Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

B’ferħ kbir insellmilkom  u nirringrazzjakom ta’ din il-merħba hekk imħeġġa! «Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: “Sliem lil din id-dar!”. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu, jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom» (Lq 10,5-6).

Illum nidħol f’din id-dar li hi l-Kolumbja u ngħidilkom:”Il-paċi magħkom!” (Iwieġbu: “U miegħek ukoll!”. Din kienet it-tislima ta’ kull Lhudi u anki ta’ Ġesù. Xtaqt li niġi hawn bħala pellegrin ta’ paċi u ta’ tama u nixtieq li ngħix dawn il-laqgħat bħala mumenti  ta’ ferħ, waqt li nirringrazzja lil Alla għall-ġid kollu li wettaq f’din in-Nazzjon, fil-ħajja ta’ kull persuna.

Ġejt ukoll biex nitgħallem; iva biex nitgħallem mingħandkom, mill-fidi tagħkom, mill-qawwa tagħkom quddiem id-diffikultajiet.Tafu li l-Isqof u s-saċerdot jridu jitgħallmu mill-poplu tagħhom, u għalhekk ġejt biex nitgħallem, biex nitgħallem mingħandkom: jiena isqof u ġejt biex nitgħallem. Intom għextu mumenti diffiċli u ta’ dlam, iżda l-Mulej hu qrib tagħkom, fil-qalb ta’ kull iben u bint f’dan il-pajjiż. Il-Mulej ma joqgħodx jagħżel, ma jħalli barra lil ħadd; il-Mulej iħaddan lil kulħadd, u kunu afu li aħna lkoll  importanti  u neċessarji għalih. Matul dawn il-ġranet irrid naqsam magħkom il-verità  l-aktar importanti: u din hi li Alla jħobbna bl-imħabba ta’ Missier u jagħmlilna l-kuraġġ biex inkomplu nfittxu l-paċi, dik il-paċi li hi awtentika u dejjiema. Alla jħobbna bl-imħabba ta’ Missier. Ngħidu dan ilkoll flimkien? (Ilkoll: “Alla jħobbna bl-imħabba ta’ Missier”). Grazzi!

Hawnhekk għandi miktub: “Qed nara ħafna żgħażagħ....”; iżda anki  kieku għajnejja kienu mgħottija, kont ninduna li hawn ħafna żgħażagħ għax din il-kommozzjoni tista’ tiġi biss minnkom  iż-żgħażagħ. Intom iż-żgħażagħ - u jien nixtieq inkellem lilkom  iż-żgħażagħ – ġejtu hawn minn kull parti ta’ dan il-pajjiż:cachacos, costeños, paisas,vallunos u llaneros ... ġejtu hawnhekk minn kullimkien! Meta niltaqa’ maż-żgħażagħ dejjem iħossni ferħan  ħafna.   U llum ngħid lilkom: Żommu ħaj fikom il-ferħ; il-ferħ hu sinjal ta’ qalb żagħżugħa, ta’ qalb li ltaqgħet mal-Mulej. U jekk iżżommu ħaj dan il-ferħ tagħkom ma’ Ġesù, ħadd u ħadd ma jkun jista’ joħodulkom(ara Ġw 16,22)! Jekk hemm xi dubbju, nagħtikom dan il-parir: tħallu lil ħadd jisirqilkom dan il-ferħ, ħudu ħsieb  dan il-ferħ li jagħmilna lkoll ħaġa waħda għax nafu li Alla jħobbna, kif għidna fil-bidu: Alla jħobbna..... X’għidna?  (Iwieġbu: “Alla jħobbna bl-imħabba ta’ Missier”). Ejjew nerġgħu ngħiduh dan! (“Alla jħobbna bl-imħabba ta’ Missier”). Din hi l-għajn tal-ferħ tagħna. In-nar tal-imħabba ta’ Ġesù jfawwar fina dan il-ferħ li hu kapaċi jqabbad id-dinja kollha.  Allura, x’jista’ jwaqqafkom milli tibdlu din is-soċjetà u  twettqu dak li tixtiequ? Tibżgħux mill-futur! Oħolmu affarijiet kbar! Illum qed nistedinkom għal din il-ħolma kbira! Tintilfux f’diskors bla sens, timmarawx fil-baxx, iżda għolew ‘l fuq u oħolmu affarijiet kbar!

Għeżież żgħażagħ, intom  għandkom il-ħila partikulari li  tagħrfu t-tbatija tal-oħrajn – hu tassew interessanti l-mod kif mill-ewwel tindunaw bit-tbatija. Il-ħidma tal-volontarjat fid-dinja hi sostnuta minn eluf u eluf   ta’ żgħażagħ, għax intom kapaċi toffru l-ħin tagħkom, intom lesti tiċċaħħdu mill-kumditajiet  u mill-pjanijiet li tfasslu għalikom stess għax titqanqlu meta taraw il-bżonnijiet  ta’ min hu dgħajjef, u tiddedikaw ruħkom għalih. Iżda jista’ jiġri li l-ambjenti fejn tgħixu tant ikunu maħkuma mill-mewt, mit-tbatija u l-firda, li dawn iħallu impatt fuqkom u t-tbatija bħal qisha tilluppjakom. Għalhekk nixtieq ngħidilkom: ħallu t-tbatija ta’ ħutkom il-Kolumbjani tmiss lil qlubkom u ċċaqlaqkom! Għinu lilna l-anzjani biex ma nħallux is-sitwazzjonijiet ta’ tbatija u n-nuqqas ta’ attenzjoni jsiru drawwa. Għandna bżonnkom, għinuna ma nidrawx is-sitwazzjonijiet ta’ sofferenza u nuqqas ta’ attenzjoni.

Intom ukoll, ġuvintur u xebbiet, li tgħixu f’ambjenti kumplessi, f’realtajiet u sitwazzjonijiet familjari l-aktar varji, drajtu tħarsu lejn id-dinja u taraw li mhux kollox huwa abjad jew iswed; għaraftu li fil-ħajja ta’ kuljum hemm ħafna sfumaturi ta’ griż. Tassew li hekk hu, u dan jista’ jġib miegħu r-riskju li taqgħu fi klima  ta’ relattiviżmu filwaqt li twarrbu dik il-kapaċità  tagħkom  ta’ żgħażagħ li tagħrfu l-uġigħ ta’ min qed ibati. Intom għandkom il-ħila  mhux biss li tiġġudikaw u taraw l-iżbalji – għax malajr tindunaw bihom – iżda  għandkom ukoll kapaċità oħra, sabiħa u kostruttiva: dik li tifhmu. Tifhmu li anki wara żball – għax ejjew nkunu ċari, l-iżball huwa dejjem żball u ma hemmx għalfejn nippruvaw inpoġġulu maskra  - intom kapaċi tifhmu li anki wara żball ikunu hemm għadd kbir  ta’ raġunijiet, ta’ fatturi li wasslu għalih. Il-Kolumbja għandha bżonnkom; hemm bżonn li tidħlu fiż-żarbun u  tifhmu lil dawk il-ħafna ġenerazzjonijiet ta’ qabilkom li ma setgħux jew ma kienux jafu jagħmlu dan, jew ma għarfux isibu il-mod ġust biex jirnexxilhom jifhmuh!  

Għalikom iż-żgħażagħ hu faċli ħafna li tiltaqgħu, li ssibu ruħkom flimkien... Nistaqsikom: intom iltqajtu hawnhekk, kemm ilkom hawn? .... (Iwieġbu). Qed tara kemm intom kuraġġużi?  Intom faċli tiltaqgħu: biżżejjed għalikom ġrajja bħal din, kafe’ jew xarba jew xi ħaġ’oħra biex iġġibkom  flimkien.... Kull ħaġa hi skuża tajba biex tiltaqgħu. Il-mużika, l-arti....saħansitra l-final bejn l-Atlético Nacional u l-América di Cali hi okkażjoni biex tkunu flimkien!  U la hu daqshekk faċli għalikom li tiltaqgħu, intom  tgħallmu lilna l-kbar li din il-kultura tal-encounter (li niltaqgħu flimkien) ma tfissirx li rridu naħsbu, ngħixu u nirriaġixxu lkoll bl-istess mod. Le mhux hekk! Din il-kultura tal-encounter tfisser li minkejja d-differenzi ta’ bejnietna, aħna nagħmlu parti minn xi ħaġa aktar kbira li tgħaqqadna u li tmur  ‘l hemm minna; aħna nagħmlu parti  minn dan il-pajjiż meraviljuż. Għinu lilna l-kbar nidħlu f’din il-kultura tal-encounter li ġġibna flimkien, u li intom tgħixuha tant tajjeb!

Iż-żgħożija tagħkom tagħmilkom ukoll  kapaċi  tgħixu xi ħaġa li hi diffiċli ħafna fil-ħajja: il-maħfra. Taħfru lil dawk li jweġġgħukom.  Xi ħaġa ta’ min jinnotaha hi li  intom ma tidħlux  fi stejjer tal-passat, u tħarsu lejna l-adulti b’mod stramb meta nirrepetu fatti ta’ firda sempliċiment għax nibqgħu nżommu f’qalbna  dak li jkun ġara. Intom tgħinuna nħallu wara spallejna dak li jkun weġġagħna biex inħarsu ‘l quddiem mingħajr l-ostaklu tal-mibegħda, għax twassluna biex naraw ir-realtà sħiħa li għandna quddiemna, il-Kolumbja kollha li tixtieq tikber u tkompli tiżviluppa; dik il-Kolumbja li għandha bżonna lkoll u li aħna l-anzjani rridu nikkonsenjawha lilkom.

U preċiżament għax għandkom il-ħila li taħfru, intom iż-żgħażagħ għandkom l-isfida enormi li tgħinuna nfejqu qlubna. Isimgħuha din il-ħaġa li qed nitlob minnkom: għinuna nfejqu qlubna. Nistgħu nirrepetu dan ilkoll flimkien? ( Ikoll: Għinuna nfejqu qlubna). Qed nitlobkom  din l-għajnuna: għinuna niksbu t-tama  li għandkom intom iż-żgħażagħ, dik it-tama li hi dejjem lesta  tagħti t-tieni ċans lill-oħrajn. Atmosfera  ta’ disperazzjoni u ansjetà tmarrad ir-ruħ;  ma ssibx triq biex toħroġ mill-problemi, anzi tfixkil li min ikun qed ifittixha u tagħmel ħsara lit-tama li kull komunità għandha bżonn biex timxi ‘l quddiem. Jalla l-ħolm  u l-proġetti tagħkom ikunu  ta’ ossiġnu għall-Kolumbja u jimlew il-pajjiż b’għaniet li jsaħħuh.

Żgħażagħ, oħolmu, iċċaqalqu, irriskjaw, ħarsu lejn il-ħajja bi tbissima ġdida, imxu ‘l quddiem, tibżgħux! B’hekk biss il-poplu jsib il-kuraġġ ħalli jkun jista’ jiskopri l-pajjiż  moħbi wara l-muntanji, li jmur ‘l hemm mill-headlines tal-ġurnali u li, għax hu mbiegħed, wieħed ma tantx jinteressa ruħu l-ħajja tiegħu ta’ kuljum. Dan il-pajjiż, li n-nies ma tarahx jagħmel parti minn dak il-ġisem soċjali li għandu bżonna. Intom iż-żgħażagħ għandkom il-ħila tiskopru l-Kolumbja fil-profondità tagħha. Il-qlub taż-żgħażagħ jitqanqlu meta jsibu quddiemhom sfidi kbar: kemm hawn ġmiel naturali li nistgħu nikkontemplawh mingħajr ma nisfruttawh! Kemm żgħażagħ bħalkom jeħtieġu l-idejn miftuħa tagħkom u spallejkom biex ikunu jistgħu jħarsu lejn ġejjieni aħjar!

Illum xtaqt ngħix dan il-mument magħkom; jiena ċert li fikom hemm il-potenzjal meħtieġ biex tibnu –  iva tibnu – dik in-nazzjoni li dejjem ħlomna! Iż-żgħażagħ huma it-tama tal-Kolumbja u tal-Knisja; fil-mixja u fil-passi tagħhom nilmħu dawk ta’ Ġesù, Messaġġier tal-Paċi, ta’ Dak li dejjem iġibilna l-aħbar it-tajba.

U issa nixtieq inkellem lilkom, għeżież ħuti f’dan il-Pajjiż maħbub: lilkom it-tfal, iż-żgħażagħ, l-adulti u l-anzjani, li tixtiequ twasslu t-tama. Tħallux  id-diffikultajiet joħonqukom; jalla  l-vjolenza ma tbattikomx u l-ħażen ma jirbaħkomx. Aħna nemmnu li Ġesù bl-imħabba u l-ħniena dejjiema tiegħu  rebaħ il-ħażen,  rebaħ id-dnub u l-mewt. Nirrepetu? ( Jirrepetu: Ġesù rebaħ il-ħażen, id-dnub u l-mewt). Kull ma rridu nagħmlu hu li noħorġu niltaqgħu miegħu. Oħorġu ltaqgħu ma’ Ġesù. Qed nistedinkom tieħdu dan l-impenn – mhux biex taraw ir-riżultati jitwettqu – imma biex tieħdu dan l-impenn. Għal xiex qed nistedinkom? ( Iwieġbu: għall-impenn), U x’mgħandkomx  tistennew? ( Iwieġbu: li jitwettqu r-riżultati). Tajjeb ħafna! Mela, ħudu dan l-impenn biex tiġġedded is-soċjetà, biex ikollna  soċjetà ġusta, stabbli u li tagħti l-frott. Minn dan il-post, inħeġġiġkom biex tafdaw fil-Mulej: hu biss isostnina, hu biss jinkoraġġina biex inkunu nistgħu nagħtu s-sehem tagħna għar-rikonċiljazzjoni u s-sliem. 

Iħaddankom  ilkoll, lil kull wieħed u waħda minnkom: lil dawk kollha li qegħdin hawn, lill-morda, lill-imwarrbin, lill-anzjani, lil dawk li qegħdin id-dar....ilkoll qegħdin f’qalbi. U nitlob lil Alla jberikkom. U jekk jogħġobkom  tinsewx titolbu għalija. Grazzi!

Qabel titilqu, jekk tixtiequ, nagħtikom il-barka. Nitolbu lkoll flimkien lill-Verġni Marija: “Sliema għalik Marija.....”

 Vi abbraccio tutti e ciascuno: tutti quelli che siete qui, i malati, i più poveri, gli emarginati, i bisognosi, gli anziani, quelli che sono a casa... tutti; tutti siete nel mio cuore. E prego Dio che vi benedica. E, per favore, non dimenticatevi di pregare per me. Grazie!

Prima di andarmene, se voi volete, vi do la benedizione. Preghiamo tutti insieme la Vergine: “Ave Maria…”.

[Barka]

Arrivederċi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard