Dikjarazzjoni komuni tal-Papa Franġisku

u tal-Patrijarka Kirill ta’ Moska u tar-Russja kollha

 

“Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll” (2 Kor 13:13).

 

1. Bir-rieda ta’ Alla l-Missier li minnu jiġu kull don, f’isem Sidna Ġesù Kristu, u bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu s-Santu Konsolatur, aħna, il-Papa Franġisku u Kirill, Patrijarka ta’ Moska u tar-Russja kollha, iltqajna l-lum hawn fil-Havana.  Irroddu ħajr lil Alla, imsebbaħ fit-Trinità, għal din il-laqgħa, l-ewwel waħda fl-istorja.

 

Kollna ferħ sibna ruħna hawn bħala aħwa fil-fidi Nisranija li qed niltaqgħu biex “nitkellmu wiċċ imb’wiċċ” (2 Ġw 12), minn qalb għal qalb, u niddiskutu r-relazzjonijiet reċiproċi bejn il-Knejjes, il-problemi essenzjali tal-fidili tagħna u l-possibbiltajiet ta’ żvilupp taċ-ċiviltà tal-bnedmin.

 

2. Il-laqgħa fraterna tagħna seħħet f’Kuba, f’salib it-toroq bejn Tramuntana u Nofs in-Nhar, bejn Lvant u Punent.  Minn din il-gżira, simbolu tat-tamiet tad-“Dinja l-Ġdida” u tal-ġrajjiet drammatiċi ta’ l-istorja tas-seklu għoxrin, nixtiequ nkellmu lill-popli kollha ta’ l-Amerika Latina u tal-Kontinenti l-oħra.

 

Nithennew li l-fidi Nisranija hawn qed tikber b’mod dinamiku.  Il-potenzjal reliġjuż qawwi ta’ l-Amerika Latina, it-tradizzjoni sekulari Kristjana tagħha, imwettqa fl-esperjenza personali ta’ miljuni ta’ persuni, huma l-garanzija ta’ futur kbir għal dan ir-reġjun.

 

3. B’din il-laqgħa tagħna ’l bogħod mit-tilwim antik tad-“Dinja l-Qadima”, inħossu partikularment qawwija l-ħtieġa ta’ ħidma komuni bejn Kattoliċi u Ortodossi, imsejħin, bi ħlewwa u rispett, biex nagħtu tweġiba lid-dinja dwar l-għala tat-tama li għandna (ara 1 Piet 3:15).

 

4. Irroddu ħajr lil Alla għad-doni li rċivejna bil-miġja ta’ Ibnu l-waħdieni fid-dinja.  Naqsmu flimkien it-Tradizzjoni spiritwali komuni ta’ l-ewwel millennju tal-Kristjaneżmu.  Ix-xhieda ta’ din it-Tradizzjoni huma l-Imqaddsa Omm Alla, il-Verġni Marija, u l-Qaddisin li nqimu.  Fosthom hemm għadd bla qies ta’ martri li taw xhieda bil-fedeltà tagħhom lejn Kristu u saru “żerriegħa ta’ Nsara ġodda”.

 

5. Minkejja din it-Tradizzjoni komuni ta’ l-ewwel għaxar sekli, il-Kattoliċi u l-Ortodossi, minn kważi elf sena ilu, huma mċaħħda mill-komunjoni fl-Ewkaristija.  Aħna mifrudin minħabba fi ġrieħi kkawżati minn kunflitti ta’ imgħoddi mbiegħed jew riċenti, minħabba differenzi, li aħna writna minn ta’ qabilna, fejn jidħol il-mod kif nifhmu u nespliċitaw il-fidi tagħna f’Alla, wieħed fi tliet Persuni – Missier, Iben u Spirtu s-Santu.  Niddeploraw it-telfien ta’ din l-għaqda, konsegwenza tad-dgħufija umana u tad-dnub, li seħħ minkejja t-Talba saċerdotali ta’ Kristu l-Feddej: “Li jkunu lkoll ħaġa waħda.  Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina” (Ġw 17:21).

 

6. Konxji li hemm għadd ta’ ostakli li għadhom jeżistu, nawguraw li l-laqgħa tagħna tista’ tikkontribwixxi biex terġa’ tinstab din l-għaqda mixtieqa minn Alla, li għaliha talab Kristu.  Jalla l-laqgħa tagħna tnebbaħ lill-Insara tad-dinja kollha biex jitolbu lill-Mulej b’ħeġġa mġedda għall-għaqda sħiħa tad-dixxipli kollha tiegħu.  F’dinja li tistenna minna mhux biss kliem imma ġesti konkreti, jalla din il-laqgħa tkun sinjal ta’ tama għall-bnedmin kollha ta’ rieda tajba!

 

7. Determinati li nagħmlu dak kollu meħtieġ biex negħlbu d-differenzi storiċi li writna, nixtiequ ngħaqqdu l-isforzi tagħna biex nagħtu xhieda tal-Vanġelu ta’ Kristu u l-wirt komuni tal-Knisja tal-ewwel millennju, u flimkien inwieġbu għall-isfidi tad-dinja kontemporanja.  Ortodossi u Kattoliċi għandhom jitgħallmu jagħtu xhieda waħda tal-verità f’oqsma fejn dan hu possibbli u meħtieġ.  Iċ-ċiviltà umana daħlet f’perjodu ta’ bidla epokali.  Il-kuxjenza Nisranija tagħna u r-responsabbiltà pastorali tagħna ma jħalluniex nibqgħu b’idejna fuq żaqqna quddiem l-isfidi li jitolbu tweġiba komuni.

 

8. Il-ħarsa tagħna qabel xejn iddur fuq ir-reġjuni tad-dinja fejn l-Insara huma vittmi tal-persekuzzjoni.  F’ħafna pajjiżi tal-Lvant Nofsani u ta’ l-Afrika ta’ Fuq ħutna fi Kristu qed jiġu maqtula f’familji, irħula u bliet sħaħ.  Il-knejjes tagħhom qed jiġu mfarrka u misruqa b’mod barbariku, l-oġġetti sagri tagħhom ipprofanati, il-monumenti tagħhom meqruda.  Fis-Sirja, fl-Iraq u f’pajjiżi oħra tal-Lvant Nofsani, b’għafsa ta’ qalb qed naraw iseħħ taħt għajnejna l-eżodu qawwi ta’ l-Insara ta’ dik l-art li minnha bdiet tixtered il-fidi tagħna u fejn huma għexu, sa minn żmien l-Appostli, flimkien ma’ komunitajiet reliġjużi oħra.

 

9. Nitolbu lill-komunità internazzjonali biex tieħu malajr passi biex tippreveni t-tkeċċija ta’ iktar Insara mil-Lvant Nofsani.  Aħna u ngħollu leħinna biex niddefendu l-Insara ppersegwitati, nixtiequ nesprimu l-kompassjoni tagħna għat-tbatijiet li jġarrbu l-fidili ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra li wkoll saru vittmi tal-gwerra ċivili, tal-kaos u tal-vjolenza terroristika.

 

10. Fis-Sirja u fl-Iraq il-vjolenza diġà kkawżat eluf ta’ vittmi, u ħalliet miljuni ta’ persuni bla saqaf fuq rashom u bla riżorsi.  Nitolbu bil-ħerqa lill-komunità internazzjonali biex tingħaqad flimkien ħalli ttemm il-vjolenza u t-terroriżmu u, fl-istess ħin, biex tagħti sehemha permezz tad-djalogu b’riżq it-twaqqif mill-ġdid tal-paċi ċivili fi żmien qasir.  Hu essenzjali li niżguraw għajnuna umanitarja fuq skala wiesgħa lill-popolazzjonijiet maħbuta u lil tant rifuġjati li jfittxu kenn fil-pajjiżi tal-qrib.

 

Nitolbu lil dawk kollha li jista’ jkollhom saħħa fuq id-destin tal-persuni maħtufa, fosthom il-Metropoliti ta’ Aleppo, Pawlu u Ġwanni Ibrahim, maħtufa fix-xahar ta’ April ta’ l-2013, biex jagħmlu minn kollox ħalli dawn jinħelsu bla dewmien.

 

11. Ngħollu t-talba tagħna quddiem Kristu, il-Feddej tad-dinja, biex terġa’ tinstab il-paċi fil-Lvant Nofsani li hi “il-frott tal-ġustizzja” (ara Is 32:17), biex jissaħħaħ l-għajxien ta’ l-aħwa flimkien fost id-diversi popli, il-Knejjes u r-reliġjonijiet preżenti fih, biex ir-rifuġjati jistgħu jerġgħu lura lejn djarhom, biex jitfejqu l-ġrieħi u tistrieħ ir-ruħ ta’ l-innoċenti maqtula.

 

Induru, b’appell imqanqal, fuq il-partijiet kollha li b’xi mod huma involuti fil-kunflitti, biex juru r-rieda tajba tagħhom u joqogħdu madwar il-mejda tan-negozjati.  Fl-istess waqt, hu meħtieġ li l-komunità internazzjonali tagħmel l-almu kollu tagħha biex iġġib fi tmiemu t-terroriżmu bl-għajnuna ta’ azzjonijiet komuni, konġunti u kordinati.  Nitolbu lill-pajjiżi kollha involuti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu biex jaġixxu b’mod responsabbli u prudenti.  Insejħu bil-ħerqa lill-Insara kollha u lil dawk kollha li jemmnu f’Alla biex jitolbu bil-ħeġġa lill-Ħallieq providenti tad-dinja ħalli jħares il-ħolqien tiegħu mill-qerda u ma jħallix li sseħħ gwerra oħra dinjija.  Biex il-paċi tkun fit-tul u tista’ torbot fuqha, huma meħtieġa sforzi speċifiċi maħsuba biex niskopru mill-ġdid il-valuri komuni li jxerkuna, imsejsa fuq il-Vanġelu ta’ Sidna Ġesù Kristu.

 

12. Ninżlu għarkubbtejna quddiem il-martirju ta’ dawk li, bi prezz għal ħajjithom stess, jagħtu xhieda tal-verità tal-Vanġelu, u jippreferu l-mewt milli jiċħdu lil Kristu.  Nemmnu li dawn il-martri ta’ żminijietna, ġejjin mid-diversi Knejjes, imma magħqudin minn tbatija komuni, huma rahan ta’ l-għaqda bejn l-Insara.  Huwa lejkom, li qed tbatu għal Kristu, li hi indirizzata kelmet l-Appostlu: “Ħuti għeżież… ifirħu, għax b’hekk intom qegħdin tissieħbu fit-tbatijiet ta’ Kristu, biex aktar tifirħu u tithennew fid-dehra tal-glorja tiegħu” (1 Piet 4:12-13).

 

13. F’dan iż-żmien ta’ tħassib, id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet hu indispensabbli.  Id-differenzi fl-għarfien tal-veritajiet reliġjużi m’għandhomx iżommu lill-persuni ta’ fidi differenti milli jgħixu fil-paċi u fl-armonija bejniethom.  Fiċ-ċirkustanzi attwali, il-mexxejja reliġjużi għandhom ir-responsabbiltà partikulari li jedukaw lill-fidili tagħhom fi spirtu rispettuż tal-konvinzjonijiet ta’ dawk li ġejjin minn tradizzjonijiet reliġjużi oħra.  Huma assolutament inaċċettabbli t-tentattivi li wieħed jiġġustifika azzjonijiet kriminali bi slogans reliġjużi.  L-ebda att kriminali ma jista’ jitwettaq f’isem Alla, “għax Alla m’hux Alla tad-diżordni iżda tas-sliem” (1 Kor 14:33).

 

14. Waqt li naffermaw il-valur għoli tal-libertà reliġjuża, irroddu ħajr lil Alla għat-tiġdid bla ebda preċedent fil-fidi Nisranija li qed iseħħ bħalissa fir-Russja u f’ħafna pajjiżi ta’ l-Ewropa tal-Lvant, fejn ir-reġimi atej ħakmu għal għaxriet ta’ snin.  Il-lum il-ktajjen ta’ l-ateiżmu militanti huma mkissra u f’ħafna mkejjen l-Insara jistgħu liberament jistqarru l-fidi tagħhom.  Fi kwart ta’ seklu, inbnew għaxriet ta’ eluf ta’ knejjes ġodda, u nfetħu mijiet ta’ monasteri u skejjel teoloġiċi.  Il-komunitajiet Insara qed iwettqu attività karitattiva u soċjali importanti, u jfornu kull xorta ta’ għajnuna lil dawk fil-bżonn.  Ortodossi u Kattoliċi spiss jaħdmu id f’id.  Huma juruna li jeżistu fundamenti spiritwali komuni għall-konvivenza umana, u jagħtu xhieda tal-valuri tal-Vanġelu.

 

15. Fl-istess waqt, tħassibna l-qagħda ta’ bosta pajjiżi fejn l-Insara jinsabu f’konfront dejjem iżjed spiss bejniethom b’nuqqas ta’ libertà reliġjuża, tad-dritt li jagħtu xhieda tal-konvinzjonijiet tagħhom u l-possibbiltà li jgħixu f’konformità magħhom.  B’mod partikulari, qed naraw li l-bidla ta’ ċerti pajjiżi f’soċjetajiet sekularizzati, barranin għal kull xorta ta’ riferiment għal Alla u għall-verità tiegħu, hi theddida gravi għal-libertà reliġjuża.  Hi għalina għajn ta’ tħassib il-limitazzjoni attwali tad-drittijiet ta’ l-Insara, biex ma ngħidux id-diskriminazzjoni kontrihom, meta xi qawwiet politiċi, imdawla mill-ideoloġija ta’ sekulariżmu ħafna drabi pjuttost aggressiv, ifittxu li jixħtuhom fit-truf tal-ħajja pubblika.

 

16. Il-proċess ta’ integrazzjoni Ewropea, mibdi wara seklu ta’ kunflitti mdemmija, ġie milqugħ minn ħafna b’tama, bħala garanzija ta’ paċi u ta’ sigurtà.  Madankollu, inħeġġu lil kulħadd joqgħod attent minn integrazzjoni li ma tirrispettax l-identitajiet reliġjużi.  Waqt li nibqgħu miftuħa għall-kontribut ta’ reliġjonijiet oħra għaċ-ċiviltà tagħna, aħna konvinti li l-Ewropa għandha tibqa’ fidila lejn l-għeruq Insara tagħha.  Nitolbu lill-Insara ta’ l-Ewropa Orjentali u Oċċidentali biex jingħaqdu ħaġa waħda ħalli flimkien jagħtu xhieda ta’ Kristu u tal-Vanġelu, b’mod li l-Ewropa tkun tista’ tikkonserva r-ruħ tagħha magħġuna minn elfejn sena ta’ tradizzjoni Nisranija.

 

17. Ħarsitna ddur lejn il-persuni li jinsabu f’qagħdiet ta’ diffikultà kbira, li qed jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ bżonn estrem u ta’ faqar, waqt li qed joktor l-għana materjali ta’ l-umanità.  Ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem ix-xorti ta’ miljuni ta’ immigranti u ta’ rifuġjati li jħabbtu fuq bieb il-pajjiżi għonja.  Il-konsum sfrenat, kif naraw f’xi pajjiżi iżjed żviluppati, qiegħed naqra naqra jnaqqar mir-riżorsi tal-pjaneta tagħna.  In-nuqqas ta’ ugwaljanza dejjem jikber fit-tqassim tal-ġid ta’ din l-art qed iżid is-sentiment ta’ inġustizzja fil-konfront tas-sistema ta’ relazzjonijiet internazzjonali li ġiet stabbilita.

 

18. Il-Knejjes Insara huma msejħa jiddefendu l-esiġenzi tal-ġustizzja, ir-rispett għat-tradizzjonijiet tal-popli u solidarjetà awtentika ma’ dawk kollha li qed ibatu.  Aħna, l-Insara, ma rridux ninsew li “Alla għażel in-nies boloh għad-dinja biex iħawwad l-għorrief; għażel id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja, u n-nies li ma huma xejn, biex iġib fix-xejn ’il dawk li huma xi ħaġa.  Hekk ebda bniedem ma jkun jista’ jiftaħar quddiem Alla” (1 Kor 1:27-29).

 

19. Il-familja hi ċ-ċentru naturali tal-ħajja umana u tas-soċjetà.  Aħna mħassbin bil-kriżi tal-familji f’ħafna pajjiżi.  Ortodossi u Kattoliċi għandhom l-istess kunċett tal-familja u huma msejħin jagħtu xhieda li hi mixja ta’ qdusija, li tixhed għall-fedeltà tal-miżżewġin fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, il-ftuħ tagħhom għall-prokreazzjoni u għall-edukazzjoni ta’ l-ulied, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u r-rispett għall-iżjed dgħajfa.

 

20. Il-familja hi msejsa fuq iż-żwieġ, att ħieles u fidil ta’ mħabba bejn raġel u mara.  Hi l-imħabba li tissiġilla l-għaqda ta’ bejniethom u tgħallimhom jilqgħu lil xulxin b’mod reċiproku bħala don.  Iż-żwieġ hu skola ta’ mħabba u ta’ fedeltà.  Nitnikktu naraw kif forom oħra ta’ konvivenza l-lum il-ġurnata tqiegħdu fuq l-istess livell ta’ din l-għaqda, waqt li l-kunċett ta’ paternità u ta’ maternità bħala vokazzjoni partikulari tar-raġel u tal-mara fiż-żwieġ, imqaddes mit-tradizzjoni Biblika, ġie eskluż mill-kuxjenza pubblika.

 

21. Nitolbu lil kulħadd jirrispetta d-dritt inaljenabbli għall-ħajja.  Miljun ta’ trabi qed jiġu mċaħħda mill-istess possibbiltà li jitwieldu fid-dinja.  Leħen id-demm tat-trabi mhux imwielda qed jgħajjat quddiem Alla (ara Ġen 4:10).

 

L-iżvilupp ta’ l-hekk imsejħa ewtanasja wassal biex il-persuni anzjani u l-morda jibdew iħossu li huma piż żejjed fuq il-familji tagħhom u għas-soċejtà b’mod ġenerali.

 

Nitħassbu wkoll bl-iżvilupp tat-teknika tal-prokreazzjoni medikament assistita, għax il-manipulazzjoni tal-ħajja umana hi attakk fuq il-fundamenti ta’ l-eżistenza tal-bniedem, maħluq xbieha ta’ Alla.  Nemmnu li hu dmir tagħna nfakkru li l-prinċipji morali Nsara ma jinbidlux, mibnija kif inhuma fuq ir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem imsejjaħ għall-ħajja, skond il-pjan tal-Ħallieq.

 

22. Il-lum nixtiequ nduru b’mod partikulari fuq iż-żgħażagħ Insara.  Intom, żgħażagħ, għandkom bħala dmir tagħkom li ma taħbux it-talent taħt l-art (ara Mt 25:25), imma li tużaw il-ħiliet kollha li takom Alla biex tikkonfermaw fid-dinja l-veritajiet ta’ Kristu, biex tlaħħmu fil-ħajja tagħkom il-kmandamenti Evanġeliċi ta’ l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.  Tibżgħux tmorru kontra l-kurrent, tiddefendu l-verità ta’ Alla, li n-normi sekulari tal-lum spiss huma mbiegħda milli jikkonformaw ruħhom magħha dejjem.

 

23. Alla jħobbkom u jistenna minn kull wieħed u waħda minnkom li tkunu dixxipli u appostli Tiegħu.  Kunu d-dawl tad-dinja biex dawk ta’ madwarkom jaraw l-għemejjel tajba tagħkom, u jsebbħu lil Missierkom li hu fis-Smewwiet (ara Mt 5:14,16).  Edukaw lil uliedkom fil-fidi Nisranija, għaddulhom il-ġawhra prezzjuża tal-fidi (ara Mt 13:46) li intom irċivejtu minn għand il-ġenituri u l-antenati tagħkom.  Ftakru li “bil-għoli kontu mixtrija” (1 Kor 6:20), bil-prezz tal-mewt fuq is-salib tal-Bniedem-Alla Ġesù Kristu.

 

24. Ortodossi u Kattoliċi huma magħqudin flimkien mhux biss mit-Tradizzjoni komuni tal-Knisja ta’ l-ewwel millennju, imma anki mill-missjoni li jippriedkaw il-Vanġelu ta’ Kristu fid-dinja tal-lum.  Din il-missjoni titlob ir-rispett reċiproku għall-membri tal-komunitajiet Insara u teskludi kull għamla ta’ proselitiżmu.

 

M’aħniex kompetituri imma aħwa, u minn dan il-kunċett għandhom jiġu mdawla l-għemejjel kollha tagħna reċiproċi u mad-dinja ta’ barra.  Insejħu lill-Kattoliċi u l-Ortodossi tal-pajjiżi kollha biex jitgħallmu jgħixu flimkien fil-paċi u fl-imħabba, u “ikunu fehma waħda bejniethom” (Rum 15:5).  Għalhekk ma nistgħux naċċettaw l-użu ta’ mezzi inġusti biex lil min jemmen inħajruh jgħaddi minn Knisja għal oħra, ħaġa li tkun iċċaħħdu mil-libertà reliġjuża u mit-tradizzjonijiet tiegħu.  Aħna msejħin inqiegħdu fil-prattika l-preċett ta’ l-Appostlu Pawlu: Ix-xewqa tiegħi hi li nxandar l-Evanġelju fejn qatt ma ssemma Kristu, sabiex ma nkunx bnejt fuq sisien li jkun qiegħed ħaddieħor” (Rum 15:20).

 

25. Nittama li l-laqgħa tagħna tista’ tikkontribwixxi għar-rikonċiljazzjoni, hemm fejn jeżistu tensjonijiet bejn Griegi-Kattoliċi u Ortodossi.  Il-lum hu ċar li l-metodu tal-“unjatiżmu” tal-passat, mifhum bħala t-tgħaqqid ta’ komunità ma’ l-oħra, li jifridha mill-Knisja tagħha, m’huwiex mod tajjeb li jippermetti li terġa’ tinstab l-għaqda.  Madankollu, il-komunitajiet ekkleżjali li tfaċċaw f’dawn iċ-ċirkustanzi storiċi għandhom id-dritt li jeżistu u li jinqdew b’dak kollu meħtieġ biex jissodisfaw l-esiġenzi spiritwali tal-fidili tagħhom, u fl-istess ħin ifittxu li jgħixu fis-sliem mal-ġirien tagħhom.  Ortodossi u Griegi-Kattoliċi jeħtieġ jirrikonċiljaw flimkien u jsibu xejriet ta’ konvivenza aċċettabbli għat-tnejn.

 

26. Nikkundannaw il-ġlied fl-Ukrajna li diġà ħalla ħafna vittmi, għadd ta’ ġrieħi lil abitanti paċifiċi u xeħet lis-soċjetà fi kriżi gravi ekonomika u umanitarja.  Nistiednu lill-partijiet kollha f’kunflitt ifittxu l-prudenza, is-solidarjetà soċjali u l-azzjoni biex jibnu l-paċi.  Nistiednu lill-Knejjes tagħna fl-Ukrajna biex iħabirku ħalli jilħqu l-armonija soċjali, biex jevitaw kull skontru u biex ma jkunux huma li jkabbru iżjed il-kunflitt.

 

27. L-awgurju tagħna hu li x-xiżma bejn il-fidili Ortodossi fl-Ukrajna tista’ tingħeleb, proċess li jkun imsejjes fuq in-normi kanoniċi eżistenti, biex l-Insara Ortodossi kollha ta’ l-Ukrajna jistgħu jgħixu fil-paċi u fl-armonija, u l-komunitajiet Kattoliċi tal-pajjiż jikkontribwixxu għal dan, hekk li nuru dejjem iżjed il-fratellanza Nisranija tagħna.

 

28. Fid-dinja tal-lum, ta’ bosta għamliet imma fl-istess ħin magħquda minn destin komuni, Kattoliċi u Ortodossi huma msejħa jikkollaboraw bħal aħwa fix-xandir tal-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni, u flimkien jagħtu xhieda tad-dinjità morali u l-libertà awtentika tal-persuna, “biex id-dinja temmen” (Ġw 17:21).  Din id-dinja, li fiha ftit ftit qed jgħibu l-pilastri spiritwali ta’ l-eżistenza umana, tistenna minna xhieda qawwija Kristjana fl-oqsma kollha tal-ħajja personali u soċjali.  Mill-ħila tagħna li flimkien nagħtu xhieda ta’ l-Ispirtu tal-verità f’dawn iż-żminijiet diffiċli jiddipendi fil-parti l-kbira tiegħu l-futur ta’ l-umanità.

 

29. F’din ix-xhieda qalbiena tal-verità ta’ Alla u tal-Bxara t-Tajba salvifika, iweżinna l-Bniedem-Alla Ġesù Kristu, Sidna u Feddej tagħna, li jqawwina spiritwalment bil-wegħda infallibbli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!” (Lq 12:32).

 

Kristu hu għajn ta’ ferħ u ta’ tama.  Il-fidi fiH tittrasfigura l-ħajja tal-bnedmin, timlieha bis-sens.  Dan setgħu iħossuhom konvinti minnu, permezz ta’ l-esperjenza tagħhom, dawk kollha li għalihom nistgħu napplikaw kliem l-Appostlu Pietru: “Intom li darba ma kontux poplu, issa sirtu l-poplu ta’ Alla; intom li darba ma kontux issibu ħniena, issa sibtu l-ħniena tiegħu” (1 Piet 2:10).

 

30. Mimlija gratitudni għad-don tal-komprensjoni reċiproka li esprimejna tul il-laqgħa tagħna, inħarsu bit-tama lejn l-Omm Imqaddsa ta’ Alla, u nitolbuha bi kliem din it-talba antika: “Taħt il-ħarsien tal-ħniena tiegħek, nistkennu, Omm Qaddisa ta’ Alla”.  Ħa tkun il-Verġni Mqaddsa Marija, bl-interċessjoni tagħha, li tkebbes il-fraternità fost dawk kollha li jqimuha, biex jerġgħu jingħaqdu flimkien, fiż-żmien li jagħżel Alla, fis-sliem u fl-armonija bħala poplu wieħed ta’ Alla, għall-glorja tat-Trinità Qaddisa u mhux mifruda!

 

Franġisku

Isqof ta’ Ruma

Papa tal-Knisja Kattolika

Kirill

Patrijarka ta’ Moska

u tar-Russja kollha

 

12 ta’ Frar 2016, Il-Havana (Kuba)

 


 

Kelmtejn tal-Patrijarka Kirill

wara l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni komuni mal-Qdusija Tiegħu Franġisku

 

Santità, 

Eċċellenzi, 

Għeżież ħuti, 

Sinjuri,

 

Għal sagħtejn sħaħ kellna konverżazzjoni miftuħa, b’għarfien sħiħ tar-responsabbiltà li għandna lejn il-Knejjes tagħna, il-poplu tagħna li jemmen, il-futur tal-Kristjaneżmu u l-futur taċ-ċiviltà umana.  Kienet konverżazzjoni għanja fil-kontenut, li tatna l-opportunità li nisimgħu u nifhmu l-pożizzjonijiet ta’ xulxin.  U l-frott ta’ din il-konverżazzjoni jippermettili niżgurakom li l-lum iż-żewġ Knejjes jistgħu jikkoperaw, billi jiddefendu l-Insara fid-dinja kollha, u jaħdmu id f’id, b’responsabbiltà sħiħa, biex ma jkunx hawn gwerer, il-ħajja umana tiġi rrispettata kullimkien fid-dinja, jissaħħu l-pedamenti tal-morali personali, familjari u soċjali, u, bis-sehem tal-Knisja fil-ħajja tas-soċjetà umana moderna, hi tissaffa f’isem Sidna Ġesù Kristu u l-Ispirtu s-Santu.

 


 

Kelmtejn tal-Qdusija Tiegħu l-Papa

wara l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni komuni mal-Patrijarka Kirill

 

Santità,

Eminenzi,

Reverendi,

 

Tkellimna bħala aħwa, għandna l-istess Magħmudija, aħna isqfijiet.  Tkellimna dwar il-Knejjes tagħna, u naqblu fuq il-fatt li l-għaqda nibnuha aħna u mexjin.  Tkellimna b’mod miftuħ, bla ebda tidwir fil-kliem, u nistqarr magħkom li ħassejt il-faraġ ħelu ta’ l-Ispirtu s-Santu f’dan id-djalogu.  Nirringrazzja lill-Qdusija Tiegħu għall-umiltà tiegħu, umiltà fraterna, u għax-xewqat sbieħ tiegħu għall-għaqda.

 

Ftehimna fuq serje ta’ inizjattivi, li nemmen li jistgħu jkunu validi u li jistgħu jitwettqu.  Għalhekk nixtieq nirringrazzja, għal darb’oħra, lill-Qdusija Tiegħu għat-tjieba li wera fil-laqgħa tiegħu miegħi, u bl-istess mod lill-kollaboraturi tiegħu, u ħa nsemmi tnejn: l-Eminenza Tiegħu l-Metropolita Hilarion u l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Koch, bil-gruppi tagħhom li ħadmu għal dan.

 

Ma nixtieqx nitlaq u minn qalbi ma rroddx ħajr lil Kuba, lill-poplu kbir Kuban u lill-President tiegħu hawn preżenti.  Nirringrazzjah għad-disponibbiltà attiva tiegħu.  B’dan ir-ritmu, Kuba ma ddumx ma tkun il-kapitali ta’ l-għaqda!  U ħa jkun dan kollu għall-glorja ta’ Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, u għall-ġid tal-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla, taħt il-mant ta’ l-Omm Imqaddsa ta’ Alla.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard