[bl-Ingliż]

 

Grazzi ħafna tar-Rużarju li tlabtu għalija: grazzi, grazzi ħafna!

 

Grazzi tal-preżenza tagħkom, tal-preżenza mħeġġa tagħkom, hawn!  Grazzi lil Linette u grazzi lil Manuel, tar-riflessjonijiet tagħkom.

 

[bl-Ispanjol]

 

Teżisti mistoqsija li hi l-bażi tal-mistoqsijiet kollha li għamluli Linette u Manuel: “Għaliex jeżistu l-firdiet, il-ġlied, il-gwerra, il-mewt, il-fanatiżmu, il-qerda bejn iż-żgħażagħ?  Għaliex hemm din ix-xewqa li neqirdu lilna nfusna?”.  Fl-ewwel paġna tal-Bibbja, wara dawk l-għeġubijiet kollha li għamel Alla, insibu wieħed li joqtol lil ħuh.  L-ispirtu tal-ħażen iwassalna għall-qerda; l-ispirtu tal-ħażen iwassalna għall-firda, iwassalna għat-tribaliżmu, għall-korruzzjoni, għad-dipendenza fuq id-droga…  Iwassalna biex neqirdu permezz tal-fanatiżmu.

 

Manuel staqsieni: “X’nistgħu nagħmlu biex il-fanatiżmu ideoloġiku ma jisirqilniex lil ħuna, lil ħabibna?”.  Hemm kelma li tista’ tidher skomda, imma ma rridx nevitaha għax intom użajtuha qabli: użajtuha meta ġibtuli l-kuruni, għaddejtuli r-rużarju li tlabtu għalija; użaha wkoll l-Isqof, meta ppreżentakom, u qal li tħejjejtu għal din iż-żjara bit-talb.  L-ewwel ħaġa li nixtieq inwieġeb hi li raġel jitlef l-aħjar mill-umanità tiegħu, mara titlef l-aħjar ta’ l-umanità tagħha, meta ninsew nitolbu, għax inħossuna nifilħu għal kollox, għax ma nħossux il-bżonn li nitolbu lill-Mulej jgħinna quddiem tant traġedji.

 

Il-ħajja mimlija diffikultajiet, imma hemm żewġ modi kif inħarsu lejn id-diffikultajiet: jew narawhom bħala xi ħaġa li tibblukkana, li teqridna, li twaħħalna, jew narawhom bħala opportunità vera.  Għalikom l-għażla.  Għalija, diffikultà hi mixja lejn il-qerda, jew hi opportunità biex nirbaħ is-sitwazzjoni tiegħi, dik tal-familja tiegħi, tal-komunità tiegħi, tal-pajjiż tiegħi?

 

Għeżież żgħażagħ, m’aħniex ngħixu fis-sema, qed ngħixu fuq l-art.  U l-art mimlija diffikultajiet.  L-art mhux biss hi mimlija diffikultajiet, imma anki stediniet biex ngħawġu triqtna lejn dak li hu ħażin.  Imma hemm xi ħaġa li intom iż-żgħażagħ ilkoll għandkom, li tibqa’ għal ċertu żmien, żmien ftit jew wisq twil: il-ħila li tagħżlu liema mixja tridu tagħżlu, liema minn dawk iż-żewġ affarijiet tixtiequ tagħżlu: inħalli d-diffikultajiet jirbħuni, jew nibdel id-diffikultà f’opportunità, biex nista’ nirbaħ jien?

 

Xi diffikultajiet li intom semmejtu huma sfidi veri.  U għalhekk l-ewwel nagħmlilkom mistoqsija: Intom tixtiequ tegħlbu dawn l-isfidi, jew ħa tħallu dawn l-isfidi jegħlbukom huma?  Intom bħal dawk l-isportivi li, meta jiġu biex jilagħbu fil-grawnd, tridu tirbħu, jew bħal dawk li diġà biegħu r-rebħa lil oħrajn u mlew bwiethom bil-flus?  F’idejkom l-għażla!

 

Sfida li semmiet Linette hi dik tat-tribaliżmu.  It-tribaliżmu jeqred nazzjon; it-tribaliżmu jfisser iżżomm idejk moħbija wara dahrek, u b’ġebla f’kull waħda miż-żewġ idejn biex tixħitha kontra l-ieħor.  It-tribaliżmu jintrebaħ biss bil-widna, bil-qalb u bl-id.  Bil-widna, għax nisimgħu: X’inhi l-kultura tiegħek?  Għaliex int hekk?  Għaliex din it-tribù għandha din id-drawwa?  It-tribù tiegħek tħossha superjuri jew inferjuri?  Bil-qalb: ladarba nkun smajt b’widnejja t-tweġiba, niftaħ qalbi; u mbagħad innewwel idi biex inkompli niddjaloga.  Jekk intom ma tiddjalogawx u ma tisimgħux lil xulxin, allura dejjem se jibqa’ t-tribaliżmu, li hu bħal susa li tiekol lis-soċjetà minn ġewwa.  Il-bieraħ – għalikom qed nagħmluha l-lum – ġiet iddikjarata ġurnata ta’ talb u ta’ rikonċiljazzjoni.  Jien nixtieq issa nistedinkom, intom ilkoll żgħażagħ, Linette u Manuel, tiġu hawn, u naqbdu kollha jdejn xulxin; inqumu bil-wieqfa u naqbdu jdejn xulxin bħala sinjal kontra t-tribaliżmu.  Ilkoll aħna nazzjon wieħed!  Aħna lkoll nazzjon wieħed!  Hekk għandha tkun qalbna.  It-tribaliżmu m’hux biss li ngħollu jdejna l-lum, din hi x-xewqa, imma hi wkoll id-deċiżjoni.  It-tribaliżmu hu ħidma ta’ kuljum.  Li negħlbu t-tribaliżmu hi ħidma ta’ kuljum; hi ħidma tal-widna: nisimgħu lill-ieħor; ħidma tal-qalb: niftaħ qalbi għall-ieħor; ħidma ta’ l-id: innewwel idejja lill-ieħor…  U issa ejjew innewlu jdejna lil xulxin…  “Le għat-tribaliżmu!”.

 

Oqogħdu bil-qiegħda.

 

Mistoqsija oħra li għamlet Linette hi dwar il-korruzzjoni.  Fil-verità kienet qed tistaqsini: “Tista’ tiġġustifika l-korruzzjoni sempliċement għax kulħadd qed jidneb, għax kulħadd hu korrott?  Kif nistgħu nkunu Nsara u nissieltu lill-ħażen tal-korruzzjoni?”.

 

Jien niftakar li f’pajjiżi kien hemm żagħżugħ ta’ 20-22 sena, u ried jiddedika ħajtu għall-politika; kien jistudja, mimli ħeġġa, jiġri minn post għall-ieħor…  Sab xogħol f’ministeru.  Darba kellu jiddeċiedi fuq dak li kellu bżonn jinxtara; allura talab tliet stimi, fliehom u għażel l-irħas waħda.  Imbagħad mar fl-uffiċċju tal-kap tiegħu biex jiffirma.  “Għaliex għażilt dan?” – “Għaliex wieħed irid jagħżel dak li jaqbel l-iżjed lill-finanzi tal-pajjiż” – “Le, le!  Tagħżel lil dawk li jagħtuk l-iżjed biex timla l-but”, qallu.  Iż-żagħżugħ allura wieġeb hekk lill-kap: “Jien dħalt fil-politika biex ngħin lill-pajjiż, biex ngħinu jikber”.  U l-kap wieġbu: “U jien dħalt fil-politika biex nisraq!”.  Dan hu biss eżempju wieħed.  Imma dan m’hux biss fil-politika, imma fl-istituzzjonijiet kollha, inkluż il-Vatikan, hemm każi ta’ korruzzjoni.  Il-korruzzjoni hi xi ħaġa li tidħol ġo fina.  Hi bħaz-zokkor: ħelu, jogħġobna, faċli… u mbagħad?  Nispiċċaw ħażin!  B’wisq zokkor faċli nispiċċaw djabetiċi u anki l-pajjiż tagħna jsir djabetiku!

 

Kull darba li naċċettaw xi “tixħima”, kull darba li naċċettaw xi “tixħima” u naraw kif sa nimlew butna, inkunu neqirdu lil qalbna, neqirdu l-personalità tagħna u neqirdu lil pajjiżna.  Nitlobkom, tfittxux il-gost tagħkom f’dan iz-“zokkor” li jissejjaħ korruzzjoni.  “Dun, imma jien qed nara li hemm ħafna li huma korrotti, nara ħafna nies li jbigħu ruħhom għal ftit flus, bla ma joqogħdu jaħsbu fil-ħajja ta’ l-oħrajn…”.  Bħal f’kull ħaġa oħra, hemm bżonn nibdew: jekk ma tridx il-korruzzjoni fil-qalb tiegħek, fil-ħajja tiegħek, f’pajjiżek, ibda int, issa!  Jekk ma tibdiex int, lanqas ħa jibda ta’ ħdejk.  Il-korruzzjoni tisirqilna wkoll il-ferħ, tisirqilna l-paċi.  Il-persuna korrotta ma tgħixx fil-paċi.

 

Darba – u dan hu fatt storiku, li issa ħa nirrakkontalkom – fil-belt tiegħi miet wieħed.  Kulħadd kien jaf li kien korrott kbir.  Allura jien xi ġranet wara staqsejt: Kif mar il-funeral?  U waħda sinjura, li kellha ħafna sens ta’ umoriżmu, weġbitni: “Dun, ma setgħux jagħlquh it-tebut, għax ried jieħu miegħu l-flus kollha li kien seraq”.  Dak li intom tisirqu bil-korruzzjoni, hawn ħa jibqa’ u jużah xi ħadd ieħor.  Imma jibqa’ wkoll – u dan inżommuh tajjeb quddiem għajnejna – fil-qalb ta’ tant bnedmin li sfaw miġruħa mill-eżempju korrott tiegħek.  Jibqa’ fin-nuqqas ta’ ġid li stajt għamilt u m’għamiltx.  Jibqa’ fit-tfal morda, imġewħa, għax il-flus li kienu ddestinati għalihom, minħabba fil-korruzzjoni tiegħek, gawdejthom int.  Għeżież żgħażagħ, il-korruzzjoni m’hix mixja ta’ ħajja: hi mixja tal-mewt!

 

Kien hemm ukoll mistoqsija fuq kif nistgħu nużaw il-mezzi ta’ komunikazzjoni biex inxerrdu l-messaġġ ta’ tama ta’ Kristu, u nippromovu inizjattivi tajbin biex nagħmlu d-differenza.  L-ewwel mezz ta’ komunikazzjoni hu l-kelma, il-ġest, it-tbissima.  L-ewwel ġest ta’ komunikazzjoni huwa li nkunu qrib ta’ xulxin.  L-ewwel ġest ta’ komunikazzjoni hu li nfittxu l-ħbiberija.  Jekk intom titkellmu sew bejnietkom, jekk titbissmu lil xulxin, jekk tkunu qrib ta’ xulxin bħal aħwa; jekk intom qrib ta’ xulxin, anki jekk ġejjin minn tribujiet differenti; jekk intom qrib ta’ dawk li għandhom bżonn, lejn dawk li huma foqra, lejn l-abbandunati, lejn l-anzjani li ħadd ma jżurhom, jekk intom qrib tagħhom, dawn il-ġesti ta’ komunikazzjoni jittieħdu iktar minn kull xibka televiżiva.

 

Fost dawn il-mistoqsijiet kollha għidt xi ħaġa li nittama li tista’ tgħinkom.  Imma itolbu ħafna lil Ġesù, itolbu lill-Mulej, biex jagħtikom il-qawwa li teqirdu t-tribaliżmu, li tkunu lkoll aħwa; biex jagħtikom il-kuraġġ li ma tħallux min jikkorrompikom, biex jagħtikom ix-xewqa li tikkomunikaw bejnietkom bħal aħwa, bi tbissima, b’kelma tajba, b’ġest ta’ għajnuna u billi tkunu qrib ta’ xulxin.

 

Anki Manuel fix-xhieda tiegħu għamel mistoqsijiet inċiżivi.  Tħassibni l-ewwel ħaġa li qal: “X’nistgħu nagħmlu biex inwaqqfu r-reklutaġġ ta’ l-għeżież tagħna?  X’nistgħu nagħmlu biex inġibuhom lura?”.  Biex inwieġbu għal dan jeħtieġ inkunu nafu għaliex żagħżugħ, mimli bit-tamiet, imur rekluta jew ifittex li jiġi reklutat: jitbiegħed mill-familja tiegħu, minn ħbiebu, mit-tribù tiegħu, minn pajjiżu; jitbiegħed mill-ħajja tiegħu, biex jitgħallem joqtol…  U din hi mistoqsija li intom għandkom tagħmlu lill-awtoritajiet kollha.  Jekk żagħżugħ, jekk żagħżugħ jew żagħżugħa, jekk raġel jew mara, m’għandux xogħol, ma jistax jistudja, x’jista’ jagħmel?  Jista’ jsir delinkwent, jew jaqa’ f’xi forma ta’ dipendenza, jew jagħmel suwiċidju… – u fl-Ewropa, l-istatistiċi tas-suwiċidji ma jiġux ippubblikati –, jew jidħol f’xi attività li tagħtih skop f’ħajtu, tqarraq bih…

 

L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu biex nevitaw li żagħżugħ imur rekluta hu li nipprovdu tagħlim u xogħol.  Jekk żagħżugħ m’għandux xogħol, x’futur hemm jistennieh?  Minn hemm tiġi l-idea li jidħol rekluta.  Jekk żagħżugħ m’għandux possibbiltajiet biex jirċievi edukazzjoni, anki edukazzjoni ta’ emerġenza, ta’ ħidmiet żgħar, x’jista’ jagħmel?  Hemm jinsab il-periklu!  Hu periklu soċjali, li jmur lil hemm minna, anki lil hemm mill-pajjiż, għax jiddependi minn sistema internazzjonali, li hi inġusta, li għandha fiċ-ċentru ta’ l-ekonomija mhux il-persuna, imma l-alla flus.  X’nista’ nagħmel biex ngħinu jew biex inreġġgħu lura?  Qabel xejn nitlob.  Imma bil-ħrara!  Alla hu aqwa minn kull kampanja ta’ reklutaġġ.  U mbagħad?  Inkellmu b’rispett, bi ħlewwa, bi mħabba u b’sabar.  Nistiednu jara partita tal-futbol, nistiednu għal xi passiġġata, nistiednu jiġi magħna fil-grupp.  Ma nitilqux waħdu.  Dan hu li jiġini f’moħħi bħalissa.

 

Bla dubju hemm – hi t-tieni mistoqsija tiegħek – hemm imġibiet li jagħmlu l-ħsara, imġibiet li fihom tfittxu l-ferħ tal-mument, imma li mbagħad jispiċċaw jagħmlulkom il-ħsara.  Il-mistoqsija li għamiltli, Manuel, hi mistoqsija ta’ professur tat-teoloġija: “Kif nistgħu nifhmu li Alla hu Missierna?  Kif nistgħu nilmħu id Alla fit-traġedji tal-ħajja?  Kif nistgħu nsibu l-paċi ta’ Alla?”.  Din il-mistoqsija jagħmluha l-bnedmin tad-dinja kollha, b’xi mod jew ieħor.  U ma jsibux raġuni.  Hemm mistoqsijiet li għalihom, infittxu kemm infittxu li nwieġbu, ma jirnexxilniex insibu tweġiba: “Kif nista’ nilmaħ l-id ta’ Alla fi traġedja tal-ħajja?”.  Hemm tweġiba waħda biss: le, le m’hemmx tweġiba.  Hemm triq waħda, inħarsu lejn l-Iben ta’ Alla.  Alla tahulna f’idejna biex isalvana kollha.  Alla stess sar traġedja.  Alla stess ħalla lil min itemmu fuq is-salib.  U meta jiġi l-mument li fih ma tifhmux, meta tħossukom sa tiddispraw u meta d-dinja donnha ħa taqa’ fuqkom, ħarsu lejn is-Salib!  Hemm il-falliment ta’ Alla; hemm il-qerda ta’ Alla.  Imma hemm ukoll l-isfida tal-fidi tagħna: it-tama.  Għax l-istorja ma spiċċatx f’dak il-falliment: kien hemm il-Qawmien li ġeddidna lkoll.

 

Sa naqsam din magħkom…  Għandkom ġuħ?  Saru nofs in-nhar…  Le?  Allura sa naqsam din magħkom.  Fil-but inġorr miegħi dejjem żewġ affarijiet [joħroġhom mill-but u jurihom]: kuruna tar-rużarju, kuruna biex nitlob; u ħaġa oħra li tidher stramba…  X’inhi din?  Din hi l-istorja tal-falliment ta’ Alla, hi Via Crucis, Via Crucis żgħira [juri kaxxetta li tinfetaħ u fiha sett xbihat żgħar]: kif Ġesù bata minn meta ġiet kkundannat għall-mewt, sa meta ġie midfun…  U b’dawn iż-żewġ affarijiet, nipprova nagħmel l-aħjar li nista’.  Imma grazzi għal dawn iż-żewġ affarijiet ma nitlef qatt it-tama.

 

Mistoqsija ta’ l-aħħar mit-“teologu” Manuel: “Xi kliem għandek għaż-żgħażagħ li ma ġarrbux l-imħabba fil-familji tagħhom?  Possibbli għalihom jinqalgħu minn din l-esperjenza?”.  Kullimkien hemm tfal abbandunati, jew għax ġew abbandunati minn twelidhom jew għax il-ħajja telqithom, il-familja, il-ġenituri, u ma jħossux l-imħabba tal-familja.  Għalhekk il-familja hi hekk importanti.  Iddefenduha l-familja!  Iddefenduha dejjem.  Kullimkien issib mhux biss tfal abbandunati, imma anki anzjani abbandunati, li qegħdin hemm mingħajr ħadd ma jżurhom, mingħajr ħadd ma jħobbhom…  Kif jistgħu joħorġu minn din l-esperjenza negattiva, ta’ abbandun, ta’ nuqqas ta’ mħabba?  Hemm biss rimedju wieħed biex noħroġ minn dawn l-esperjenzi: nagħmel dak li jien bqajt ma rċivejt qatt.  Jekk intom ma sibtux min jifhimkom, kunu intom li tifhmu lill-oħrajn; jekk intom ma rċivejtux imħabba, ħobbu lill-oħrajn; jekk intom ħassejtu l-uġigħ tas-solitudni, kunu qrib ta’ dawk li jinsabu waħidhom.  Il-ġisem tal-laħam tfejqu bil-ġisem tal-laħam!  U Alla sar Ġisem biex ifejjaq lilna.  Ejjew nagħmlu aħna wkoll l-istess ma’ l-oħrajn.

 

Tajjeb, naħseb li – qabel ma r-referì jsaffar tmiem il-partita – sar il-ħin biex nagħlqu.  Jien nirringrazzjakom mill-qalb li ġejtu, li ħallejtuni nitkellem bi lsien art twelidi…  Grazzi li tlabtu tant Rużarji għalija.  U nitlobkom, nitlobkom titolbu għalija, għax anki jien għandi bżonn, u ħafna!  U qabel tmorru, nitlobkom tqumu kollha bil-wieqfa u nitolbu flimkien lil Missierna tas-Sema, li difett wieħed għandu: ma jistax jieqaf ikun Missier!

 

[Missierna bl-Ingliż]

 

[Barka bl-Ingliż]

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard