Għeżież ħuti,

 

Nirringrazzjakom għal din il-laqgħa u għall-kliem sabiħ ta’ merħba mill-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet tal-Amerika Latina. Xtaqt niltaqa’ magħkom fis-sede taċ-CELAM, iżda minħabba l-bżonnijiet marbutin mal-programm mimli ħafna, dan ma setax isir. Nirringrazzjakom tal-ġentilezza li wrejtu billi ġejtu hawn f’dan il-mument.

 

Grazzi tax-xogħol li qed tagħmlu biex din il-Konferenza Episkopali kontinentali tbiddluha f’lok ta’ servizz għall-komunjoni u l-missjoni tal-Knisja fl-Amerika Latina; f’ċentru ta’ motivazzjoni għall-kuxjenza ta’ dixxipli u missjunarji; f’punt ta’ riferiment daqstant importanti għall-fehim u l-approfondiment dwar xi tfisser il-“kattoliċità fl-Amerika Latina”, spjegata b’mod gradwali minnkom tul għexieren ta’ snin ta’ servizz. F’din l-okkażjoni nixtieq nuri s-sostenn tiegħi għall-isforzi li qed tagħmlu biex dan twassluh b’ħidma f’kolleġġjalità permezz tal-“Fond Solidali tal-Knisja tal-Amerika Latina”.

 

Erba’ snin ilu, f’Rio de Janeiro, kelli l-opportunità nkellimkom dwar il-wirt pastorali ta’ Aparecida, l-aħħar sinodu tal-Knisja tal-Amerika Latina u l-Karibew. Dakinhar sħaqt fuq il-bżonn kontinwu li nitgħallmu mill-metodu tiegħu, mibni fuq il-parteċipazzjoni tal-Knejjes lokali u f’għaqda mal-pellegrini li jterrqu u jfittxu l-wiċċ umli ta’ Alla li ried jidher permezz tal-“Verġni misjuba fl-ilma”. Dan jibqa’ jidher fil-missjoni tal-kontinent, li m’għandhiex ħsieb tkun magħmula minn ħafna inizjattivi programmatiċi li jimlew l-aġendi, u li bihom jintilfu enerġiji prezzjużi, iżda li tagħmel l-almu tagħha biex twassal il-missjoni ta’ Ġesù fil-qalba tal-Knisja. Għandu jkun dan il-kriterju li bih jitqies kemm l-istrutturi tagħha huma effikaċi, ir-riżultati tax-xogħol, is-servizz mogħti mill-ministri tagħha, u l-ferħ li dawn ikunu kapaċi jwasslu. Għaliex mingħajr il-ferħ ma tiġbed  lil ħadd.

 

Dakinhar tkellimt fit-tul fuq it-tentazzjonijiet, li għadhom preżenti, tal-ideoloġizzazzjoni tal-messaġġ Evanġeliku, tal-funzjonament ekkleżjali u tal-klerikaliżmu, għaliex kollha jittrattaw is-salvazzjoni miġjuba lilna minn Kristu. Din għandha tasal f’qalb il-bniedem b’tant qawwa li ssalvah u tistiednu jaħrab għal dejjem mill-ġibda lejh innifsu u jersaq lejn l-għaqda ma’ Alla u ma’ ħutu.

 

Meta Alla jkellem lill-bniedem permezz ta’ Ġesù, ma jagħmilx hekk b’sejħa ġenerika daqslikieku kien xi ħadd ma jafux, lanqas b’konvokazzjoni impersonali qisu xi nutar, u lanqas b’dikjarazzjoni ta’ preċetti li għandhom isiru, bħalma ġieli jagħmlu funzjonarji li għandhom x’jaqsmu ma’ dak li hu sagru. Alla jkellimna kif missier ikellem lil ibnu, u jirrispetta dan il-misteru għaliex kien hu li għaġnu b’idejh stess, u ddestinah biex jilħaq il-milja tiegħu. L-ikbar sfida li għandna bħala Knisja hi li nitkellmu mal-bniedem f’isem din l-intimità ma’ Alla, li jqisu ibnu; anki meta l-bniedem jiċħad li hu missieru, għaliex għal Alla aħna dejjem ulied misjuba mill-ġdid.

 

Għalhekk ma nistgħux nirriduċu l-Evanġelju daqslikieku kien programm għas-servizz ta’ njostiċiżmu li jista’ jkun tal-moda, jew proġett ta’ titjib soċjali, jew viżjoni tal-Knisja bħala sistema burokratika li tagħmel riklam lilha nfisha. Wisq inqas għandu jkun hemm kasta klerikali li tirriduċi l-Knisja għal organizzazzjoni diretta, bi kriterji azjendali moderni.

 

Il-Knisja hija l-komunità tad-dixxipli ta’ Ġesù; il-Knisja hija Misteru u Poplu (Lumen gentium 5; 9), jew aħjar minn hekk: fiha jseħħ il-Misteru permezz tal-Poplu ta’ Alla.

 

Għalhekk sħaqt li d-dixxipolat missjunarju huwa sejħa minn Alla li llum mhix faċli iżda mimlija diffikultajiet. Dejjem mistenni “tterraq” ma’ Ġesù biex issir taf kif u fejn jgħix l-Imgħallem. U meta nterrqu miegħu, insiru nafu r-rieda tal-Missier, li dejjem jistenniena. Trid tkun Knisja Għarusa, Omm, Qaddejja u li ma tridx tikkontrolla dak li mhux opra tagħha iżda ta’ Alla, biex tibqa’ ma’ Ġesù anki meta tqis li l-bejta u l-kenn li joffri huwa s-salib.

 

Il-qrubija u l-laqgħa huma l-istrumenti ta’ Alla li, permezz ta’ Kristu, resaq lejna u dejjem jiltaqa’ magħna. Il-misteru tal-Knisja huwa li ssib il-milja tagħha bħala sagrament ta’ din il-qrubija divina u bħala post fejn dejjem isseħħ din il-laqgħa. Għaldaqstant Isqof ma jistax ma jkunx qrib ta’ Alla, għaliex Alla huwa l-għajn li minnha r-Ragħaj isib il-ħelsien u l-qawwa tal-qalb, kif ukoll il-qrubija mal-Poplu Qaddis li ġie fdat f’idejh. Permezz ta’ din il-qrubija, ir-ruħ tal-appostlu tkun taf x’għandha tagħmel biex tagħti xhieda konkreta tal-imħabba ta’ Alla għal uliedu.

 

Aparecida huwa teżor li għadna ma skoprejniehx għalkollox. Ċert li intom ilkoll tagħrfu kemm il-ġid li ħareġ minnu rabba l-għeruq fil-knejjes li tant għandkom għal qalbkom. Bħalma l-ewwel dixxipli mibgħuta minn Ġesù fil-missjoni tiegħu qalulu “kulma kienu għamlu” (ara Mk 6:30), bl-istess entużjażmu dan inkunu nistgħu nagħmluh aħna wkoll.

 

Iżda rridu noqogħdu attenti. Ir-realtajiet li bilfors niltaqgħu magħhom fil-ħajja umana u fil-Knisja qatt mhuma monument, iżda patrimonju ħaj. Huwa iktar komdu li nagħmlu minnhom memorji u niċċelebraw l-anniversarji – 50 sena minn Medellín!, 20 minn Ecclesia in America!, 10 minn Aparecida! Iżda l-affarijiet mhux hekk: li ngħożżu u nxandru l-ġid ta’ dan il-patrimonju (pater-munus) huwa l-munus li mistennijin inwettqu fil-paternità episkopali lejn il-Knisja tal-Kontinent tagħna.

 

Qabel kull ħaġa hemm il-laqgħa tagħna ma’ Kristu, dan tafuh tajjeb u iktar minn qatt qabel. Dan jirrikjedi li bħala dixxipli naħdmu fuq ir-relazzjoni personali miegħu. Jekk ma jkunx hekk, il-wiċċ tal-Imgħallem ma nibqgħux narawh ċar, il-missjoni titlef mill-qawwa tagħha u l-konverżjoni pastorali ma tikbirx. It-talb u l-ħidma fuq ir-relazzjoni miegħu għandhom għalhekk jieħdu l-ewwel post fil-missjoni pastorali tagħna.

 

Lid-dixxipli tiegħu, entużjasti għall-aħħar għax irnexxielu fil-missjoni tiegħu, Ġesù qal: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab” (Mk 6:31). Aħna aktar għandna bżonn “noqogħdu waħidna mal-Imgħallem” biex nerġgħu nsibu x’inhi l-qalb tal-missjoni tal-Knisja fl-Amerika Latina, fiċ-ċirkostanzi tal-lum. Hemm ħafna disperazzjoni interjuri u anki esterjuri! Il-ħafna okkażjonijiet, il-frammentazzjoni tar-realtà, l-istantanjetà u l-għaġla tal-preżent, kollha jistgħu jwaqqgħuna f’disperazzjoni u f’sens ta’ vojt. M’hemmx għażla oħra ħlief li nerġgħu niksbu l-għaqda.

 

Fejn tinsab l-għaqda? F’Ġesù, dejjem. Dak li jħalli lill-missjoni tibqa’ għaddejja mhuwiex l-entużjażmu li jħeġġeġ fil-qalb ġeneruża tal-missjunarju, għalkemm dak hu dejjem bżonnjuż; hija iżda l-ħbiberija ma’ Ġesù permezz tal-Ispirtu tiegħu. Jekk ma neħduhx magħna fil-missjoni, ma ndumux ma nitilfu t-triq, għax nirriskjaw li nifxlu l-ħsieb tiegħu mal-bżonnijiet fiergħa tagħna. Jekk ir-raġuni tat-tluq tagħna lejn il-missjoni ma jkunx hu, faċli li naqtgħu qalbna f’nofs il-mixja li tegħjina, jew xħin naraw ir-reżistenza ta’ dawk li morna ngħinu, jew quddiem il-bdil fiċ-ċirkostanzi li jiffurmaw l-istorja, jew l-għeja ta’ saqajna ġejja mit-tensjoni li joħloq “l-għadu”.

 

Mhux parti mill-missjoni li nċedu għall-qtigħ il-qalb meta, forsi, wara li jkun għadda l-entużjażmu tal-bidu, jasal il-mument li fih nibdew insibuha iebsa mmissu l-ġisem ta’ Kristu. F’mument bħal dan, Ġesù ma jżidx mal-biżgħat tagħna. U peress li nafu tajjeb li ma nistgħu mmorru mkien iktar, għaliex hu biss għandu “l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68), ikun hemm bżonn għalhekk li nfittxu fil-fond tas-sejħa tagħna.

 

Xi jfisser, konkretement, li nieħdu lil Ġesù magħna fil-missjoni fl-Amerika Latina llum? L-avverbju “konkretement” mhuwiex biss dettall fl-istil tal-kitba, iżda huwa ċentrali fil-mistoqsija. L-Evanġelju huwa dejjem konkret, qatt mhu magħmul minn spekulazzjonijiet sterili. Nafuha tajjeb it-tentazzjoni rikorrenti li teżisti li nintilfu fil-biżantiniżmu tal-“imgħallmin tal-liġi” li jwassalna biex nistaqsu lilna nfusna sa fejn nistgħu naslu mingħajr ma nitilfu l-kontroll tat-territorju tagħna jew tal-hekk imsejjaħ poter li għandna fil-limiti ta’ dan it-territorju.

 

Intqalu ħafna affarijiet dwar “il-Knisja li tibqa’ b’mod permanenti fil-missjoni”. Li toħroġ u titlaq ma’ Ġesù hija l-kundizzjoni ta’ din ir-realtà. Titlaq, iva, iżda ma’ Ġesù. L-Evanġelju jitkellem dwar Ġesù li ġie mingħand il-Missier u mexa ma’ niesu fl-għelieqi u l-irħula tal-Galilija. Mhix triq li l-Imgħallem għamel għalxejn. Waqt li jimxi, jiltaqa’; meta jiltaqa’, jersaq fil-qrib; meta jersaq, jitkellem; meta jitkellem, imiss bil-qawwa tiegħu; meta jmiss, ifejjaq u jsalva. L-objettiv tiegħu meta jterraq il-ħin kollu hu li jwassal għand il-Missier lil kull min jiltaqa’ miegħu. Fuq dan għandna nirriflettu kontinwament, u nagħmlu eżami tal-kuxjenza. Il-Knisja għandha terġa’ tagħmel tagħha l-verbi li l-Verb ta’ Alla jikkonjuga fil-missjoni divina tiegħu. Toħroġ biex tiltaqa’, mingħajr ma tmur ’l hemm; tinżel fl-art mingħajr ma taħsibha, tmiss mingħajr biża’. Qed nitkellmu dwar li jum wara l-ieħor iċċappas idejk, hemm fejn jgħix il-Poplu ta’ Alla li hu fdalek. Ma nistgħux noqogħdu ma niċċaqalqux taħt l-air condition tal-uffiċċju, imwaħħlin mal-istatistika u mal-istrateġiji astratti. Irridu niltaqgħu mal-persuna fis-sitwazzjoni konkreta tagħha; ma nistgħux inwarrbu ħarsitna minnha. Il-missjoni sseħħ dejjem wiċċ imb wiċċ.

 

Knisja li taf tkun sagrament ta’ għaqda

Naraw tant disperazzjoni madwarna! Miniex qed nitkellem biss dwar l-għana tad-diversità li dejjem tat karattru uniku lill-kontinent, imma dwar id-dinamiċi tad-disgregazzjoni. Irridu noqogħdu attenti biex ma naqgħux f’nasbiet bħal dawn. Il-Knisja mhix qiegħda fl-Amerika Latina bħallikieku għandha l-bagalji f’idejha, lesta biex titlaq wara li tkun ħadet minnha dak li riedet, bħalma għamlu ħafna tul iż-żminijiet. Min jaħdem b’dan il-mod iħares b’superjorità u disprezz lejn wiċċha mżewwaq b’ħafna lwien. Jippretendu li jikkolonizzaw lil ruħha bl-istess metodi, falluti u wżati ħafna drabi, ta’ kif għandhom iħarsu lejn il-bniedem u l-ħajja. Jagħtu dejjem l-istess riċetti li joqtlu lill-pazjent waqt li jistagħnew it-tobba li jibagħtuhom. Dan waqt li ma jagħtux kas tar-raġunijiet veri li hemm fil-qalb tal-poplu u li jagħmluh b’saħħtu proprju fil-ħolm u l-miti tiegħu, minkejja l-ħafna qtigħ il-qalb u fallimenti. Permezz tal-politika jimmanipolawh u jqarrqu bit-tamiet tiegħu, u jiżolawh, bil-lest biex warajhom jerġa’ jiġi xi ħadd li jkun l-istess, anki meta jkollu libsa ġdida. Persuni u utopji qawwija wegħdu soluzzjonijiet maġiċi, risposti mill-ewwel, effetti immedjati. Il-Knisja, mingħajr ma tistenna xejn min-nies, b’rispett lejn il-wiċċ mimli diversità tal-kontinent, li ma tarax bħala żvantaġġ imma bħala għana li jibqa’, għandha tibqa’ toffri s-servizz umli għall-veru ġid tal-bniedem fl-Amerika Latina. Trid taħdem bla heda biex tibni pontijiet, twaqqa’ ħitan, tintegra d-diversità, ixxerred il-kultura tad-djalogu u tal-laqgħa, teduka għall-maħfra u r-rikonċiljazzjoni, għas-sens ta’ ġustizzja, għaċ-ċaħda tal-vjolenza u għall-kuraġġ għall-paċi. L-ebda binja mibnija biex iddum fl-Amerika Latina ma tista’ tinsa dawn il-pedamenti moħbija imma essenzjali.

 

Il-Knisja taf tajjeb il-ħsieb wara kwalunkwe realtà fl-Amerika Latina. Tgħix kuljum ma’ dak il-patrimonju morali li fuqu hija mibnija l-eżistenza tal-kontinent. Ċert li waqt li qed nitkellem dwar dan, intom kapaċi tagħtu isem lil din ir-realtà. Magħha rridu nagħmlu djalogu li ma jaqtax. Ma nistgħux nitilfu l-kuntatt ma’ din il-bażi morali, ma’ dan il-humus vitali li hemm fil-qalb ta’ niesna u li fiha naraw it-taħlit, li kważi diffiċli tagħraf, iżda li fl-istess ħin jgħid ħafna, f’dan il-wiċċ miżgħud b’ħafna lwien: mhux unikament indiġenu, lanqas Ispaniku, lanqas Lusitan, lanqas Afro-Amerikan, iżda mżewwaq, Latin-Amerikan!

 

Guadalupe u Aperecida huma manifestazzjonijiet programmatiċi li jixhdu din il-kreattività divina. Nafu tajjeb li dan jagħmel parti mis-sisien li fuqhom hi mibnija r-reliġjożità popolari tal-poplu tagħna; jagħmel parti mis-singolarità antropoloġika tiegħu; huwa rigal li bih Alla ried li jirrivela lilu nnifsu lil niesna. L-isbaħ paġni fl-istorja tal-Knisja tagħna nkitbu proprju meta għarafna nsostnu lilna nfusna b’dan il-ġid, nitkellmu mal-qalb moħbija li, bħal fjamma żgħira tnemnem taħt il-ġamar, tħabbat u tgħożż is-sens ta’ Alla u t-traxxendenza tiegħu, il-qdusija tal-ħajja, ir-rispett lejn il-ħolqien, ir-rabta fis-solidarjetà, il-pjaċir tal-ħajja, il-kapaċità li nkunu ferħanin mingħar kundizzjonijiet.

 

Biex nitkellmu ma’ din ir-ruħ profonda, biex nitkellmu mal-Amerika Latina profonda, il-Knisja m’għandhiex triq oħra ħlief li titgħallem il-ħin kollu mingħand Ġesù. L-Evanġelju jgħid li mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom (ara Mk 4:34). Xbihat li jdaħħluk fl-istorja, li jieħdu lil min qed jisma’ l-Kelma tiegħu u jagħmlu minnu persunaġġ tar-rakkonti divini. Il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla fl-Amerika Latina ma jistax jifhem lingwaġġ differenti. Aħna mistednin immorru għall-missjoni mhux b’kunċetti astratti li jiddeskrivu dak li forsi jiġri, imma bi xbihat li dejjem iżidu u jxerrdu l-qawwa f’qalb il-bniedem u jbiddluh f’qamħ miżrugħ f’art tajba, fi ħmira li iktar ma togħla, iktar tista’ toħroġ ħobż minnha, f’żerriegħa li għandha l-potenzjalità moħbija li tikber fi pjanta fertili.

 

Knisja li taf tkun sagrament ta’ tama

Ħafna jgergru li hemm ċertu nuqqas ta’ tama fl-Amerika Latina tal-lum. Aħna ma nistgħux nintilfu f’“pessimiżmu u tgergir”, għaliex it-tama li għandna ġejja mill-għoli. Barra minn hekk, nafu tajjeb li l-qalb Latin-Amerikana tgħallmet tittama. Bħalma jgħid kantawtur famuż Brażiljan, “it-tama hi ekwilibrista; tiżfen bl-umbrella fuq ħabel mhux stabbli” (João Bosco, O Bêbado e a Equilibrista). Xħin naħsbu li din intfiet, malajr nerġgħu nsibuha fejn l-inqas konna qed nistennew. Il-poplu tagħna tgħallem li l-ebda delużjoni ma tista’ tgħawwiġha. Jimxi wara Kristu flaġellat u li joqgħod għall-oħrajn, jaf jistenna li s-sema jiċċara u jibqa’ sod fit-tama tar-rebħa, għaliex – wara kollox – dan il-poplu jaf li m’aħniex ta’ din id-dinja biss.

 

M’hemm l-ebda dubju li l-Knisja f’dawn l-artijiet hija speċjalment sagrament ta’ tama, iżda rridu ngħassu biex din it-tama ssir waħda konkreta. Iktar mhi traxxendenti, iktar trid verament tbiddel il-wiċċ ta’ dawk li jittamaw. Nitlobkom tgħassu u taħdmu biex din it-tama ssir konkreta, u nixtieqkom tħalluni nfakkarkom f’xi wħud mill-uċuħ tagħha li diġà jidhru f’din il-Knisja fl-Amerika Latina.

 

It-tama fl-Amerika Latina għandha wiċċ żagħżugħ

Spiss nitkellmu dwar iż-żgħażagħ – jinħarġu statistiċi dwar il-kontinent tal-futur; uħud jitkellmu dwar kemm, skont huma, sejrin lura u kemm huma mitluqin, oħrajn japprofittaw mill-potenzjal tagħhom bħala konsumaturi, mhumiex ftit dawk li jistednuhom iċappsu jdejhom f’dak li għandu x’jaqsam mat-traffikar tad-droga u mal-vjolenza. Taqgħux għal karikaturi bħal dawn dwar iż-żgħażagħ. Ħarsu f’għajnejhom u fihom fittxu l-kuraġġ tat-tama. Mhux veru li huma lesti jirrepetu l-iżbalji tal-passat. Sibulhom post fil-Knejjes partikulari fdati lilkom, investu ħin u riżorsi fil-formazzjoni tagħhom. Oħolqu programmi edukattivi inċiżivi u objettivi x’jilħqu, billi tistednuhom, bħalma l-ġenituri jistiednu lil uliedhom, jużaw il-potenzjalità tagħhom u billi tedukaw lil qalbhom għall-ferħ tal-profondità, mhux għas-superfiċjalità. Tikkuntentawx ruħkom bir-retorika jew b’deċiżjonijiet miktubin fil-pjanijiet pastorali u li qatt ma jitpoġġew fil-prattika.


Ħsibt fl-istmu ta’ dan il-kontinent, il-Panama, għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ tal-2019, li se niċċelebraw bl-eżempju tal-Verġni f’moħħna, li tgħid: “Hawn hi l-qaddejja” u “ħa jsir minni” (Lq 1:38). Jien ċert li f’kull żagħżugħ u żagħżugħa hemm moħbi “istmu”, fil-qalb taż-żgħażagħ kollha tagħna teżisti biċċa art dejqa u twila li minnha jistgħu jgħaddu biex jaslu għal futur li Alla biss jafu u li tiegħu hu biss is-sid. Hu dmir tagħna li noffrulhom proposti biex inkattru fihom il-kuraġġ li jirriskjaw, ma’ Alla, u biex bħall-Verġni jkunu disponibbli.

 

It-tama fl-Amerika Latina għandha wiċċ femminili

Żgur li m’għandix bżonn nitkellem fit-tul dwar ir-rwol tal-mara fil-kontinent u fil-Knisja tagħna. Minn xofftejha tgħallimna x’inhi l-fidi; kważi mal-ħalib ta’ sidirha ħadna l-ilwien imżewqin ta’ ruħna u l-kapaċità li ma naqgħux quddiem id-disperazzjoni. Niftakar fl-ommijiet indiġeni jew “morenas”, fin-nisa fl-ibliet b’xifts trippli fuq ix-xogħol, fin-nanniet katekisti, fin-nisa kkonsagrati u fin-nisa li b’diskrezzjoni huma “artiġjani” ta’ dak li hu tajjeb. Mingħajr in-nisa l-Knisja tal-kontinent titlef is-saħħa biex dejjem titwieled mill-ġdid. Huma n-nisa li, b’paċenzja kbira, iqabbdu u jerġgħu jqabbdu l-fjamma tal-fidi. Għandna dmir serju li nifhmu, nirrispettaw, nivvalorizzaw u nitkellmu dwar l-importanza ta’ dak li jagħmlu n-nisa, fil-Knisja u fis-soċjetà. Huma mxew ma’ Ġesù missjunarju; ma tbegħdux minn riġlejn is-salib; waħidhom stennew li l-lejl tal-mewt jerġa’ jagħtihom lura lil Sid il-ħajja; u imlew id-dinja bl-aħbar tal-qawmien tiegħu. Jekk irridu li jkun hawn fażi importanti u ġdida ta’ fidi f’dan il-kontinent, ma nistgħux naslu għaliha mingħajr in-nisa. Jekk jogħġobkom, ma nistgħux inqisuhom biss qaddejja ta’ klerikaliżmu li għadu lura; huma, iżda, protagonisti fil-Knisja tal-Amerika Latina. Dan għamluh meta terrqu ma’ Ġesù, meta pperseveraw, anki fit-tbatijiet tal-Poplu tiegħu, meta ggranfaw mat-tama li tirbaħ il-mewt, meta b’ferħ ħabbru lid-dinja li Kristu qam u hu ħaj.

 

It-tama fl-Amerika Latina taħdem permezz tal-qalb, il-moħħ u jdejn il-lajċi

Nixtieq nisħaq fuq dak li tkellimt dwaru reċentement mal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina. Hu indispensabbli li negħlbu l-klerikaliżmu li jrid inaqqas l-importanza tal-Christifideles laici u jfaqqar l-identità tal-ministri ordnati.

 

Anki jekk sar sforz tajjeb u saru xi passi ’l quddiem, l-isfidi kbar tal-kontinent jibqgħu hemm u għadhom jistennew li jibda jidħol fis-seħħ lajkat Kristjan li jkun seren, responsabbli, kompetenti, jara fil-bogħod, artikolat u konxju. Dan, b’fidi għandu jkun lest li jgħin fil-mixja ta’ żvilupp uman awtentiku, fit-tisħiħ tad-demokrazija politika u soċjali, f’li jingħeleb b’mod strutturali l-faqar tal-pajjiż, fil-bini ta’ prosperità inklussiva bbażata fuq riformi sodi u li kapaċi jħarsu l-ġid soċjali, f’li tingħeleb id-diżugwaljanza u titħares l-istabbiltà, fil-ħolqien ta’ mudelli għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli li jirrispettaw in-natura u l-futur veru tal-bniedem – li ma jinħeliex f’konsumiżmu bla kontroll –, kif ukoll fir-rifjut tal-vjolenza u fil-ħarsien tal-paċi.

 

Iktar minn hekk: f’dan is-sens, it-tama dejjem għandha tħares lejn id-dinja b’għajnejn il-foqra u titlaq mis-sitwazzjoni tagħhom. It-tama hija fqira bħall-ħabba tal-qamħ li tmut (ara Ġw 12:24), iżda għandha l-qawwa li xxerred il-pjanijiet ta’ Alla.  

 

Li xi ħadd jistagħna u jsir awtosuffiċjenti jista’ jwassal biex il-moħħ ma jibqax kapaċi jara, kemm ir-realtà tad-deżert, u kemm l-oasi li hemm moħbijin fih. Jipproponi tweġibiet lesti u jirrepeti ċertezzi tat-talkshows; ilaqlaq biex juri dak li hu, vojt, imbiegħed għalkollox mir-realtà. Jien ċert li f’dan il-mument li qed ngħixu, diffiċli u mħawwad, iżda proviżorju, it-tweġibiet għall-problemi kkumplikati li niltaqgħu magħhom irridu nsibuhom fis-sempliċità Kristjana. Dik li tinħeba għal min għandu l-poter u li jagħrafha min hu umli: il-fidi pura fl-Irxoxt, il-faraġ tal-komunjoni miegħu, il-fraternità, il-ġenerożità u s-solidarjetà veri li jiġu mill-ħbiberija miegħu.

 

Dan kollu niġbru fil-qosor f’espressjoni li biha tibqgħu tiftakru f’din il-laqgħa. Jekk irridu naqdu, bħala CELAM, l-Amerika Latina, dan irridu nagħmluh b’ħeġġa. Illum hemm bżonn ta’ ħeġġa. Nagħmlu kollox bil-qalb. Ħeġġa taż-żagħżugħ li jħobb u tal-anzjan għaref, ħeġġa li tbiddel l-ideat f’utopji possibbli, ħeġġa fix-xogħol ta’ jdejna, ħeġġa li tbiddilna f’pellegrini bla heda fil-Knejjes tagħna bħal – ippermettuli nfakkru – San Toribio ta’ Mogrovejo, li ma baqax wieqaf fis-sede tiegħu: minn 24 sena isqof, 18 għaddihom fl-irħula tad-djoċesi tiegħu. Ħuti, jekk jogħġobkom, nitlob minnkom ħeġġa, ħeġġa li tevanġelizza.

 

Ħuti Isqfijiet taċ-CELAM, nafdalkom il-Knejjes lokali li tirrappreżentaw u l-poplu kollu tal-Amerika Latina u l-Karibew. Nafdakom taħt il-ħarsien tal-Verġni li nsejħu bl-isem ta’ Guadalupe u Aperecida, żguri u b’moħħna mistrieħ li Alla, li kellem lil dan il-kontinent bil-wiċċ imżewwaq u ismar ta’ Ommu, mhux se jonqos li jwassal id-dija sabiħa tiegħu fil-ħajja ta’ kulħadd. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona