Għeżież ħuti!

Mill-ewwel ġurnata xtaqt li jasal dan il-mument li aħna niltaqgħu. Intom iġġorru f’qalbkom u f’laħamkom is-sinjali, is-sinjali tal-istorja ħajja u reċenti tal-poplu tagħkom, immarkata minn ġrajjiet traġiċi imma anke mimlija minn atti ejoċi ta’ umanità kbira u ta’ valur spiritwali ta’ fidi u ta’ tama. Dan kollu smajnieh. Ġejt hawn b’rispett u b’għarfien ċar li nsib ruħi, bħal Mosè, li npoġġi saqajja fuq art qaddisa (ara Eż 3,5). Din hi art minquxa bid-demm ta’ eluf ta’ vittmi innoċenti u tad-dulur u t-tbatija profondi tal-familji tagħhom u ta’ dawk li jafuhom. Dawn huma ġrieħi li fadlilhom ħafna biex ikunu mfejqa u li jweġġgħu lil kulħadd, għaliex kull vjolenza mwettqa kontra l-bniedem, hija ġerħa fil-laħam tal-umanità; kull mewt vjolenti rridu “nqisuha” bħala persuna.

 

Jiena qiegħed hawn mhux aktar biex nitkellem imma biex inkun viċin tagħkom u nħares f’għajnejkom, biex nismagħkom u biex niftaħ qalbi għax-xhieda ta’ ħajja u ta’ fidi tagħkom. U, jekk tippermettuli, irrid ngħannaqkom u, jekk Alla jagħtini l-grazzja – għaliex hija grazzja – irrid nibki magħkom, irid nitlob magħkom u naħfru lil xulxin – anke jien irrid nitlob maħfra – u hekk, ilkoll flimkien, inkunu nistgħu nħarsu u nimxu ‘l quddiem bil-fidi u bit-tama.

 

Erġajna ngħaqadna flimkien taħt il-Kurċifiss ta’ Bojayà, li fit-2 ta’ Mejju 2002 assista u bata l-massakru ta’ għaxriet ta’ persuni li fittxew ir-refuġju fil-knisja tiegħu.  Din id-dehra għandha valur qawwi simboliku u spiritwali. Meta nħarsu lejh nikkontemplaw mhux biss dak li ġara dakinhar, imma tant uġigħ, tant imwiet, tant ħajjiet mitlufa u tant demm imxerred fil-Kolumbja f’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin. Meta naraw lil Kristu f’dik is-sura, imbiċċer u mweġġa’, nistaqsu. M’għandux aktar idejn u l-ġisem tiegħu m’għadux hemm. Kristu minfud u mkisser, għalina jibqa’ “aktar Kristu”, għaliex jibqa’ jurina għal darboħra li hu ġie biex ibati għall-poplu tiegħu u mal-poplu tiegħu; u anke biex jgħallimna li l-mibgħeda mhix l-aħħar kelma, li l-imħabba hi aktar qawwija mill-mewt u mill-vjolenza. Jgħallimna biex inbiddlu d-dulur tagħna f’għajn ta’ ħajja u ta’ qawmien, sakemm flimkien lejh u miegħu nitgħallmu l-qawwa tal-maħfra, il-kobor tal-imħabba.

 

Grazzi għalikom l-erbgħa, ħutna, li xtaqtu taqsmu magħna x-xhieda tagħkom, f’isem tant u tant oħrajn. Kemm jagħmel tajjeb – jidher mod egoist – imma kemm jagħmel tajjeb li nisimgħu l-istorja tagħkom! Ninsab emozzjonat, kommoss. Huma ġrajjiet ta’ tbatija u ta’ dwejjaq, imma anke, u fuq kollox, huma stejjer ta’ mħabba u ta’ maħfra fejn nitkellmu fuq il-ħajja u fuq it-tama, li ma nħallux il-mibgħeda, il-vendetta u t-tbatija jkunu s-sidien tal-qlub tagħna.

 

L-oraklu ta’ tmiem Salm 85: “L-imħabba u l-verità jiltaqgħu, il-ħaqq u s-sliem jitbewsu” (vers 11) jiġi wara r-ringrazzjament u t-talba li fiha nitolbu lil Alla: Ġeddidna! Grazzi, Mulej, għax-xhieda ta’ dawk li ġabu t-tbatija u li jitolbu maħfra;  ta’ dawk li sofrew b’mod inġust u li jaħfru. Dan hu possibbli biss bl-għajnuna tiegħek u bil-preżenza tiegħek, u diġà hu sinjal kbir li int trid terġa’ tibni l-paċi u l-ftehim f’din l-art Kolumbjana.

 

Pastora Mira, inti għedtha tajjeb ħafna: tridu tpoġġu t-tbatijiet tagħkom, u dak ta’ eluf ta’ vittmi, f’riġlejn Ġesù Kurċifiss, għaliex jgħaqqadhom ma’ tiegħu u hekk jittrasformahom f’barka u f’kapaċità għall-maħfra biex titkisser il-katina tal-vjolenza li saltnet fil-Kolumbja. U għandek raġun: il-vjolenza ġġib il-vjolenza, il-mibgħeda ġġib mibgħeda oħra, u l-mewt iġġib mewt oħra. Għandna nkissru din il-katina li tidher li ma nistgħux neħilsu minnha, u dan hu possibbli biss bil-maħfra u bir-rikonċiljazzjoni konkreta. U int, għażiża Pastora, u tant oħrajn bħalek, li wrejtna li dan hu possibbli. Bl-għajnuna ta’ Kristu, ta’ Kristu ħaj f’nofs il-komunità, hu possibbli li nirbħu l-mibgħeda, hu possibbli li nirbħu l-mewt, hu possibbli li nibdew mill-bidu u li nagħtu ħajja għal Kolumbja ġdida. Grazzi, Pastora; kemm qed tagħmlilna ġid illum lilna lkoll bix-xhieda ta’ ħajtek! Hu l-Kurċifiss ta’ Bojayà li tak il-qawwa biex taħfer u biex tħobb, u kien hu li għenek tara fil-qmis li bintek Sandra Paola tat lil ibnek Jorge Aníbal, mhux biss it-tifkira ta’ mewthom imma t-tama li l-paċi żgur tittrijonfa fil-Kolumbja. Grazzi, grazzi!

 

Aħna nikkommovu ruħna wkoll b’dak li qalet Luz Dary fix-xhieda tagħha:  li l-ġrieħi tal-qalb huma aktar fondi u diffiċli biex ifiqu minn dawk tal-ġisem. Hekk hu.  U hu għalhekk aktar importanti, inti tajt kas li ma tistax tgħix b’emozzjonijiet ta’ mibgħeda, li l-imħabba biss teħles u tibni. U b’dan il-mod inti bdejt biex tfejjaq anke l-feriti ta’ vittmi oħra, biex terġa’ tibdni mill-ġdid id-dinjità tagħhom. Dak li ħareġ minnek stess lilek għanik, inti għent bil-quddiem biex tħares, biex tfittex il-paċi u s-serenità u anke l-għan biex tibqa’ miexja. Nirringrazzjak tal-krozza li qed toffri. Għalkemm xorta tibqa’ mweġġgħa, li jibqgħulek konsegwenzi fiżiċi tal-weġgħat tiegħek, l-imbuttatura spiritwali tiegħek tibqa’ qawwija u soda. Din l-imbuttatura spiritwali m’għandhiex bżonn ta’ krozzi; u hi ħafifa u soda għaliex taħseb fl-oħrajn – grazzi! – u trid tgħinhom.

Din il-krozza tiegħek hija simbolu tal-krozza l-oħra aktar importanti, li lkoll kemm aħna għandna bżonn, li hi l-imħabba u l-maħfra. Bl-imħabba tiegħek u l-maħfra tiegħek inti qiegħda tgħin tant persuni biex jimxu mgħaġġlin fil-ħajja tagħhom bħalma qiegħda tagħmel int. Grazzi!

 

Nixtieq nirringrazzja wkoll għax-xhieda elokwenti lil Deisy u Juan Carlos. Għentuna nifhmu li kulħadd, fl-aħħar mill-aħħar, b’mod jew ieħor, hu vittma, jew innoċenti jew ħati, imma kollha kemm aħna vittmi, minn naħa u minn oħra; kollha aħna vittmi. Ninsabu magħqudin kollha kemm aħna f’din it-telfa tal-umanità li ġabu fostna l-vjolenza u l-mewt. Deisy, inti għedtha ċara ħafna; inti fhimt li inti stess kont sirt vittma u kellek bżonn li tingħatalek opportunità.  Meta għedtha, din il-kelma smajtha ddoqq f’qalbi. U int bdejt tistudja, u issa qiegħda taħdem biex tgħin lill-vittmi biex iż-żgħażagħ ma jaqgħux fix-xibka tal-vjolenza u tad-droga, li hi forma oħra ta’ vjolenza. Hemm tama anke għal min għamel il-ħażin; mhux kollox hu mitluf. Ġesù ġie għal hekk: hemm tama għal min għamel il-ħażin. F’dan it-tiġdid morali u spiritwali mill-massakri, hu żgur li għandha bżonn isseħħ il-ġustizzja.  Kif qalet Deisy, għandna bżonn nagħtu s-sehem tagħna b’mod pożittiv biex nerġgħu nagħtu s-saħħa lil din is-soċjetà li ġiet imkissra mill-vjolenza.

 

B’riżultat ta’ dan kollu, hu diffiċli li naċċettaw it-tibdil ta’ dawk kollha li ħadmu għall-vjolenza krudila biex iġibu ‘l quddiem l-iskopijiet tagħhom, biex jipproteġu traffikar illeċitu u biex jistgħanew jew biex jemmnu, b’mod illusjonarju, li qegħdin jiddefenti l-ħajja ta’ ħuthom stess. Żgur li din hija sfida għal kull min minna għandu fiduċja li jistgħu jagħmlu pass ‘il quddiem, dawk li ġabu tbatijiet għal komunitajiet sħaħ u għal pajjiż sħiħ. Hu ċar li f’din it-taqsima kbira, li hi l-Kolumbja,  għad hawn spazju għas-sikrana. Ma ningannawx ruħna.  Oqogħdu attenti għall-frott: ħudu ħsieb il-qamħ u titilfux il-paċi minħabba s-sikrana. Iż-żerriegħ, meta jara s-sikrana tisponta qalb il-qamħ, ma jallarmax ruħu. Isib il-mod kif il-Kelma tinkarna f’sitwazzjoni konkreta u tagħti l-frott għal ħajja ġdida, avolja  jidher li jkun frott imperfett u mhux komplet (ara Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 24). Anke meta nsofru konflitti, vjolenza, jew inħossu li għandna nagħmlu vendetta, ma ninsewx li l-ġustizzja u l-ħniena jiltaqgħu f’tgħanniqa li taf l-istorja tat-tbatija tal-Kolumbja. Nerġgħu nagħtu s-saħħa lil dik it-tbatija u niġbru lil kull persuna li qatlet, ngħarrfuha, tindem u timpenja ruħha biex issewwi, tagħti l-kontribut tagħha biex terġa’ tinbena mill-ġdid l-ordni f’dawk kollha li fihom tixgħel il-ġustizzja u l-paċi.

 

Kif ħalliena naraw fix-xhieda tiegħu Juan Carlos, f’dan il-proċess kollu, twil, diffiċli imma għani fit-tama tar-rikonċiljazzjoni, żgur li naċċettaw il-verità. Hija sfida kbira imma bżonnjuża. Il-verità hija kumpanna li ma tistax tinfired mill-ġustizzja u mill-ħniena. It-tlieta li huma huma ħaġa waħda, huma bżonnjużi biex tinbena l-paċi u, min-naħa l-oħra, issib min ifixkel biex l-oħrajn jitbiddlu fi strumenti ta’ vendetta kontra min hu l-aktar dgħajjef. Fil-fatt, il-verità m’għandhiex twassal għall-vendetta, imma aktar għar-rikonċiljazzjoni u l-maħfra. Il-verità hi meta tkellem familji mkissrin mit-tbatija minħabba li l-ġenituri tagħhom ma nstabux. Il-verità hi meta nistqarru x’sar mill-minorenni mħaddma mill-operaturi tal-vjolenza. Hija verità li ngħarfu t-tbatija tan-nisa li huma vittmi tal-vjolenza u tal-abbużi.

 

Fl-aħħar, bħala ħukom u bħala missier, nixtieq ngħidilkom: Kolumbja, iftaħ qalbek bħala poplu ta’ Alla u ħallih jirrikonċilja ruħu. Tibżax, la mill-verità u lanqas mill-ġustizzja. Għeżież Kolumbjani: tibżgħu titolbu maħfra u li toffru l-maħfra. Tagħmlux reżistenza għar-rikonċiljazzjoni li tqarribkom lejn xulxin, li terġa’ tagħmilkom aħwa ta’ xulxin u li tissupera l-ostilità. Huwa l-waqt li nfejqu l-feriti, li nibnu l-pontijiet, li nwittu d-differenzi. Hu ż-żmien li nitfu l-mibgħeda, ma naċċettawx il-vendetti u ninfetħu biex ngħixu flimkien bħala aħwa bil-ġustizzju, bil-verità u fuq il-bini ta’ kultura awtentika.  Kemm għandna bżonn ngħixu f’armonija u fi fraternità, bħalma jridna l-Mulej! Nitolbuh li nkunu bennejja tal-paċi; li fejn hemm il-mibgħeda u l-istemrrija, inkunu nistgħu nwasslu l-imħabba u l-maħfra (ara It-Talba attribwita lil San Franġisk t’Assisi).

 

U dawn l-intenzjonijiet kollha, ix-xhieda kollha mismugħa, u dak kollu li kull wieħed minnkom jaf fil-qalb tiegħu, stejjer ta’ għaxriet ta’ snin ta’ tbatijiet u weġgħat, irrid inpoġġihom quddiem ix-xbieha tal-Kurċifiss, il-Kristu Kristu iswed ta’ Bojayà:

 

O Kristu iswed ta’ Bojayà,

li tfakkarna fil-passjoni u l-mewt tiegħek;

flimkien ma’ jdejk u riġlejk

kissru wkoll lil uliedek

li fittxew ir-refuġju fik.

 

 

O Kristu iswed ta’ Bojayà,

li tħares bil-ħlewwa

u b’wiċċ seren;

ħeġġeġ qalbek

biex tiġborna fl-imħabba tiegħek.

 

O Kristu iswed ta’ Bojayà,

agħmel li nitgħallmu

li nirrestawraw il-ġisem tiegħek,

li aħna riġlejk biex immorru niltaqgħu

ma’ ħutna fil-bżonn;

li nkunu ħaddejk u jdejk  biex ngħannqu

li min tilef id-dinjità tiegħu;

biex inkunu jdejk biex inbierku u nikkonslaw

lil min jibki minħabba s-solitudni.

 

Agħmel li nkunu xhieda

tal-imħabba tiegħek u tal-ħniena bla tarf tiegħek.

Ammen

 

[Wara t-talba:]

 

Tlabna lil Kristu, il-Kristu, il-Kristu mkisser. Qabel ma nagħtikom il-barka nistedinkom titolbu lil Ommna, li kellha qalbha maqsuma mid-dulur: “Sliem għalik, Marija ....”

 

[Tingħata l-benedizjoni]

 

 

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Kathleen Bonello