Il-paċi magħkom

Hekk l-Irxoxt sellem lill-merħla ċkejkna tiegħu wara li ħareġ rebbieħ fuq il-mewt; u hekk ħalluni nsellmilkom fil-bidu tal-vjaġġ tiegħi.

 

Nirringrazzjakom tal-kelmtejn ta’ merħba. Nifraħ li l-ewwel passi li qed immidd f’dan il-pajjiż wassluni biex niltaqa’ magħkom, Isqfijiet tal-Kolombja, biex fikom ngħannaq lill-Knisja kollha Kolombjana u biex irross lill-poplu tagħkom mal-qalb tiegħi ta’ Suċċessur ta’ Pietru. Grazzi ħafna tal-ministeru episkopali tagħkom, li nitlobkom li tkomplu teżerċitaw b’ġenerożità mġedda. Tislima partikulari tmur lill-Isqfijiet emeriti, u nagħmlilhom il-qalb biex jibqgħu jwieżnu, bit-talb u bil-preżenza diskreta tagħhom, lill-Għarusa ta’ Kristu li għaliha taw ħajjithom b’tant ġenerożità.

 

Ġejt biex inxandar lil Kristu u biex f’ismu nagħmel mixja ta’ paċi u ta’ rikonċiljazzjoni. Kristu hu l-paċi tagħna! Hu ħabbibna mill-ġdid ma’ Alla u bejnietna!

 

Jiena konvint li l-Kolombja għandha xi ħaġa oriġinali, xi ħaġa oriġinali ħafna li tiġbed bil-qawwa kollha l-attenzjoni tagħna: qatt ma kienet tir għalkollox imwettaq, lanqas destinazzjoni għalkollox milħuqa, u lanqas teżor għalkollox miksub. L-għana uman tagħha, ir-riżorsi naturali kotrana, il-kultura tagħha, is-sintesi Nisranija tagħha kollha dawl, il-wirt tal-fidi tagħha u l-memorja tal-evanġelizzaturi tagħha, il-ferħ spontanju u bla riservi tan-nies tagħha, it-tbissima prezzjuża taż-żgħażagħ tagħha, il-fedeltà oriġinali tagħha għall-Vanġelu ta’ Kristu u għall-Knisja tiegħu, u, fuq kollox, il-kuraġġ qawwi tagħha li tieqaf lill-mewt, mhux biss imħabbra, imma ħafna drabi miżrugħa: dan kollu hu maħfun – kif tagħmel il-warda tal-mimosa fil-ġnien, li donnha għandha bħal mistħija – ħa ngħidu li jinħeba, minn għajnejn dawk li jippreżentaw ruħhom bħala barranin li jridu jaħkmuh, jiddominawh, waqt li, għall-kuntrarju, joffri ruħu b’ġenerożità lil min imisslu qalbu bil-ħlewwa ta’ pellegrin. Hekk hi l-Kolombja.

 

Għalhekk, bħal pellegrin, indur fuq il-Knisja tagħkom. Jiena ħukom, nixtieq naqsam magħkom lil Kristu Rxoxt, li għalih l-ebda ħajt mhu għal dejjem, m’hemm l-ebda biża’ li ma jistax jinqered, l-ebda pjaga li hi bla fejqan.

 

Miniex l-ewwel Papa li ġie jkellimkom f’darkom. Tnejn mill-akbar predeċessuri tiegħi kienu mistiedna tagħkom: il-Beatu Pawlu VI, li ġie ftit wara l-għeluq tal-Konċilju Vatikan II biex iħeġġeġ it-twettiq kolleġġjali tal-misteru tal-Knisja fl-Amerika Latina; u San Ġwanni Pawlu II fiż-żjara appostolika memorabbli tiegħu fl-1986. Kliem it-tnejn li huma hu riżorsa permanenti, l-indikazzjonijiet li taw u s-sintesi stupenda li offrew fuq il-ministeru episkopali tagħkom huma wirt ta’ min iħarsu. Ma “qdiemx”. Nixtieq li dak li sa ngħidilkom teħduh f’kontinwità ma’ dak li għallmu huma.

 

Ħarriesa u sagrament tal-ewwel pass

“Immiddu l-ewwel pass” hu l-motto taż-żjara tiegħi, u anki għalikom dan hu l-ewwel messaġġ. Tafu tajjeb li Alla hu l-Mulej tal-ewwel pass. Hu dejjem jimxi qabilna. L-Iskrittura Mqaddsa kollha titkellem dwar Alla bħala eżiljat minnu nnifsu għall-imħabba tagħna. Hekk kien meta kien hemm biss dlamijiet, kaos, u hu ħareġ minnu nnifsu biex ġab kollox fl-eżistenza (ara Ġen 1:1-2:4); hekk seħħ meta hu niżel jippassiġġa fil-ġnien tal-bidu, u ntebaħ bl-għera tal-ħlejqa tiegħu (ara Ġen 3:8-9); hekk kien meta, pellegrin, daħal jistrieħ fl-għarix ta’ Abraham, u ħallielu l-wegħda ta’ frott li ma kienx ittamat (ara Ġen 18:1-10); hekk kien meta deher quddiem Mosè u saħħru għal warajh, xħin dan ma kien fadallu ebda xefaq għajr li jirgħa n-nagħaġ ta’ ħatnu (ara Eż 3:1-2); hekk kien meta ma warrabx ħarstu mill-maħbuba tiegħu Ġerusalemm, lanqas meta din ipprostitwiet ruħha fit-triq tal-infedeltà (ara Eżek 16:15); hekk kien meta emigra bil-glorja tiegħu lejn il-poplu eżiljat tiegħu fil-jasar (ara Eż 10:18-19).

 

U fil-milja taż-żmien, hu ried juri l-veru isem tal-ewwel pass, tal-ewwel pass tiegħu. Jismu Ġesù u hu pass irriversibbli. Ġej mil-libertà ta’ mħabba li timxi qabel kollox. Għax l-Iben, Hu nnifsu, hu l-espressjoni ħajja ta’ din l-imħabba. Dawk li jagħrfuh u jilqgħuh, jirċievu b’wirt id-don li jidħlu fil-libertà li fiha jistgħu jmiddu dejjem dan l-ewwel pass, ma jibżgħux li jintilfu jekk joħorġu minnhom infushom, għax għandhom il-garanzija tal-imħabba li toħroġ mill-ewwel pass ta’ Alla, boxla li ma tħallihomx jintilfu.

 

Mela ħarsu b’biża’ qaddis u b’qalb imqanqla dak l-ewwel pass ta’ Alla lejkom u, permezz tal-ministeru tagħkom, lejn in-nies li fdalkom f’idejkom, fl-għarfien li intom stess sagrament ħaj ta’ dik il-libertà divina li ma tibżax toħroġ minnha nfisha għall-imħabba, li ma tibżax tiftaqar hi u tingħata, li m’għandhiex bżonn qawwa oħra għajr l-imħabba.

 

Alla jimxi qabilna, aħna friegħi u m’aħniex id-dielja. Għalhekk, la ssikktux il-leħen ta’ dak li sejħilna, u taħsbux li huma l-bosta virtujiet imsejkna tagħkom jew il-fatt li tinġiebu mas-setgħanin ta’ dan ż-żmien li se jiżguraw ir-riżultat tal-missjoni li Alla fdalkom. Għall-kuntrarju, ittallbu, ittallbu fit-talb meta ma tistgħux tagħtu la lill-oħrajn u lanqas lilkom infuskom, biex ikollkom xi ħaġa x’toffru lil dawk li jersqu kull ħin lejn il-qalb tagħkom ta’ Ragħajja. It-talb fil-ħajja tal-Isqof hu l-vina prinċipali li tgħaddi mid-dielja, li mingħajrha l-fergħa tinxef u ma tagħmilx frott. Għalhekk, ħuduha ma’ Alla, iżjed u iżjed fil-lejl li fih hu ma jidhirx, sakemm hu jkollu jberikkom (ara Ġen 32:25-27). Il-ġrieħi ta’ din il-battalja urġenti ta’ kuljum fit-talb isiru għejun ta’ fejqan għalikom; tisfaw miġruħa minn Alla biex issiru kapaċi tfejqu.

 

Uru l-identità tagħkom ta’ sagrament tal-ewwel pass ta’ Alla

Fil-fatt, biex nagħmlu tanġibbli l-identità ta’ sagrament tal-ewwel pass ta’ Alla, hu meħtieġ eżodu ġewwieni kontinwu. “Fil-fatt ma hemmx stedina iżjed qawwija għall-imħabba minn dik li nkunu aħna l-ewwel li nħobbu” (WistinDe cat. rud., I, 4.7, 26: PL 40), u, għalhekk, l-ebda qasam tal-missjoni episkopali ma jista’ jaħrab din il-libertà tal-ewwel pass. Il-kundizzjoni tal-possibbiltà għat-twettiq tal-ministeru appostoliku hi d-dispożizzjoni li nersqu lejn Ġesù u nħallu warajna “dak li konna, biex nistgħu nsiru dak li ma konniex” (Id., En. in ps., 121,12: PL 36).

 

Inħeġġiġkom biex tgħassu mhux biss individwalment imma anki kolleġġjalment, doċli għall-Ispirtu s-Santu, fuq dan il-punt permanenti ta’ tluq. Mingħajr dan in-nukleu, il-linji gwida tal-Imgħallem jiddgħajfu fuq wiċċ id-dixxipli, il-missjoni teħel, u tonqos il-konverżjoni pastorali, li mhix ħlief li nagħtu tweġiba għall-urġenza tat-tħabbira tal-Vanġelu bil-ferħ illum, għada u pitgħada (ara Lq 13:33), żelu li kkonsma l-Qalb ta’ Ġesù u ħallieh mingħajr fejn imidd rasu, mogħti biss għat-twettiq sal-aħħar tar-rieda tal-Missier (ara Lq 9:58,62). Liema futur ieħor nistgħu nfittxu? X’dinjità oħra nistgħu naspiraw għaliha?

 

Tkejlux ruħkom bir-riga ta’ dawk li jridukom biss kasta ta’ funzjonarji magħluqa fid-dittatura tal-preżent. Imma żommu ħarsitkom dejjem imsammra fuq l-eternità ta’ Dak li għażilkom, u kunu lesti li tilqgħu minn fommu l-ġudizzju deċiżiv.

 

Fil-kumplessità tal-wiċċ ta’ din il-Knisja Kolombjana, importanti ħafna li nżommu sħiħa s-singolarità tal-qawwiet differenti u leġittimi tagħha, is-sensibbiltajiet pastorali, il-partikularitajiet reġjonali, il-memorji storiċi, l-għana tal-esperjenzi ekkleżjali partikulari. F’Għid il-Ħamsin kulħadd seta’ jisma’ bl-ilsien tiegħu. Għalhekk, fittxu b’perseveranza l-komunjoni bejnietkom. Tehdew qatt tibnuha permezz tad-djalogu miftuħ u fratern, u kkundannaw il-proġetti moħbija bħallikieku kienu pesta. Fittxu li twettqu l-ewwel pass wieħed lejn l-ieħor. Kunu qabel l-oħrajn fid-disponibbiltà biex tifhmu r-raġunijiet tagħhom. Ħa tistagħnew minn dak li l-ieħor għandu x’joffrilkom u ibnu Knisja li toffri lil dan il-pajjiż xhieda elokwenti ta’ kemm nistgħu nimxu ’l quddiem meta nkunu disposti ma nibqgħux f’idejn il-ftit. Ir-rwol tal-Provinċji Ekkleżjastiċi f’relazzjoni mal-istess messaġġ ta’ evanġelizzazzjoni hu fundamentali, biex ikunu diversi u f’armonija l-ilħna li jxandruh. Għalhekk, tikkuntentawx ruħkom b’impenn minimu medjokri, li jħalli lill-irrassenjati fil-kwiet trankwill tal-impotenza tagħhom, waqt li fl-istess ħin isikket dawk it-tamiet li jeħtieġu l-kuraġġ li jserrħu mill-ġdid fuq il-qawwa ta’ Alla iżjed milli fuq id-dgħufija tagħhom.

 

Ħa jkollkom sensibbiltà partikulari għall-għeruq Afro-Kolombjani tal-poplu tagħkom, li b’ġenerożità tant kbira kellhom sehem fit-tfassil tal-wiċċ ta’ din l-art.

 

Missu l-laħam tal-ġisem ta’ Kristu

Nistedinkom ma tibżgħux tmissu l-laħam miġruħ tal-istorja tagħkom u tal-istorja ta’ nieskom. Dan agħmluh b’umiltà, mingħajr il-pretensjoni vojta ta’ protagoniżmu u b’qalb sħiħa, meħlusa mill-kompromessi jew is-serviliżmi. Alla biss hu l-Mulej, u r-ruħ tagħna ta’ Ragħajja m’għandha toqgħod għall-ebda kawża oħra ħlief tiegħu.

 

Il-Kolombja għandha bżonn tal-ħarsa tagħkom, il-ħarsa proprja, tipika ta’ Isqfijiet, biex tweżinha bil-kuraġġ tal-ewwel pass lejn il-paċi definittiva, ir-rikonċiljazzjoni, biex tħalli warajha l-vjolenza bħala metodu, tegħleb in-nuqqas ta’ ugwaljanza li hi l-għerq ta’ tant tbatija, tiċħad it-triq ħafifa imma li ma taqlagħniex mill-korruzzjoni, u bis-sabar u l-perseveranza kollha ssaħħaħ ir-res publica, li titlob li jingħelbu l-miżerja u n-nuqqas ta’ ugwaljanza.

 

Ovvjament din hi biċċa xogħol iebsa imma li ma nistgħux ma nidħlux għaliha: it-triq hi għat-telgħa u s-soluzzjonijiet mhumiex ovvji. Mill-għoli ta’ Alla, li hu s-salib ta’ Ibnu, tiksbu l-qawwa; għad-dawl umli ta’ għajnejn l-Irxoxt tistgħu timxu t-triq; tisimgħu l-leħen tal-Għarus li jpespes lill-qalb, tirċievu l-kriterji biex tgħarblu mill-ġdid, f’kull dubju, id-direzzjoni t-tajba.

 

Wieħed mill-kittieba illustri tagħkom kiteb hekk dwar tnejn mill-persunaġġi mitiċi tiegħu: “Ma kontx nistħajjel li iżjed faċli tibda gwerra milli tikkonkludiha” (Gabriel García Márquez, Cent’anni di solitudine, kap. 9). Ilkoll nafu li l-paċi tesiġi mill-bnedmin kuraġġ morali differenti. Il-gwerra tiġi min dak li hu l-iżjed baxx fil-qalb tagħna, waqt li l-paċi tridna nsiru ikbar milli aħna. Imbagħad, il-kittieb żied: “Ma kontx naħseb li trid daqshekk kliem biex tfisser dak li kont tħoss fil-gwerra, fir-realtà biżżejjed kelma waħda: biża’” (ibid., kap. 10). M’hemmx bżonn inkellimkom fuq dan il-biża’, dan l-għerq velenuż, frott qares u wirt diżgrazzjat ta’ kull kunflitt. Nixtieq nagħmlilkom il-qalb biex tibqgħu temmnu li hemm mod ieħor kif naġixxu, tiftakru li intom ma rċivejtux spirtu ta’ lsiera biex terġgħu taqgħu fil-biża’; l-istess Spirtu jixhed li intom ulied iddestinati għall-ħelsien tal-glorja li nżammet għalikom (ara Rum 8:15-16).

 

Intom taraw b’għajnejkom u tafu kif ftit oħra jafu kemm qed jitlef surtu l-wiċċ ta’ dan il-pajjiż, intom ħarriesa tal-elementi fundamentali li jagħmluh wieħed, minkejja l-ħafna tiċrit tiegħu. Proprju għalhekk, il-Kolombja għandha bżonn tagħkom biex tagħraf lilha nfisha fil-veru wiċċ tagħha mimli tama minkejja l-imperfezzjonijiet tiegħu, biex niesha jaħfru lil xulxin minkejja l-ġrieħi li għadhom ma għalqux għalkollox, biex temmen li tista’ tgħaddi minn tirq oħra anki meta t-telqa twassalha biex tagħmel l-istess żbalji, biex issib il-kuraġġ tegħleb dak li jista’ jagħmilha miżerabbli minkejja t-teżori tagħha.

 

Ninkuraġġikom – dan inħossu bħala dmir tiegħi, ġej minn qalbi, inħoss li għandi ngħidu –, agħmlu l-qalb – irrid ngħaddilkom sewwasew dan il-kuraġġ –, ninkuraġġikom ma tegħjewx tagħmlu minn kull waħda mill-Knejjes tagħkom ġuf imdawwal, li kapaċi jnissel il-ħlejjaq ġodda li għandha bżonn din l-art. Stkennu fl-umiltà tan-nies tagħkom biex tintebħu bir-riżorsi moħbija tagħhom, umani u ta’ fidi, isimgħu kif l-umanità mneżżgħa tagħhom hi mxennqa grazzi għad-dinjità li l-Irxoxt biss jista’ jagħti. Tibżgħux tiċċaqalqu minn dawk li jidhru bħala ċertezzi tagħkom ħalli tfittxu l-glorja vera ta’ Alla, li hu l-bniedem ħaj. Kuraġġ! Ninkuraġġikom f’din il-mixja.

 

Il-kelma tar-rikonċiljazzjoni

Ħafna jistgħu jikkontribwixxu għall-isfida ta’ dan in-Nazzjon, imma l-missjoni tagħkom hi partikulari. Intom m’intomx tekniċi u lanqas politiċi, intom Ragħajja. Kristu hu l-kelma ta’ rikonċiljazzjoni miktuba fil-qlub tagħkom u għandkom il-qawwa li tistgħu tlissnuha mhux biss mill-pulpti, fid-dokumenti ekkleżjali jew fl-artikli tal-perjodiċi, imma iżjed u iżjed fil-qalb tal-persuni, fis-santwarju sigriet tal-kuxjenzi tagħhom, fit-tama mixgħula li tiġbidhom għas-smigħ tal-leħen tas-Sema li jipproklama: “Paċi fl-art lill-bnedmin li Alla jħobb” (Lq 2:14). Intom tridu xxandruha bir-riżorsa dgħajfa, umli, imma qatt mirbuħa tal-ħniena ta’ Alla, l-unika waħda li kapaċi tegħleb, tirbaħ fuq is-suppervja ċinika tal-qlub magħluqa fihom infushom.

 

Il-Knisja ma jinteressaha xejn ħlief il-libertà li tlissen din il-Kelma, li tkun ħielsa li xxandar din il-Kelma. M’hemm bżonn ta’ ebda patt ma’ parti jew l-oħra, imma biss il-libertà li tkellem lill-qlub ta’ kulħadd. Proprju hemm għandkom l-awtonomija u l-poter li tħarrku l-ilma, hemm għandkom il-possibbiltà li treġġgħu lura l-arloġġ.

 

Fil-qalb umana, ħafna drabi mqarrqa, ibejjet il-proġett bla sens li tagħmel mill-ħajja ħolqien kontinwu ta’ spazji biex fihom tqiegħed dak li taħżen. Imma dan hu ingann. Proprju hawn jeħtieġ tidwi l-mistoqsija: X’jiswa li l-bniedem jikseb id-dinja kollha biex imbagħad jitlef ruħu (ara Mt 16:26)?

 

Minn fuq fommkom ta’ Ragħajja leġittimi ta’ Kristu, kif tassew intom, il-Kolombja għandha d-dritt li tħoss il-verità ta’ Alla tisfidaha, hu li qed itennilha kontinwament: “Fejn hu ħuk?” (Ġen 4:9). Hija mistoqsija li ma tistax tissikket, lanqas meta min jismagħha ma jista’ jagħmel xejn għajr ibaxxi ħarstu lejn l-art, imħawwad, u jgedwed il-mistħija tiegħu għax kien hu li biegħu, forsi għall-prezz ta’ xi doża ta’ droga jew kunċett ħażin ta’ sigurtà nazzjonali, inkella minħabba l-kuxjenza falza li l-fini jiġġustifika l-mezzi.

 

Nitlobkom iżżommu dejjem ħarsitkom imsammra fuq il-bniedem konkret. Tkunux qaddejja ta’ kunċett ta’ bniedem, imma tal-persuna umana maħbuba minn Alla, tad-demm u l-laħam, bi storja, fidi, tama, sentimenti, delużjonijiet, frustrazzjonijiet, ġrieħi, u taraw li din il-konkretezza tal-bniedem tneżża’ l-maskra tal-istatistiċi kiesħa, il-kalkoli mmanipulati, l-istrateġiji għomja, l-informazzjoni mgħawġa, u ftakru li “fil-fatt il-misteru tal-bniedem jiddawwal tassew biss fil-misteru tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem” (Gaudium et spes, 22).

 

Knisja f’missjoni

Waqt li naf bil-ħidma pastorali li diġà qed twettqu minn qalbkom, ħalluni issa nippreżentalkom xi tħassib li nġorr fil-qalb tiegħi ta’ Ragħaj, għax nixtieq inħeġġiġkom biex tkunu dejjem iżjed Knisja f’missjoni. Il-predeċessuri tiegħi diġà saħqu fuq xi wħud minn dawn l-isfidi: il-familja, il-ħajja, iż-żgħażagħ, is-saċerdoti, il-vokazzjonijiet, il-lajċi, il-formazzjoni. Fl-għaxriet tas-snin li għaddew, minkejja l-ħidma kbira, forsi saru iktar ibsin it-tweġibiet biex tkun iżjed effikaċi l-maternità tal-Knisja f’li tnissel, titma’ u ssieħeb lil uliedha.

 

Jiġuni f’moħħi l-familji Kolombjani, il-ħarsien tal-ħajja mill-ġuf tal-omm sat-tmiem naturali, il-pjaga tal-vjolenza u tax-xorb alkoħoliku, spiss mifruxa fil-familji, id-dgħufija tar-rabta taż-żwieġ u n-nuqqas tal-missirijiet fil-familja bil-konsegwenzi traġiċi ta’ nuqqas ta’ sigurtà u wlied iltiema. Jiġuni f’moħħi tant żgħażagħ mhedda mill-vojt tar-ruħ u maħkuma mid-droga bħala l-unika tama, jew mill-istil ta’ ħajja faċli jew mit-tentazzjoni li jeħduha kontra kollox. Jiġuni f’moħħi l-għadd ta’ saċerdoti ġenerużi u l-isfida li nweżnuhom fl-għażla fidila u ta’ kuljum għal Kristu u għall-Knisja, waqt li xi oħrajn jibqgħu fin-newtralità komda ta’ min ma jagħżel xejn biex jibqa’ waħdu miegħu nnifsu. Jiġuni f’moħħi l-fidili lajċi mxerrda fil-Knejjes partikulari kollha, li jirreżistu bil-qawwa li jħallu jiġborhom flimkien lil Alla li hu komunjoni, anki meta mhux wieħed jew tnejn jipproklamaw id-domma ġdida tal-egoiżmu u tal-mewt ta’ kull solidarjetà, kelma li donnhom iridu jqaċċtu mid-dizzjunarju. Jiġini f’moħħi l-isforz tassew kbir ta’ ħafna biex jinżlu iktar fil-fond tal-fidi u jagħmluha dawl ħaj għall-qlub u musbieħ għall-ewwel pass.

 

Ma ġibtilkomx riċetti u lanqas irrid inħallilkom xi lista ta’ xogħlijiet. Fl-aħħar mill-aħħar irrid nitlobkom biex tibqgħu sereni, waqt li twettqu f’komunjoni l-missjoni serja tagħkom ta’ Ragħajja fil-Kolombja. Ma nafx għandix ngħidilkom issa, imma, jekk ħa nesaġera, aħfruli, imma qed jiġini f’moħħi li din hi virtù li neħtiġuha iżjed: żommu s-serenità. Mhux għax m’għandkomx, imma hemm bżonn ikollna iżjed. Tafu tajjeb li billejl il-ħażin jibqa’ jiżra’ s-sikrana, imma intom ħa jkollkom is-sabar ta’ Sid l-għalqa, u afdaw fil-kwalità tajba taż-żerriegħa tagħkom. Tgħallmu mis-sabar u l-qalb kbira tiegħu. Iż-żminijiet tiegħu huma twal għax il-ħarsa tiegħu kollha mħabba hi bla qies. Meta l-imħabba tkun skarsa, il-qalb ma tibqax taf tistabar, moħħha kif ħa tagħmel ħaġa u l-oħra, mikula mill-biża’ li falliet. Fuq kollox, emmnu fl-umiltà taż-żerriegħa ta’ Alla. Afdaw fil-qawwa moħbija fl-għaġna tiegħu. Orjentaw qalbkom lejn il-faxxinu li jiġbed lejh u jġagħal lil dak li jkun ibigħ kollox biex jikseb dak it-teżor divin.

 

Fil-verità, x’hemm iżjed b’saħħtu li tistgħu toffru lill-familja Kolombjana mill-qawwa umli tal-Vanġelu tal-imħabba ġeneruża li xxierek flimkien ir-raġel u l-mara, u tagħmilhom xbieha tal-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja, messaġġiera u ħarriesa tal-ħajja? Il-familji għandhom bżonn ikunu jafu li fi Kristu jistgħu jsiru siġar b’ħafna weraq li kapaċi joffru d-dell, jagħmlu l-frott f’kull staġun tas-sena, jilqgħu l-ħajja qalb il-friegħi tagħhom. Huma ħafna llum dawk li jqimu siġar bla dell, bla frott, friegħi bla bejtiet fuqhom. Għalikom, ħa jkun il-punt tat-tluq ix-xhieda hienja li l-ferħ tagħna jinsab band’oħra.

 

X’tistgħu toffrulhom liż-żgħażagħ tagħkom? Huma jridu jħossuhom maħbuba, ma jafdawx f’dawk li jissottovalutawhom, jitolbu koerenza ċara u jistennew li jiġu involuti. Ilqgħuhom, għalhekk, bil-qalb ta’ Kristu u iftħulhom spazji fil-ħajja tal-Knejjes tagħkom. Tieħdu sehem fl-ebda negozjat li jbigħ it-tamiet tagħhom. Tibżgħux tgħollu leħinkom b’serenità biex tfakkru lil kulħadd li soċjetà li tħalli tiġbidha l-illużjoni tat-traffikar tad-droga tkun qed tkaxkar lilha nfisha f’dik il-metastasi morali li tbigħ l-infern u tiżra’ kullimkien il-korruzzjoni, u fl-istess waqt tħaxxen bwiet dawk li jevitaw it-taxxi.

 

X’tistgħu tgħidulhom lis-saċerdoti tagħkom? L-ewwel don hu dak tal-paternità tagħkom, li tiżgura li d-driegħ li nissilhom u dilikhom issa ma nħebiex minn ħajjithom. Qed ngħixu fl-era tal-informatika u mhux diffiċli għalina nilħqu lis-saċerdoti tagħna mill-ewwel permezz ta’ xi programm ta’ messaġġi. Imma l-qalb ta’ missier, ta’ Isqof, ma tistax tillimita ruħha għall-komunikazzjoni mal-presbiterju tiegħu b’mod prekarju, impersonali u esterjuri. Mill-qalb tal-Isqof qatt m’għandha tkun nieqsa l-preokkupazzjoni, it-tħassib san fuq fejn qed jgħixu s-saċerdoti tiegħu. Qed jgħixu tassew skont il-qalb ta’ Ġesù? Jew sabu ċertezzi oħra bħalma huma l-istabbiltà ekonomika, l-ambigwità morali, il-ħajja doppja jew l-aspirazzjoni għamja għall-karriera? Is-saċerdoti għandhom bżonn, urġenti u vitali, tal-qrubija fiżika u affettiva tal-Isqof tagħhom. Għandhom bżonn iħossu li għandhom missier.

 

Spallejn is-saċerdoti spiss huma mtaqqla bit-taħbit tal-ħidma ta’ kuljum tal-Knisja. Huma quddiem nett, kontinwament imdawra min-nies li, għajjiena, tfittex fihom il-wiċċ tar-Ragħaj. In-nies tersaq u tħabbat fuq bieb il-qalb tagħhom. Huma jridu jagħtu lill-folol x’jieklu u l-ikel ta’ Alla qatt mhu proprjetà li wieħed jista’ juża kif irid. Għall-kuntrarju, ġej biss mill-faqar li jidħol f’kuntatt mat-tjieba divina. Tibqa’ dejjem it-tentazzjoni li nibagħtu lin-nies id-dar u nieklu aħna dak il-ftit li b’mod żbaljat nagħmluh tagħna (ara Lq 9:13).

 

Għalhekk għassu fuq l-għeruq spiritwali tas-saċerdoti tagħkom. Wassluhom kontinwament lejn dik iċ-Ċesarija ta’ Filippu fejn, mill-oriġini tal-Ġordan ta’ kull wieħed, jistgħu jisimgħu mill-ġdid il-mistoqsija ta’ Ġesù: “Min jien għalik?”. Ir-raġuni tad-deterjorament gradwali li ħafna drabi jwassal għall-mewt tad-dixxiplu hi dejjem f’qalb li ma tistax twieġeb iżjed: “Int il-Messija, Bin Alla l-Ħaj” (ara Mt 16:13-16). Minn hawn jibda jonqos il-kuraġġ tal-irriversibbiltà tad-don tagħna nfusna, u jiġi wkoll id-diżorjentament interjuri, l-għeja ta’ qalb li ma tafx iżjed issieħeb lill-Mulej fil-mixja tiegħu lejn Ġerusalemm.

 

U nitlobkom, ħudu ħsieb b’mod speċjali tal-mixja formattiva tas-saċerdoti, ibda mit-tnissil tas-sejħa ta’ Alla fil-qalb tagħhom. Ir-Ratio fundamentalis institutionis sacerdotalis il-ġdida, li ġiet ippubblikata riċentement, hi riżorsa valida, li għadha trid tiġi applikata, biex il-Knisja fil-Kolombja tilqa’ bl-ogħla mod id-don ta’ Alla li qatt ma heda jsejjaħ tant minn uliedu għas-saċerdozju.

 

Nitlobkom, tittraskurawx il-ħajja tal-ikkonsagrati. Huma d-daqqa ta’ ħarta kerigmatika lil kull mondanità u huma msejħa jaħarqu kull tidwir ta’ valuri mondani fin-nar tal-Beatitudnijiet li huma jgħixu sine glossa u fl-umiljazzjoni totali tagħhom infushom fil-qadi. Jekk jogħġobkom, tqisuhomx bħala “riżorsi bla siwi” għall-opri appostoliċi; pjuttost, agħrfu fihom il-karba tal-imħabba kkonsagrata tal-Għarusa: “Ejja, Mulej Ġesù” (Apok 22:20).

 

Ħa jkollkom l-istess preokkupazzjoni għall-formazzjoni tal-lajċi, li minnha tiddipendi mhux biss is-solidità tal-komunitajiet tal-fidi, imma parti kbira mill-preżenza tal-Knisja fl-oqsma tal-kultura, tal-politika, tal-ekonomija. Li niffurmaw fil-Knisja jfisser nidħlu f’kuntatt mal-fidi ħajja tal-Komunità ħajja, nindiehsu qalb wirt ta’ esperjenzi u ta’ tweġibiet imqanqla mill-Ispirtu s-Santu, għax hu li jgħallem il-ħwejjeġ kollha (ara Ġw 14:26).

 

U qabel nagħlaq – diġà tawwalt ħafna – nixtieq ngħid xi ħaġa dwar l-isfidi tal-Knisja fl-Amażonja, reġjun li bih ġustament intom imkabbrin, għax hu parti essenzjali mill-bijodiversità mill-isbaħ ta’ dan il-pajjiż. L-Amażonja hi għalina lkoll prova deċiżiva biex nivverifikaw jekk is-soċjetà tagħna, kważi dejjem ridotta għall-materjaliżmu u għall-pragmatiżmu, hix kapaċi tħares dak li rċiviet b’xejn, mhux biex tħarbtu, imma biex tagħmlu aktar għammiel. Qed jaħbat ma’ moħħi qabelxejn l-għerf misterjuż tal-popli indiġeni tal-Amażonja u nistaqsi jekk għadniex kapaċi nitgħallmu minnhom is-sagralità tal-ħajja, ir-rispett għan-natura, l-għarfien li r-raġuni strumentali mhix biżżejjed biex nimlew il-ħajja tal-bniedem u nwieġbu għat-tiftixa profonda li tisfidah.

 

Għalhekk nistedinkom ma titilqux waħidha lill-Knisja fl-Amażonja. It-tisħiħ, il-konsolidament ta’ wiċċ Amażoniku għall-Knisja li hawn hi pellegrina hu sfida tagħkom kollha, li tiddipendi mill-appoġġ missjunarju, konxju u dejjem jikber, min-naħa tad-djoċesijiet kollha Kolombjani u l-kleru kollu. Smajt li f’xi lingwi Amażoniċi tal-post, biex jirriferu għal-kelma “ħabib” jinqdew bl-espressjoni “driegħi l-ieħor”. Kunu mela d-driegħ l-ieħor tal-Amażonja. Il-Kolombja ma tistax taqtgħu mingħajr ma jinbidlu wkoll wiċċha u ruħha.

 

Għeżież ħuti,

 

Nistedinkom idduru spiritwalment lejn Sidtna tar-Rużarju ta’ Chiquinquirá, li x-xbieha tagħha intom ġentilment ġibtu mis-Santwarju tagħha fil-Katidral maestuż ta’ din il-belt biex jien stajt nikkontemplaha.

 

Kif tafu tajjeb, il-Kolombja ma tistax tagħti lilha nfisha t-Tiġdid li lejh taspira, mingħajr ma dan jingħata minn fuq. Mela ejjew nitolbuh lill-Mulej, permezz tal-Verġni Mbierka.

 

Kif f’Chiquinquirá Alla ġedded il-ġmiel tal-wiċċ tal-Omm tiegħu, hekk hu jkompli jdawwal bid-dawl tiegħu tas-Sema l-wiċċ ta’ dan il-pajjiż kollu u jbierek il-Knisja fil-Kolombja, huwa u jseħibha bit-tjieba tiegħu, u jbierek lilkom. Grazzi ta’ dak kollu li tagħmlu.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard