Sur President.

Memebri tal-Gvern tar-Repubblika u tal-Korp Diplomatiku,

Awtoritajiet Distinti,

Rappreżentanti tas-Soċjetà ċivili,

Sinjuri!

Insellem minn qalbi lis-Sur President tal-Kolombja, Dottor Manuel Santos, u rroddlu ħajr tal-istedina ġentili biex jien inżur dan in-nazzjon f’mumentu partikolarment importanti tal-istorja tiegħu; insellem lill-membri tal-Gvern tar-Republika u tal-Korp Diplomatiku.  U permezz tagħkom, rappreżentanti ta-soċjetà ċivili, nixtieq insellem b’imħabba lill-poplu Kolombjan kollu, f’dawn l-ewwel waqtiet tal-Vjaġġ Appostoliku tiegħi.

Ġejt il-Kolombja fuq il-passi tal-Predeċessuri tiegħi, il-Beatu Pawlu VI u San Ġwanni Pawlu II, u bħalhom qed tmexxini x-xewqa li naqsam ma’ ħuti l-Kolombjani id-don tal-fidi, li għandu għeruq tant fondi f’dawn l-artijiet, u t-tama li tbaqbaq fil-qalb ta’ kulħadd.  Hekk biss, bil-fidi u t-tama, jistgħu jingħelbu l-bosta diffikultajiet fil-mixja biex jinbena pajjiż li jkun patrija u dar għall-Kolombjani kollha.

Il-Kolombja hi nazzjon imbierek b’ħafna modi; in-natura għammiela mhux biss tħallik mistgħaġeb bi sbuħitha, imma hi wkoll stedina biex tkun imħarsa bir-rispett il-biodiversità tagħha.  Il-Kolombja hu t-tieni l-aktar pajjiż fid-dinja li jgwadi l-biodiversità, u int u għaddej fih tista’ titpaxxa u tara kemm kien twajjeb il-Mulej (cfr Salm 33,9), li takom varjetà daqstant enormi ta’ flora u fauna fil-foresti fluvjali, fix-xagħri, fil-‘ Chocó’, fil-blat ta’ Cali u fil-muntanji kif ukoll dawk tal-Macarena u ta’ tant postijiet oħra.  Daqstant ieħor hija vivaċi l-kultura; u, dak li hi l-aktar importanti, il-Kolombja hi għanja bil-kwalità ta’ niesha, irġiel u nisa ta’ spritu akkoljenti u twajjeb; persuni tenaċi u kuraġġużi biex jgħelbu l-ostakli.

Dil-laqgħa toffrili l-opportunità biex nesprimi l-apprezzament għall-isforzi li saru matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, biex tieqaf il-vjolenza armata u tinstab it-triq tar-rikonċiljazzjoni.  Hu ċert li matul din l-aħħar sena sar progress partikolari; il-passi ‘l quddiem ikattru t-tama bil-konvinzjoni li t-tfittxija tal-paċi hi ħidma dejjem għaddejja, ħidma bla tmiem u teħtieġ l-impenn ta’ kulħadd.  Ħidma li titlob li ma nnaqqsux l-isforzi biex nibnu l-għaqda fost in-nazzjon u, minkejja l-ostakli, id-differenzi u l-approċċi differenti dwar kif tista’ tinkiseb il-konvivenza paċifika, nippersistu fit-taqbida biex niffavorixxu l-kultura tal-laqgħa, li titlob minna li fiċ-ċentru ta’ kull azzjoni politika, soċjali u ekonomika, inqegħdu l-persuna umana, id-dinjità bla qies tagħha u r-rispett lejn il-ġid komuni.  Jalla dan l-impenn iwarrab minna kull tentazzjoni ta’ vendetta u t-tfittxija biss tal-interessi personali fl-iqsar żmien possibbli.  Ftit ilu smajna l-kant: “..... il-mixja li rridu nimxu trid iż-żmien tagħha”...  Żmien twil.  Daqskemm hi twila l-mixja li twassal għall-paċi u l-ftehim, daqstant u aktar irridu nimpenjaw ruħna biex nagħrfu lill-ieħor, infejqu l-ġrieħi u nibnu l-pontijiet, biex insaħħu r-rabtiet ta’ bejnietna u ngħinu lil xulxin (cfr Eżort App. Evangelii Gaudium, 67)

Il-motto ta’ dal-pajjiż jgħid: «Libertà u Ordni».  F’daż-żewġ kelmiet jinġabar tagħlim sħiħ.  Għandha tkun stmata l-libertà taċ-ċittadini li għandhom ikunu mħarsin permezz ta’ ordni stabbli.  M’għandiex tkun il-liġi ta’ min hu l-aktar b’saħħtu, imma l-forza tal-liġi, approvata minn kulħadd, li ssostni l-konvivenza paċifika.  Jeħtieġ li jkun hemm liġijiet ġusti li jiggarantixxu din l-armonija u jgħinu biex jingħelbu l-kunflitti li kissru lil dan-nazzjon għal għexieren ta’ snin sħaħ; liġijiet li ma jinbtux mill-eżiġenza pragmatika li s-soċjetà jkollha l-ordni, daqskemm mix-xewqa li jissolvew il-kawżi stutturali tal-faqar li jġibu magħhom l-esklużjoni u l-vjolenza.  B’hekk biss titfejjaq il-marda li ddgħajjef lis-soċjetà, tirrendiha indenja u tħallieha dejjem fuq l-għatba ta’ kriżijiet ġodda.  Ma ninsewx li l-inġustizzja hi l-għerq tal-mard tas-soċjetà (ibid., 202).

F’dil-perspettiva nħeġġiġkom biex iddawru ħarsitkom lejn dawk kollha li llum huma esklużi u mwarrbin mis-soċjetà, dawk li għall-maġġoranza ma jiswew xejn u jinżammu lura jew mitfugħin f’rokna għalihom waħedhom.  Ilkoll kemm aħna meħtieġa biex tkun iffurmata s-soċjetà.  Din ma ssirx biss mill-ftit li għandhom “demm safi”, imma minn kulħadd.  U hawn jinsbu l-kobor u s-sbuħija ta’ pajjiż: fil-fatt li kulħadd hu milqugħ u kulħadd huwa importanti; bħal dawn it-tfal, li bl-ispontanjetà tagħhom għamlu din l-okkażjoni formali wisq aktar umana.  Għalhekk, kulħadd huma importanti.  L-għana tinsab fid-diversità.  Qed naħseb f’dak l-ewwel vjaġġ li għamel San Pietru Claver minn Kartagena sa Bogotà, jaqsam ix-xmara Magdalena: l-istagħġib tiegħu huwa wkoll tagħna.  Ilbieraħ u llum, ejjew inħarsu fiss lejn l-etniji differenti u lejn l-abitanti taż-żoni l-aktar imwarrbin, lejn il-bdiewa.  Inħarsu fiss lejn l-aktar dgħajfa, lejn min hu sfruttat u maltrattat, lejn dawk li m’għandhomx vuċi għax itteħditilhom jew qatt ma kellhom jew inkella qatt ma nagħatat għarfien.  Inħarsu fiss anki lejn il-mara, il-kontribut tagħha, il-fatt li hi “omm” fl-impenji kollha tagħha.  Il-Kolombja teħtieġ lil kulħadd biex tinfetaħ bit-tama lejn il-futur.

Il-Knisja, fidila għall-missjoni tagħha, hi mpenjata favur il-paċi, il-ġustizzja u l-ġid komuni.  Tagħraf li l-prinċipji evanġeliċi huma dimensjoni ta’ tifsir kbir għan-nisġa tas-soċjetà Kolombjana u għalhekk jistgħu jkunu ta’ kontribut kbir għat-tkabbir tal-pajjiż; b’mod speċjali ir-rispett sagru tal-ħajja umana, fuq kollox dik l-aktar dgħajfa u mingħajr difiża, hija l-ġebla tax-xewka fil-bini ta’ soċjetà ħielsa mill-vjolenza.  Minbarra dan ma nistgħux ma nisħqux dwar l-importanza soċjali li għandha l-familja kif ħolomha Alla bħala frott tal-imħabba bejn il-miżżewġin, «imkien fejn nitgħallmu ngħejxu bid-differenzi ta’ bejnietna u nkunu ta’ xulxin» (ibid., 66).  U, jekk jgħoġobkom, nitlobkom tisimgħu lill-foqra, lill-batuti.  Ħasru f’għajnejhom u ħalluhom ikellmukom f’kull ħin bil-wiċċ imħaffer bit-tbatija u bl-idejn tagħhom li jitkarrbu l-ħniena.  Minnhom nitgħallmu lezzjonijiet kbar ta’ ħajja, ta’ umanità, ta’ dinjità.  Għaliex huma, li jitnehdu fil-ktajjen, jifhmu l-kliem ta’ dak li miet fuq is-salib – kif hemm fil-versi tal-innu nazzjonali tagħkom.

Sinjuri, quddiemkom għandkom missjoni sabiħa u nobbli, li fl-istess waqt hi biċċa xogħol diffiċli.  Fil-qlub ta’ kull Kolombjan jidwi l-ispirtu tal-kbir kompatrijott Gabriel Garcia Marquez: «Madankollu, quddiem l-oppressjoni, is-sakkeġġ u l-abbandun, it-tweġiba tagħna hi l-ħajja.  La dilluvji u lanqas il-pesta, la l-ġuħ, la katakliżmi u lanqas il-gwerer infiniti tul is-sekli ma rnexxilhom inaqqsu l-vantaġġ tenaċi tal-ħajja fuq il-mewt.  Vantaġġ li jikber u jżid il-pass».  Għalhekk hi possibbli – jkompli l-kittieb – utopija ġdida u irreżistibbli tal-ħajja, fejn ħadd ma jkun jista’ jiddeċiedi għall-oħrajn saħansitra l-mod kif imut, fejn l-imħabba hija ċertezza u fejn hi possibbli l-hena, u fejn ir-razez ikkundannati għal mitt sena ta’ solitudni fl-aħħar ikollhom għal dejjem it-tieni opportunità f’did-dinja» (Diskors fl-okkażjoni tal-għoti tal-Premju Nobel, 1982).

Hu twil wisq iż-żmien mgħoddi fil-mibgħeda u t-tpattija... Is-solitudni li dejjem uħud kontra l-oħrajn ilu għaddej għexieren ta’ snin u jersaq ukoll lejn il-mija; ma rridux li xi tip ta’ vjolenza, hi liema hi, tnaqqas jew tħassar imqar ħajja waħda.  U ridt niġi sa hawnhekk biex ngħidilkom li m’intomx waħedkom, li aħna, f’għadd kbir, irridu nakkumpanjawkom f’dal-pass; dal-vjaġġ għandu l-għan li jkun għalikom stimulu, kontribut li jwitti xi ftit il-mixja lejn ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi.

Intom preżenti fit-talb tiegħi.  Nitlob għalikom, għall-preżent u għall-futur tal-Kolombja.  Grazzi.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber