It-twelid tiegħek, Verġni Omm Alla, hu ż-żerniq ġdid li ħabbar il-ferħ lid-dinja kollha, għax minnek twieldet ix-xemx tal-ġustizzja, Kristu, Alla tagħna! (ara Antifona fil-Benedictus). Il-Festa tat-Twelid ta’ Marija tixħet id-dawl tagħha fuqna, l-istess kif jixgħel id-dawl ħelu taż-żerniq fuq il-pjanura wiesgħa Kolombjana, pajsaġġ sabiħ li tiegħu Villavicencio hi l-bieb, kif ukoll fuq id-diversità għanja tal-popli indiġeni tagħha.

 

Marija hi l-ewwel ġmiel li jħabbar tmiem il-lejl u, fuq kollox, li l-jum issa jinsab fil-qrib. It-twelid tagħha jdewwaqna l-inizjattiva kollha mħabba, ħelwa, ħanina tal-imħabba li biha Alla jmil lejna u jsejħilna għal patt mill-isbaħ miegħu, li ħadd u xejn ma jista’ jkisser.

 

Marija għarfet tħalli d-dawl ta’ Alla jgħaddi minnha u ħalliet ir-raġġi ta’ dan id-dawl jilmaw fid-dar tagħha, li hi qasmet ma’ Ġużeppi u ma’ Ġesù, u anki fil-poplu tiegħu, fin-nazzjon tiegħu, u f’dik id-dar komuni tal-umanità kollha li hi l-ħolqien.

 

Fil-Vanġelu għadna kemm smajna l-ġenealoġija ta’ Ġesù (ara Mt 1:1-17), li mhix sempliċi lista ta’ ismijiet, imma storja ħajja, storja ta’ poplu li miegħu Alla mexa u, meta sar wieħed minna, ried iħabbrilna li fid-demm tiegħu hemm tiġri l-istorja tal-ġusti u tal-midinba, li s-salvazzjoni tagħna mhix salvazzjoni axxetika, tal-laboratorju, imma waħda konkreta, salvazzjoni ta’ ħajja f’mixja. Din il-lista twila tgħidilna li aħna parti ċkejkna minn storja kbira u tgħinna ma nippretendux protagoniżmi żejda, tgħinna naħarbu mit-tentazzjoni ta’ spiritwaliżmi li jaħarbu kull xorta ta’ impenn, biex ma ninqatgħux mill-ġrajjiet storiċi konkreti li jeħtieġ ngħixu fihom. U barra dan, tinkludi, fl-istorja tas-salvazzjoni tagħna, dawk il-paġni l-iżjed mudlama u ta’ niket, il-mumenti ta’ deżolazzjoni u abbandun li nistgħu nqabbluhom mal-eżilju.

 

Il-fatt li jissemmew in-nisa – l-ebda waħda minn dawk imsemmija fil-ġenealoġija ma tagħmel parti mill-ġerarkija tan-nisa kbar tat-Testment il-Qadim – jippermettilna nħossuna qrib tagħhom b’mod speċjali: huma, fil-ġenealoġija, dawk li jħabbru li fil-vini ta’ Ġesù hemm jiġri demm pagan, u li jfakkruna fi stejjer ta’ emarġinazzjoni u sottomissjoni. F’komunitajiet fejn sal-lum għadna nkaxkru saqajna b’atteġġjamenti patrijarkali u maskilisti, nagħmlu tajjeb jekk inxandru li l-Vanġelu jibda billi jlaqqagħna ma’ nisa li ħallew marka warajhom u kitbu l-istorja.

 

U qalb dan kollu, Ġesù, Marija u Ġużeppi. Marija bl-“iva” ġeneruża tagħha ħalliet lil Alla jidħol f’din l-istorja. Ġużeppi, raġel ġust, ma ħalliex il-kburija, il-passjonijiet jew iż-żelu jixħtuh barra mid-dawl. Minħabba l-mod kif qiegħed mibni r-rakkont, aħna nsiru nafu qabel Ġużeppi dak li seħħ lil Marija, u hu jieħu deċiżjonijiet li bihom juri l-kwalità umana tiegħu qabel ma jiġi megħjun mill-anġlu u jifhem dak kollu li kien qed jiġri madwaru. Il-kobor tal-qalb tiegħu jġagħlu jqiegħed għas-servizz tal-imħabba dak li kien tgħallem fil-liġi; u llum, f’din id-dinja fejn il-vjolenza psikoloġika, verbali u fiżika fuq il-mara hi evidenti, Ġużeppi jidher bħala figura ta’ bniedem tar-rispett, delikat li, imqar jekk ma kellux f’idejh it-tagħrif kollu, jiddeċiedi favur ir-reputazzjoni, id-dinjità u l-ħajja ta’ Marija. U fid-dubju tiegħu dwar kif għandu jġib ruħu l-aħjar, Alla jgħinu jagħżel billi jdawwallu l-ġudizzju tiegħu.

 

Dan il-poplu tal-Kolombja hu poplu ta’ Alla; anki hawn nistgħu nagħmlu ġenealoġiji mimlija stejjer, mimlija sew bi mħabba u b’dawl; oħrajn ta’ ġlied, ta’ offiżi, anki ta’ mewt… Kemm minnkom jistgħu jirrakkuntaw esperjenzi ta’ eżilju u ta’ deżolazzjoni! Kemm nisa, fis-skiet, baqgħu mexjin waħidhom, u kemm irġiel għall-kawża tal-ġid fittxew li jwarrbu kull korla u rabja biex iżewġu flimkien il-ġustizzja u t-tjieba! Kif nagħmlu biex inħallu d-dawl jidħol? Liema huma t-toroq tar-rikonċiljazzjoni? Bħal Marija, ngħidu “iva” għall-istorja sħiħa, u mhux għal parti waħda biss; bħal Ġużeppi, inwarrbu l-passjonijiet u l-kburija; bħal Ġesù Kristu, nagħmlu tagħna, nieħdu fuqna, inħaddnu din l-istorja, għax hawnhekk hawn intom, il-Kolombjani kollha, hawnhekk hawn dak li aħna… u dak li Alla jista’ jagħmel magħna jekk illissnu “iva” għall-verità, għat-tjieba, għar-rikonċiljazzjoni. U dan hu possibbli biss jekk nimlew bid-dawl tal-Vanġelu l-istejjer tagħna ta’ dnub, vjolenza u ġlied.

 

Ir-rikonċiljazzjoni mhix kelma li għandna nqisuha astratta; li kien hekk, kienet iġġib biss sterilità, kienet iġġib distanza ikbar. Li nirrikonċiljaw ruħna jfisser niftħu bieb lil kull wieħed u waħda mill-persuni li għexu r-realtà drammatika tal-kunflitt. Meta l-vittmi jegħlbu t-tentazzjonijiet tal-vendetta – li wieħed jasal biex jifhem –, meta jirbħu din it-tentazzjoni tal-vendetta, isiru protagonisti iżjed kredibbli tal-proċessi ta’ bini tal-paċi. Hemm bżonn li xi wħud isibu l-kuraġġ li jmiddu l-ewwel pass f’din id-direzzjoni, mingħajr ma joqogħdu jistennew li jagħmluh l-oħrajn. Biżżejjed persuna tajba biex ikun hemm it-tama! Tinsewhiex din: biżżejjed persuna tajba biex ikun hemm it-tama! U kull wieħed u waħda minna jista’ jkun dik il-persuna! Dan ma jfissirx li nkunu għomja jew naħbu d-differenzi u l-kunflitti. Ma jfissirx li niġġustifikaw l-inġustizzji personali jew strutturali. Ir-rikonċiljazzjoni konkreta ma nfittxuhiex biex nadattaw ruħna għal sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja. Pjuttost, kif għallimna San Ġwanni Pawlu II, “hi laqgħa bejn l-aħwa li lesti jegħlbu t-tentazzjoni tal-egoiżmu u jgħidu le għal tentattivi ta’ psewdo-ġustizzja; hi frott ta’ sentimenti qawwija, nobbli u ġenerużi, li jwassluna biex inwaqqfu mill-ġdid konvivenza msejsa fuq ir-rispett lejn kull individwu u lejn il-valuri ta’ kull soċjetà ċivili” (Ittra lill-Isqfijiet tas-Salvador, 6 ta’ Awwissu 1982). Għalhekk, ir-rikonċiljazzjoni tikkonkretizza ruħha u tissaħħaħ bis-sehem ta’ kulħadd, tgħinna nibnu l-futur u nkabbru t-tama. Kull sforz b’risq il-paċi mingħajr impenn sinċier ta’ rikonċiljazzjoni dejjem sa jkun falliment.

 

It-test tal-Vanġelu li għadna kemm smajna jilħaq il-quċċata tiegħu billi jsejjaħ lil Ġesù l-Għimmanu-El, li jfisser Alla magħna. L-istess kif jiftaħ, Mattew jagħlaq il-Vanġelu tiegħu: “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (28:20). Ġesù hu l-Għimmanu-El li jitwieled u l-Għimmanu-El li jimxi magħna ta’ kuljum, hu Alla magħna li jitwieled u Alla li jimxi magħna sal-aħħar taż-żmien. Din il-wegħda titwettaq anki fil-Kolombja: Mons. Jesús Emilio Jaramillo Monsalve, Isqof ta’ Arauca, u s-saċerdot Pedro María Ramírez Ramos, martri ta’ Armero, huma sinjali ta’ dan, l-espressjoni ta’ poplu li jrid joħroġ mill-ħama tal-vjolenza u tal-korla.

 

F’dan l-ambjent tassew sabiħ, imiss lilna li ngħidu “iva” għar-rikonċiljazzjoni konkreta; li l-“iva” tiġbor fiha wkoll in-natura tagħna. Mhux ta’ b’xejn li anki fuqha żvogajna l-passjonijiet possessivi tagħna, il-kilba li għandna biex naħkmu kollox. Kompatrijott tagħkom dan jgħannih bi ġmiel kbir: “Is-siġar qed jibku, huma xhieda ta’ tant snin ta’ vjolenza. Il-baħar ħmar, ħallat id-demm mal-art” (Juanes, Minas piedras). Il-vjolenza li tinsab fil-qalb tal-bniedem, miġruħa bid-dnub, tidher anki fis-sintomi ta’ mard li naraw fil-ħamrija tal-art, fl-ilma, fl-arja u fil-ħlejjaq ħajjin (ara Ittra enċiklika Laudato sì, 2). Issa jmiss lilna ngħidu “iva” bħal Marija u magħha ngħannu l-“għeġubijiet tal-Mulej”, biex, kif wiegħed lil missirijietna, hu jgħin lill-popli kollha u jgħin lil kull poplu, u jgħin lill-Kolombja li llum trid tirrikonċilja ruħha u lil nisilha għal dejjem.

 



 

 

Kelmtejn tal-Qdusija Tiegħu fi tmiem il-Quddiesa

 

Nirringrazzja lil Mons. Oscar Urbina Ortega, Arċisqof ta’ Villavicencio, għall-kelmtejn li għamilli f’isimkom kollha.

 

F’dan il-muemnt, nixtieq nuri l-qrubija spiritwali tiegħi lejn dawk kollha li qed isofru l-konsegwenzi tat-terremot li laqat lill-Messiku l-lejl li għadda, u ġab imwiet u ħsarat materjali kbar. Inwiegħed it-talb teigħi għal dawk li tilfu ħajjithom u l-familji tagħhom.

 

Barra minn hekk, qed insegwi mill-qrib l-iżilupp tal-urugan Irma li qed jolqot iż-żona tal-Karribej u jħalli warajh għadd ta’ vittmi u ħsarat materjali kbar, u jikkawża eluf ta’ nies bla saqaf. Inġorrhom f’qalbi u nitlob għalihom.

 

Lilkom nitlobkom tingħaqdu miegħi f’dawn l-intenzjonijiet; u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard