fhimt, li hi r-rieda li nibqgħu mexjin ’il quddiem f’dan il-proċess, li jmur lil hemm min-negozjati li qed isiru u li għandhom isiru. Hi rieda spontanja, u hemm tinsab il-qawwa tal-poplu. Jien għandi tama f’dan. Il-poplu jixtieq “jieħu nifs”, imma rridu ngħinuh, ngħinuh bil-qrubija tagħna, bit-talb u fuq kollox billi nifhmu kemm hemm uġigħ fil-qalb ta’ ħafna nies.

 

Greg Burke:

Issa, Santità, José Mojica, minn “El Tiempo”:

 

José Mojica, minn “El Tiempo”:

[jitkellem bl-Ispanjol] Santità, huwa unur għalija nkun miegħek hawn. Jisimni José Mujica, jiena ġurnalista ta’ “El Tiempo”, dar editriċi Kolombjana – u qed insellimlek anki f’isem iż-żewġ kollegi Kolombjani tiegħi u l-mezzi kollha tal-komunikazzjoni ta’ pajjiżi. Il-Kolombja batiet ħafna snin ta’ vjolenza minħabba fil-gwerra, il-ġlied bl-armi u anki t-traffikar tad-droga; madankollu, il-ħsara tal-korruzzjoni fil-politika kienet qerrieda daqs il-gwerra nfisha, u għalkemm il-korruzzjoni mhix ħaġa ġdida, dejjem konna nafu li teżisti, nafu li dejjem kien hemm il-korruzzjoni, issa tidher iżjed għax m’għadhomx jaslulna l-aħbarijiet tal-gwerra, tal-ġlied bl-armi. X’għandna nagħmlu quddiem dan il-flaġell, kemm nistgħu nissaportu lill-korrotti, kif nikkastigawhom? U fl-aħħar nett, għandhom jiġu skomunikati l-korrotti?

 

Il-Papa Franġisku:

[jibda t-tweġiba bl-Ispanjol] Int qed tagħmilli mistoqsija li jien għamilt kemm-il darba lili nnifsi, imma għamiltha hekk: Hemm maħfra għall-korrott? Hekk għamiltha. U għamiltha meta seħħ fatt, fil-provinċja ta’ Catamarca, fl-Arġentina, fatt ta’ maltrattament, abbuż, ta’ vjolenza fuq tfajla, u f’dan il-każ kienet implikata nies marbuta mal-poteri politiċi u ekonomiċi ta’ dik il-provinċja. Laqatni ħafna artiklu ta’ [Rogelio] Frigerio ppubblikat fuq “La Nación”, f’dak iż-żmien; u jiena ktibt ktejjeb ċkejken li jismu “Dnub u korruzzjoni”. Aħna dejjem midinbin u nafu li l-Mulej hu qrib tagħna, li hu ma jegħja qatt jaħfrilna. Imma d-differenza hi: Alla ma jegħja qatt jaħfer, imma l-midneb xi drabi jsib il-kuraġġ u jitlob maħfra. Il-problema hi li l-korrott jegħja jitlob maħfra u jinsa kif jitlob maħfra: din hi l-problema gravi. Hu stat ta’ insensibbiltà quddiem il-valuri, quddiem il-qerda, quddiem l-isfruttament tal-persuni. Mhuwiex kapaċi jitlob maħfra. Hi bħal kundanna, u għalhekk diffiċli ħafna tgħin lil wieħed korrott, diffiċli ħafna. Imma Alla jista’ jagħmlu dan. Jien għal dan nitlob.

 

Greg Burke:

Santità, issa Hernan Reyes, ta’ “Télam”.

 

Hernan Reyes, ta’ “Télam”:

Santità, din il-mistoqsija hi tal-grupp tal-ġurnalisti ta’ lsien Spanjol. Int tkellimt fuq dan l-ewwel pass li għamlet il-Kolombja. Illum fil-quddiesa għidt li ma kienx biżżejjed id-djalogu bejn żewġ partijiet, imma kien hemm bżonn jiddaħħlu iżjed atturi. Int taħseb li possibbli jintuża mill-ġdid dan il-mudell Kolombjan f’kunflitti oħra fid-dinja?

 

Il-Papa Franġisku:

Nintegraw [ninvolvu] persuni oħra [suġġetti oħra]… Anki llum, fl-omelija, tkellimt dwar dan billi ħadt spunt mis-silta tal-Vanġelu. Nikkonvolġu suġġetti oħra: mhix l-ewwel darba. F’tant kunflitti ġew involuti suġġetti oħra. Hu mod kif nimxu ’l quddiem, stil għaref, politiku… Hemm l-għerf ta’ min lest jitlob l-għajnuna. Nemmen li, kif ridt naċċenna llum fl-omelija – li kien messaġġ iżjed milli omelija –, nemmen li dawn ir-riżorsi tekniċi-politiċi jgħinu, xi drabi jitolbu l-intervent tal-Ġnus Magħquda biex joħorġu mill-kriżi. Imma proċess ta’ paċi jista’ jimxi ’l quddiem biss meta jieħdu f’idejh il-poplu. Jekk il-poplu ma jeħdux f’idejh, jista’ jimxi xi ftit, jasal għal kompromess… Dan hu li xtaqt inwassal b’din iż-żjara: jew ikun il-poplu l-protagonista tal-paċifikazzjoni, jew naslu biss sa ċertu punt. Imma meta poplu jieħu l-ħaġa f’idejh, ikun kapaċi jagħmilha tajjeb. Din hi t-triq l-għolja [ipprivileġġjata]. Grazzi.

 

Greg Burke:

Issa Elena Pinardi.

 

Elena Pinardi, mill-EBU-UER:

Il-lejla t-tajba, Santità. Qabelxejn, nixtiequ nistaqsuk kif int. Kulħadd ra li ħbatt rasek: kif int? Weġġajt? Qabelxejn nixtieq nistaqsik kif int. Weġġajt?

 

Il-Papa Franġisku:

Tbaxxejt ftit biex insellem lil xi tfal, il-ħġieġa ma rajthiex u… “pum”.

 

Elena Pinardi:

Issa l-mistoqsija hi din. F’din it-titjira, għaddejjin minn qrib l-urugan Irma li kkawża ħafna mwiet u ħsarat enormi fil-Gżejjer tal-Karribej u f’Kuba, u qed nibżgħu li zoni kbar fi Florida jistgħu jispiċċaw taħt l-ilma. Sitt miljun persuna kellhom iħallu darhom. Wara l-urugan Harvey, seħħu kważi fl-istess żmien tliet urugani f’dan il-post. Ix-xjenzati jaħsbu li t-tisħin tal-oċeani hu fattur li qed jikkontribwixxi biex it-tempesti u l-urugani staġunali qed isiru iżjed qliel. Hemm responsabbiltà morali tal-mexxejja politiċi li jirrifjutaw li jikkollaboraw mal-pajjiżi l-oħra biex jikkontrollaw kemm joħorġu gassijiet serra, għax qed jiċħdu li l-bidla fil-klima hi wkoll opra tal-bniedem?

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi. Ħa nibda mill-aħħar biċċa, biex ma ninsihiex: min jiċħad dan għandu jmur għand ix-xjenzati u jistaqsi lilhom. Huma jitkellmu ċar. Ix-xjenzati huma preċiżi. L-aħħar darba, meta ħarġet l-aħbar ta’ dak il-bastiment Russu – naħseb – li mar min-Norveġja għall-Ġappun u t-Tajpej u għadda mill-Pol tat-Tramuntana, mingħajr l-apparat biex ikisser is-silġ, u r-ritratti wrew biċċiet tas-silġ… Mill-Pol tat-Tramuntana issa tista’ tgħaddi. Hu ċar ħafna, ċar ħafna. Meta ħarġet dik l-aħbar, minn università – insejt fejn – ħarġet oħra li qalet: “Fadlilna biss tliet snin biex irreġġgħu lura l-arloġġ, inkella l-konsegwenzi sa jkunu terribbli”. Jien ma nafx jekk hux veru “tliet snin” jew le; imma naf li, jekk ma nerġgħux lura, sa “negħrqu”, dak veru. Qed naraw l-effetti tal-bidla fil-klima, u x-xjenzati jgħidulna ċar xi triq għandna nieħdu. U lkoll kemm aħna għandna responsabbiltà, kollha. Kull wieħed għandu biċċa żgħira, jew ikbar, responsabbiltà morali: li jaċċetta, jagħti l-opinjoni jew jieħu deċiżjonijiet. U jeħtieġ neħduha bis-serjetà. Nemmen li din ħaġa li ma nistgħux niċċajtaw fuqha, hi serja ħafna. Int qed tistaqsini: Ta’ min hi r-responsabbiltà morali? Kull persuna għandha tagħha. Anki l-politiċi għandhom tagħhom. Kull wieħed jerfa’ tiegħu. Skont it-tweġiba li jagħti.

 

Elena Pinardi:

Hemm min qed iħoss li mexjin lejn l-apokalissi b’dawn il-fenomeni atmosferiċi kollha…

 

Il-Papa Franġisku:

Ma nafx. Li ngħid hu li kulħadd għandu responsabbiltà morali, dak l-ewwel. It-tieni: jekk wieħed għandu xi naqra dubju li dan ma tantx hu minnu, imur jistaqsi lix-xjenzati. Huma ċarissmi. Mhumiex opinjonijiet fl-arja: huma ċarissmi. U mbagħad jiddeċiedi. U l-istorja tiġġudika hi d-deċiżjonijiet. Grazzi.

 

Greg Burke:

Hawn Enzo Romeo u mbagħad Valentina.

 

Enzo Romeo, mir-RAI:

Il-lejla t-tajba, Santità. Jien sa norbot mal-mistoqsija li għamlitlek qabel il-kollega, għax int bosta drabi fid-diskorsi li għamilt il-Kolombja fakkartna fil-bżonn li nagħmlu paċi mal-ħolqien, nirrispettaw l-ambjent bħala kundizzjoni meħtieġa biex tista’ tinħoloq paċi soċjali b’saħħitha. U qed naraw l-effetti tal-bidliet fil-klima anki fl-Italja: ma nafx tafx, kien hemm bosta mwiet f’Livorno…

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, wara tliet xhur u nofs ta’ nixfa…

 

Enzo Romeo:

…Eżatt. Tant ħsara f’Ruma… Għalhekk, kollha aħna parti minn din is-sitwazzjoni. Imma għaliex indumu daqshekk biex insiru konxji? Fuq kollox il-gvernijiet, li mbagħad donnhom juru tant attenzjoni f’oqsma oħra – dejjem id-diskors tal-armamenti: qed naraw, ngħidu aħna, il-kriżi tal-Korea. Anki fuq dan nixtieq opinjoni tiegħek.

 

Il-Papa Franġisku:

L-għaliex? Tiġini f’moħħi frażi mit-Testment il-Qadim: il-bniedem hu iblah, rasu iebsa u ma jarax. L-uniku annimal tal-ħolqien li jpoġġi siequ fuq l-istess ħofra, hu l-bniedem. Iż-żiemel u l-oħrajn le, ma jagħmlux hekk. Hemm is-suppervja, il-preżunzjoni li jgħid: “Le, mhux sa jiġri hekk…”. U mbagħad hemm l-alla But, le? Mhux biss fuq il-ħolqien: tant ħwejjeġ, tant deċiżjonijiet, tant kontradizzjonijiet u xi wħud minn dawn jiddipendu mill-flus. Illum, f’Cartagena: bdejt minn naħa, ħa nsejħulha, fqira, ta’ Cartagena. Fqira. Il-parti l-oħra, il-parti turistika, lussu u lussu bla qies morali, biex ngħidu hekk. Imma dawk li jmorru hemm, ma jintebħux b’dan? Jew l-analisti soċjopolitiċi, ma jintebħux? Il-bniedem hu iblah, tgħid il-Bibbja. U hekk, meta ma rridux naraw, ma narawx. Naraw biss parti. Ma nafx, u fuq il-Korea ta’ Fuq, ngħidlek is-sew, ma nifhimx, veru. Għax veru ma nifhimx dik id-dinja tal-ġeopolitika, hi b’saħħitha ħafna [tqila] għalija. Imma nemmen, minn dak li nara, li hemm ġlieda ta’ interessi li ma nifhimx, veru ma nistax infissirha. Imma l-aspett l-ieħor importanti: m’aħniex konxji. Ara Cartagena, illum. Imma dan hu inġust, u nistgħu nsiru konxji? Dan jiġini f’moħħi. Grazzi.

 

Greg Burke:

Valentina…

 

Il-Papa Franġisku:

Id-“dekana”…

 

Valentina Alazraki, minn “Televisa”:

(tistaqsih kif iħossu)

 

Il-Papa Franġisku:

[bl-Ispanjol] …imma mhix tuġagħni. Għamluli blakaj [black eye]… [jidħku]

 

Valentina Alazraki:

Xorta jiddispjaċina. Anki jekk mhix tuġgħek, jiddispjaċina.

 

Santità, kull darba li int tiltaqa’ maż-żgħażagħ, f’xi parti tad-dinja, dejjem tgħidilhom: “Tħallux min jisirqilkom it-tama, tħallux min jisirqilkom l-allegrija u l-futur”. B’xorti ħażina, fl-Istati Uniti tneħħiet il-liġi tad-“dreamers”, tal-ħalliema: qed nitkellmu fuq tmien mitt elf żagħżugħ u żagħżugħa, ħafna minnhom Messikani, Kolombjani, minn tant pajjiżi. Ma taħsibx li b’din il-liġi, b’din it-tneħħija, dawn iż-żgħażagħ qed jitilfu l-allegrija, it-tama, il-futur? U mbagħad, nabbuża mit-tjieba tiegħek u minn dik tal-kollegi, jekk forsi tista’ tagħmel talba ċkejkna, ħsieb ċkejken għall-vittmi kollha tat-terremot tal-Messiku u tal-urugan Irma. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Tassew, iva, nistaqsik għal liema liġi qed tirriferi. Jien smajt b’din il-liġi; ma kellix ċans naqra l-artikli jew kif ittieħdet id-deċiżjoni. Ma nafx sew, imma, ibda biex, li taqta’ liż-żgħażagħ mill-familja tagħhom mhix ħaġa li tagħti frott tajjeb, la għaż-żgħażagħ, lanqas għall-familja. Jien naħseb li din il-liġi – li naħseb ġejja mhux mill-Parlament imma mill-Eżekuttiv – jekk inhu hekk, imma m’iniex ċert, hemm tama li terġa’ tiġi kkunsidrata xi ftit. Għax jien smajt jitkellem lill-President tal-Istati Uniti: jidher li hu bniedem favur il-ħajja, u jekk hu bravu f’dan, jifhem li l-familja hi l-benniena tal-ħajja u għandu jiddefendi l-għaqda tagħha. Għalhekk, jinteressani li nistudja tajjeb dik il-liġi. Imma, verament – b’mod ġenerali, sew dan il-każ jew oħrajn – meta ż-żgħażagħ iħossuhom sfruttati, bħal f’ħafna każi, fl-aħħar iħossuhom bla tama. U min jisraqhielhom? Id-droga, id-dipendenzi l-oħra, is-suwiċidju… Is-suwiċidju taż-żgħażagħ hu b’saħħtu ħafna, u jiġri meta jiġu maqlugħa mill-għeruq tagħhom. Importanti ħafna r-relazzjoni ta’ żagħżugħ mal-għeruq tiegħu. Iż-żgħażagħ bla għeruq, illum, jitolbu l-għajnuna: jixtiequ jsibu lura għeruqhom. Għalhekk nisħaq tant fuq id-djalogu bejn żgħażagħ u anzjani, hawn naqbeż xi ftit lill-ġenituri. Ħa jiddjalogaw mal-ġenituri, imma l-anzjani [huma importanti], għax hemmhekk hemm l-għeruq; u dawn huma ftit iżjed imbiegħda, biex jevitaw il-kunflitti li jista’ jkollhom mal-għeruq iżjed qribhom, bħalma huma dawk tal-ġenituri. Imma ż-żgħażagħ, illum, għandhom bżonn isibu għeruqhom mill-ġdid. Kull ħaġa li tmur kontra l-għeruq, tisirqilhom it-tama. Ma nafx jekk weġibtekx…

 

Valentina Alazraki:

Jistgħu jiġu deportati mill-Istati Uniti

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, iva, jitilfu l-għeruq… Din problema. Imma tassew ma rridx nesprimi ruħi fuq dik il-liġi għax ma qrajthiex u ma niħux gost nitkellem fuq dak li ma nkunx studjajt l-ewwel. U mbagħad, Valentina hi Messikana u l-Messiku bata ħafna, u fuq din l-aħħar nota jien nitlob lil kulħadd solidarjetà mad-“dekana” – hemm id-“dekan” l-ieħor hemm – talba għal pajjiżha. Grazzi.

 

Greg Burke.

Grazzi, Santità. Issa Fausto Gasparroni mill-Ansa:

 

Fausto Gasparroni, mill-Ansa:

Santità, f’isem il-grupp Taljan nixtieq nagħmel mistoqsija fuq l-immigranti, b’mod partikulari fuq il-fatt li dan l-aħħar il-Knisja Taljana esprimiet – ħa ngħidu hekk – xi għamla ta’ komprensjoni għall-politika l-ġdida tal-gvern li jżomm idejh fuq il-kwistjoni tat-tluq mil-Libja u allura tal-wasliet ta’ rifuġjati ġodda. Inkiteb anki li fuq dan kien hemm laqgħa tiegħek mal-President tal-Kunsill Gentiloni. Nixtiequ nafu jekk effettivament f’din il-laqgħa tkellimtux fuq din it-tema, jekk kienx hemm din il-laqgħa u ġietx ittrattata din it-tema, u fuq kollox x’taħseb int sewwasew fuq din il-politika ta’ għeluq dwar it-tluq tagħhom, meta tqis anki l-fatt li mbagħad l-immigranti li jibqgħu l-Libja – kif ġie ddokumentat anki f’inkjesti – jgħixu f’kundizzjonijiet diżumani, f’kundizzjonijiet prekarji ħafna ħafna. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Qabelxejn, il-laqgħa mal-Prim Ministru Gentiloni kienet laqgħa personali u mhux fuq dan l-argument. Seħħet qabel din il-problema, li ħarġet xi ġimgħat wara, kważi xahar wara. Kienet qabel il-problema. It-tieni: jiena nħossni fid-dmir li nuri gratitudni lejn l-Italja u l-Greċja, għax fetħu qalbhom għall-immigranti. Imma mhux biżżejjed tiftaħ qalbek. Il-problema tal-immigranti hi, qabelxejn, qalb miftuħa, dejjem. Hu wkoll kmandament ta’ Alla, li nilqgħuhom, “għax int kont ilsir, immigrant fl-Eġittu” (ara Lev 19:33-34): dan tgħid il-Bibbja. Imma gvern irid ukoll jittratta din il-problema bil-virtù tiegħu ta’ gvernant, jiġifieri l-prudenza. Xi jfisser dan? L-ewwel: kemm għandi postijiet? It-tieni: mhux biss li nilqagħhom, imma anki nintegrahom. Jien rajt eżempju – hawn, l-Italja – ta’ integrazzjoni mill-isbaħ. Meta mort l-Università Roma Tre, għamluli l-mistoqsijiet erba’ studenti; waħda, l-aħħar waħda, li għamlet il-mistoqsija, jien u nħares lejha [qgħadt naħseb bejni u bejn ruħi]: “Imma dan il-wiċċ nafu xi mkien…”. Kienet waħda li inqas minn sena qabel kienet ġiet minn Lesbo miegħi fuq l-ajruplan. Tgħallmet il-lingwa, u billi kienet qed tistudja l-Bijoloġija f’pajjiżha, għamlet l-ekwiparazzjoni u komplietha. Tgħallmet il-lingwa. Dan ifisser tintegra. F’titjira oħra – aħna u ġejjin lura mill-Isvezja, jidhirli – tkellimt fuq il-politika tal-integrazzjoni tal-Isvezja bħala mudell, imma anki l-Isvezja qalet, bi prudenza: “In-numru hu dan; ma nistax nieħu iżjed minn hekk”, għax hemm il-periklu tan-non-integrazzjoni. It-tielet: hemm problema umanitarja, dik li kont qed issemmi int. L-umanità konxja minn dawn il-lager, hemm? Mill-kundizzjonijiet li kont qed titkellem fuqhom int, fid-deżert? Rajt ir-ritratti jien… Hemm min qed jisfruttahom bl-ikrah… Int tkellimt fuq il-Gvern Taljan: jagħtini l-impressjoni li qed jagħmel minn kollox għall-ħidmiet umanitarji, biex isolvi wkoll il-problema li ma jistax jieħu…

 

Mela [biex niġbor li għidt]: qalb dejjem miftuħa, prudenza, integrazzjoni u qrubija umanitarja.

 

U hemm ħaġa tal-aħħar li rrid ngħid, u tgħodd fuq kollox għall-Afrika. Hemm, fl-inkonxju kollettiv tagħna, motto, prinċipju: “L-Afrika nisfruttawha”. Illum f’Cartagena rajna eżempju ta’ sfruttament, uman, f’dak il-każ [dak tal-ilsiera]. U kap ta’ gvern, fuq dan, qal verità sabiħa: “Dawk li jaħarbu mill-gwerra, din problema oħra; imma għal ħafna li jaħarbu mill-ġuħ, ejja ninvestu f’hemm, biex jikbru”. Imma fl-inkonxju kollettiv hemm li kull darba li tant pajjiżi żviluppati jmorru l-Afrika, dan biex jisfruttawha. Dan irridu naqilbuh: l-Afrika hi ħabiba tagħna u għandna ngħinuha tikber. Imbagħad, il-problemi l-oħra, tal-gwerer, imorru band’oħra. Ma nafx jekk b’dan iċċarajtx…

 

Greg Burke:

Santità, irridu mmorru. Imma, jekk nistgħu nagħmlu mistoqsija tal-aħħar? Xavier Le Normand, I. Media.

 

Xavier Le Normand, I.Media:

Bonsoir, très Saint Père. Santità, illum int tkellimt fuq il-Veneżwela, wara l-Anġelus. Int tlabt biex titħalla barra kull tip ta’ vjolenza fil-ħajja politika. Il-Ħamis, wara l-Quddiesa f’Bogotá, int sellimt lil ħames prelati Veneżweljani. Dan nafuh kollha: is-Santa Sede kienet u għadha impenjata b’risq djalogu f’dak il-pajjiż. Issa ilek xhur titlob li jitwaqqfu l-vjolenzi kollha. Imma l-President Maduro minn naħa għandu kliem vjolenti ħafna kontra l-Isqfijiet, min-naħa l-oħra jgħid li hu mal-Papa Franġisku. Mhux possibbli jkollok kelmiet iktar qawwija u forsi iżjed ċari? Grazzi, Santità.

 

Il-Papa Franġisku:

Naħseb is-Santa Sede tkellmet b’qawwa u ċarezza. Dak li jgħid il-President Maduro, jispjegahulna hu: ma nafx x’għandu f’moħħu. Imma s-Santa Sede għamlet ħafna: bagħtet hemm, f’dak il-grupp ta’ ħidma tal-erba’ eksPresidenti, bagħtet Nunzju mill-aqwa; imbagħad tkellmet, tkellmet ma’ persuni, tkellmet pubblikament. Jien, ħafna drabi, fl-Anġelus tkellimt fuq il-qagħda, u fittixt dejjem mod kif wieħed joħroġ minnha, li nagħti l-għajnuna tiegħi, offrejtilhom għajnuna biex joħorġu minnha. Ma nafx… Imma donnu l-ħaġa hi diffiċli ħafna, u dak li l-iżjed inikkitni hi l-problema umanitarja: tant nies li qed jaħarbu jew ibatu… Problema umanitarja li rridu ngħinu biex tissolva b’kull mod. Jien nemmen li l-Ġnus Magħquda għandhom isemmgħu leħinhom hemm ukoll, biex jgħinu… Grazzi.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità. Naħseb irridu mmorru.

 

Il-Papa Franġisku:

Minħabba fit-turbolenzi?

 

Greg Burke:

Iva…

 

Il-Papa Franġisku:

Qed jgħidu li hemm xi turbolenza, li rridu mmorru. Imma grazzi ħafna, nirringrazzjakom ħafna tal-ħidma tagħkom. U għal darb’oħra, irrid ngħid grazzi għall-eżempju tal-poplu Kolombjan. U rrid nispiċċa bi xbieha, dik li l-aktar laqtitni tal-Kolombjani: fl-erbat ibliet kien hemm folla fit-triq, issellem… Dak li l-iżjed laqatni hu li l-missirijiet, l-ommijiet kienu jgħollu lil uliedhom biex juruhom lill-Papa u biex il-Papa jberikhom. Qishom qed jgħidu: “Dan hu t-teżor tiegħi, din hi t-tama tiegħi, dan hu l-futur tiegħi. Jiena nemmen fih”. Dan li laqatni. Il-ħlewwa. L-għajnejn ta’ dawk il-missirijiet u dawk l-ommijiet. Xi ġmiel, xi ġmiel! Dan hu simbolu, simbolu ta’ tama fil-futur. Poplu li kapaċi jagħmel it-tfal u mbagħad jurihom, jurihom hekk, donnu biex jgħid: “Dan hu t-teżor tiegħi”, hu poplu li għandu tama u għandu futur. Grazzi ħafna. Grazzi.

 

Greg Burke:

Grazzi, Santità. Nawgurawlek mistrieħ tajjeb.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard