Għeżież ħuti!

Ftit qabel ma’ dħalt f’dil-knisja fejn hawn ir-relikwiji ta’ San Pietru Claver, berikt l-ewwel ġebel ta’ istituzzjonijiet destinati biex jospitaw persuni bi ħtiġijiet kbar, u żort id-dar tas-Sinjura Lorenza, li fiha hi ta’ kuljum tilqa’ ħafna minn dawn ħutna biex ittihom l-ikel u l-imħabba.  Dawn il-laqgħat jagħmluli ħafna ġid għax fihom tmiss b’idejk l-imħabba t’Alla li ssir konkreta u ta’ kuljum.

Ilkoll flimkien se nitolbu l-Angelus li fih infakkru l-inkarnazzjoni tal-Verb.  U naħsbu f’Marija, li nisslet lil Ġesù u tatu lid-dinja.  Nikkuntemplawha dalgħodu u ninvokawha bħala s-Sinjura tagħna ta’ Chiquinquirá.  Kif tafu, għal żmien twil dix-xbieha kienet abbandunata, tilfet il-kulur u sfat imkissra u mtaqqba.  Kienet qed tkun ittrattata bħal biċċa xkora qadima, użata mingħajr ebda rispett ta’ xejn sakemm spiċċat qalb l-affarijiet skartati.

Kien dakinhar li mara sempliċi, li skont it-tradizzjoni kien jisimha Maria Ramos, l-ewwel devota tal-Madonna ta’ Chiquinquirá, li f’dik it-tila rat xi ħaġa differenti.  Kellha l-kuraġġ li twarrab dik ix-xbieha rvinata u mmermra f’post għaliha waħedha u b’hekk tagħtha lura d-dinjità li kienet itlfet.  Għarfet issib u tagħti ġieħ lil Marija, li kellha l-Binha f’dirgħajha, propju f’dak l-oġġett li għall-oħrajn kien disprezzat u inutli.

B’hekk hi saret il-mudell ta’ dawk kollha li, b’mod jew ieħor, ifittxu jroddu lura d-dinijità lil ħuthom li waqgħu miġrugħin mill-feriti tal-ħajja, (mudell) ta’ dawk li ma jirrassenjawx ruħhom u jaħdmu biex jibnu dar dinjituża għalihom, biex jgħinuhom fil-ħtiġijiet l-aktar urġenti u, fuq kollox, jitolbu bil-perseveranza sabiex dawn ħuthom jiksbu lura d-dija ta’ ulied Alla li kienet tneżżgħatilhom.

Il-Mulej jgħallimna permezz tal-eżempju tal-umli u ta’ dawk li ma jiswew xejn.  Jekk lil Maria Ramos, mara sempliċi, kien taha l-grazzja li tilqa’ għandha x-xbieha tal-Verġni fil-faqar ta’ dik it-tila mqatta’, lil Isabel, mara indiġena, u lil binha Miguel, tahom iċ-ċans li jkunu huma l-ewwel li jaraw dik it-tila tal-Verġni Marija trasformata u restawrata.  Kienu huma l-ewwel nies li raw b’għajnejn sempliċi dik il-biċċa drapp imġedda għal-kollox, u fiha jaraw jilma d-dawl divin, li jittrasforma u jġedded kollox.  Huma l-foqra, l-umli, dawk li jikkuntemplaw il-preżenza t’Alla, in-nies li lilhom ikun rivelat b’ċarezza akbar il-Misteru tal-imħabba t’Alla.  Huma, foqra u sempliċi, kienu l-ewwel li raw lill-Verġni ta’ Chiquinquirá u saru missjunarji tagħha, ħabbara tas-sbuħija u l-qdusija tal-Verġni Marija.

U f’dil-knisja se nitolbu lil Marija, li sejħet lilha nfisha “qaddejja tal-Mulej”, u lil San Pietru Claver, “l-ilsir permanenti tas-suwed”, kif ried li jsejħulu fil-jum tal-professjoni solenni tiegħu.  Hu kien jistenna l-vapuri li kienu jaslu mill-Afrika fis-suq ewlieni tal-iskjavi “tad-dinja l-ġdida”.  Ħafna drabi kien jagħtihom merħba bil-ġesti biss, ġesti evanġeliżżaturi, minħabba li ma kienx possibbli jikkomunika magħhom minħabba l-lingwa.  Iżda żegħila tmur aktar ‘l hinn mill-lingwi kollha.  Madankollu, San Pietru Claver kien jaf li l-ingwaġġ tal-karità, tal-ħniena, kien jifhmu kulħadd.  Fil-fatt, il-karità tgħin biex nifhmu l-verità u l-verità tesiġi ġesti ta’ karità: dawn imorru flimkien, ma jistgħux jinfirdu.  Meta kien iħossu mbuttat minnhom – għax, imsieken kienu jaslu fi stat diżgustanti – Pietru Claver kien ibusilhom il-feriti tagħhom.

Kien strett ħafna miegħu nnifsu u mħeġġeġ bil-karità u wara li kien farraġ is-solitudni ta’ mijiet ta’ eluf ta’ persuni, ma mietx bl-unuri, insewh, u qatta’ l-aħħar erba’ snin ta’ ħajtu marid fiċ-ċella tiegħu fi stat ta’ abbandun sħiħ u tal-biża’.  Hekk tħallas lura d-dinja; Alla ħallsu mod ieħor.

Fil-fatt San Pietru Claver ta xhieda formidabbli tar-responsabbiltà u l-attenzjoni li kull wieħed u waħda minna għandna lejn ħutna.  L-oħrajn kienu jakkużaw b’mod inġust lil dal-qaddis li kien wisq għani fil-prudenza tant li kellu jaffaċċja kritika ħarxa u oppożizzjoni ma taqta’ xejn min-naħa ta’ min kien jibża’ li l-ministeru tiegħu kien theddida għall-kummerċ tal-ilsira.

Sal-lum stess, fil-Kolombja u fid-dinja, miljuni ta’ persuni jkunu mibjugħin bħala skjavi, jew inkella jmorru jittalbu ftit umanità, waqt ċkejken ta’ tenerezza.  Jibdew ibaħħru jew jitilqu għal għonq it-triq bil-mixi għax tilfu kull ma kellhom, ibda mid-dinjità tagħhom u drittijiethom.

Maria ta’ Chiquinquirá u Pietru Claver jistednuna naħdmu għad-dinjità ta’ ħutna kollha, speċjalment il-foqra u l-imwarrbin tas-soċjetà għall-abbandunati, għall-emigranti, għal dawk li jisfaw vittmi tal-vjolenza u tal-kummerċ tal-persuni.  Ilkoll kemm huma għandhom id-dinjità tagħhom u huma xbieha t’Alla.  Ilkoll kemm aħna konna maħluqin xbieha ta’ Alla u l-Verġni Marija żżommna f’dirgħajha bħala ulied maħbuba lkoll kemm aħna.

Indawru t-talba tagħna issa lejn il-Verġni Ommna, biex  tgħinna niskopru l-wiċċ ta’ Alla f’kull raġel u kull mara ta’ żmienna.

 [L-Anġlu t’Alla ħabbar lil Marija…]

* * *

WARA L-ANGELUS

Għeżież ħuti,

Minn dal-post nixtieq niżgura lil kull pajjiż tal-Amerika Latina li nitlob għalihom, b’mod speċjali l-pajjiż ġar il-Venezwela.  Nesprimi l-qrubija tiegħi lil kull wieħed u waħda minn ulied dak in-nazzjon maħbub, kif ukoll lil dawk kollha li f’din l-art tal-Kolombja sabu post li laqagħhom.  Minn dil-belt, sede tad-drittijiet umani, nagħmel appell biex kull tip ta’ vjolenza fil-ħajja politika tkun miċħuda u tinstab soluzzjoni għall-kriżi gravi li għaddejja bħalissa u li qed tolqot lil kulħadd, speċjalment lill-foqra u l-iżvantaġġjati tas-soċjetà.  Il-Verġni Santissma tinterċedi għall-ħtiġijiet kollha tad-dinja u għal kull wieħed u waħda minn uliedha.

Insellem lilkom hawn preżenti, li ġejtu minn postijiet diversi, kif ukoll lil kull min qed isegwi din iż-żjara bir-radju u t-televixin.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.

U issa nixtieq intikom il-barka.  Kull wieħed u waħda minna, qabel nirċievu l-barka, jieqaf għal ftit waqtiet fis-skiet u f’qalbu jniżżel l-ismijiet ta’ dawk li l-aktar inħobbu u wkoll ta’ dawk li aħna ma nħobbuhomx; l-ismijiet tal-persuni li jirrispettawna u dawk tal-persuni li aħna nafu li ma jixtiequlniex il-ġid; għal kulħadd u għal kull wieħed u waħda nitolbu l-barka, għal kulħadd.

 [talb fis-skiet]

[Barka]

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber