V. Tumisufu Yesu Kristu! (Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!)

 

R. [Milele na Milele. Amina] (Issa u dejjem. Amen.)

 

(Bl-Ingliż)

 

Grazzi ħafna tal-preżenza tagħkom.  Nixtieq ħafna nkellimkom bl-Ingliż, imma l-Ingliż tiegħi fqir…  Ħadt nota u nixtieq ngħidilkom ħafna affarijiet, lilkom ilkoll, lil kull wieħed u waħda minnkom… imma nibża’ nitkellem u nippreferi nitkellem bi lsien art twelidi…  Mons. Miles ħa jittraduċi.  Grazzi li tifhmuni.

 

Hi u tinqara l-ittra ta’ San Pawl laqatni dan: “Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù” (Fil 1:6).

 

Il-Mulej għażilkom ilkoll, għażilna lkoll.  U Hu beda l-opra tiegħu dak in-nhar li ħares lejna fil-Magħmudija, dak in-nhar li ħares lejna wara, meta qalilna: “Jekk trid, ejja warajja”.  U għalhekk, dħalna fil-filliera u bdejna mexjin.  Imma l-mixja bdieha Hu, mhux aħna!  Ma konniex aħna.  Fil-Vanġelu naqraw dwar persuna mfejqa li riedet tibqa’ miexja warajh u Ġesù qalilha: “Le”.  Fil-mixja wara Ġesù Kristu – kemm fis-saċerdozju u kemm fil-ħajja kkonsagrata – nidħlu mill-bieb!  U l-bieb hu Kristu!  Hu li jsejħilna, Hu li jibda, Hu li jagħmel ix-xogħol kollu.  Hemm xi wħud li jridu jidħlu mit-tieqa…  Imma dan ma jiswa xejn.  Nitlobkom, jekk xi ħadd għandu xi ħabib jew ħabiba li daħlu mit-tieqa, għannquhom magħkom u fissrulhom li aħjar imorru u jaqdu lil Alla b’xi mod ieħor, għax qatt m’huma ħa jwasslu fi tmiemha ħidma li ma bdihiex Ġesù – Hu nnifsu – mill-bieb.

 

U dan irid iwassalna biex nagħrfu li aħna persuni magħżula: “Hu xeħet għajnejh fuqi, jien ġejt magħżul”.  Jolqotni l-ftuħ tal-kapitlu 16 ta’ Eżekjel: “Kont bint l-għorba, u kont mormija; imma għaddejt jien u naddaftek u ġbartek miegħi”.  Din hi l-mixja!  Din hi l-opra li l-Mulej beda meta ħares lejna!

 

Hemm xi wħud li ma jafux għaliex qed isejħilhom Alla, imma jħossu li Alla sejħilhom.  Ibqgħu mexjin trankwillament, Alla għad jurikom għaliex sejħilkom.  Hemm oħrajn li jixtiequ jimxu wara l-Mulej għal xi interess personali, għall-interess.  Niftakru f’omm Ġakbu u Ġwanni: “Mulej, nitolbok, meta taqsam il-kejk, agħti l-ikbar biċċa lil uliedi…  Ħa joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug”.  U din hi t-tentazzjoni li nimxu wara Ġesù għall-ambizzjoni: l-ambizzjoni tal-flus, l-ambizzjoni tal-poter.  Kollha nistgħu ngħidu: “Meta jien bdejt miexi wara Ġesù, ma ġralix hekk”.  Imma lil oħrajn ġralhom, u naqra naqra żergħulek dan f’qalbek, bħal sikrana.

 

Fil-ħajja ta’ min jimxi wara Ġesù m’hemmx lok la għall-ambizzjoni personali, lanqas għall-għana, u lanqas biex tkun persuna importanti fid-dinja.  Wara Ġesù nibqgħu mexjin sa l-aħħar pass ta’ ħajtu fuq din l-art, is-Salib.  Imbagħad jieħu ħsieb hu biex iqajmek mill-mewt, imma sa hemm trid tasal int.  U dan qed ngħidhulkom bis-serjetà, għax il-Knisja m’hix xi negozju, m’hix xi NGO.  Il-Knisja hi misteru: hi l-misteru tal-ħarsa ta’ Ġesù fuq kull wieħed u waħda minna u li jgħidilna “Ejja warajja!”.

 

Mela ħa jkun ċar: hu Ġesù li jsejjaħ; meta Ġesù jsejjaħ, nidħlu mill-bieb u mhux mit-tieqa; u mbagħad jeħtieġ nimxu fit-triq ta’ Ġesù.

 

Evidentement hu ċar li meta Ġesù jagħżilna, ma “jikkanonizzaniex”.  Nibqgħu nidinbu bħal qabel…  Nixtieq nitlobkom, jekk jogħġobkom, jekk hemm xi ħadd fostkom – xi saċerdot jew xi soru jew xi patri – li ma jħossux midneb, jgħolli idu…  Aħna lkoll midinbin, jien l-ewwel wieħed, u mbagħad intom.  Imma l-ħlewwa u l-imħabba ta’ Ġesù tkompli tmexxina.

 

Dak li beda din l-opra tajba, iwassalha għat-tmiem tagħha”: dan hu li jmexxina, dak li bdiet l-imħabba ta’ Ġesù.  Tiftakru fil-Vanġelu, meta l-Appostlu Ġakbu beka?  Xi ħadd jiftakarha din jew le?  U meta beka l-Appostlu Ġwanni?  Le.  U meta beka xi ħadd mill-Appostli l-oħra?  Wieħed biss – jgħidilna l-Vanġelu – beka: dak li ntebaħ li kien midneb.  Kien hekk midneb li ċaħad lill-Imgħallem tiegħu.  U meta ntebaħ b’dan, beka…  Imbagħad Ġesù għamlu Papa…  Min jifhmu lil Ġesù?  Misteru!

 

Tieqfu qatt tibku.  Meta saċerdot, patri, soru jonqsilhom id-dmugħ, hemm xi ħaġa m’hix sejra sew.  Nibku minħabba l-infedeltà tagħna, nibku minħabba t-tbatija tad-dinja, nibku għan-nies li hi mormija, għall-anzjani mitluqa, għat-tfal maqtula, għal dak li ma nifhmux; nibku meta jsaqsuna “Għaliex?”.  Ħadd minna m’għandu t-tweġibiet kollha għall-“Għaliex?”.

 

Hemm awtur Russu li kien jistaqsi għaliex it-tfal ibatu.  U kull darba li jien niltaqa’ ma’ xi tifel jew tifla b’kankru, tumur jew marda rari – kif insejħulhom – nistaqsi lili nnifsi għaliex dak it-tifel qed ibati…  U jien m’għandix tweġiba għal dan.  Sempliċement inħares lejn Ġesù fuq is-salib.  Hemm sitwazzjonijiet fil-ħajja li jwassluna biss biex nibku, inħarsu lejn Ġesù fuq is-salib.  U din hi l-unika tweġiba għal ċerti inġustizzji, ċerta tbatija, ċerti sitwazzjonijiet tal-ħajja.

 

San Pawl kien jgħid hekk lid-dixxipli tiegħu: “Ftakru f’Ġesù Kristu.  Ftakru f’Ġesù Kristu mislub”.  Meta kkonsagrat, ikkonsagrata, saċerdot jinsa lil Kristu mislub, imsejken li hu, ikun waqa’ fi dnub ikrah ħafna, dnub li jkexkex lil Alla, li jġiegħel lil Alla jirrametti: hu d-dnub tal-bruda.  Għeżież saċerdoti, ħuti, reliġjużi, attenti biex ma taqgħux fid-dnub tal-bruda…

 

X’nista’ ngħidilkom iżjed?  Nixtieq ngħaddilkom messaġġ li ħiereġ għalikom minn qalbi: qatt titbiegħdu minn Ġesù.  Dan ifisser ma tieqfu qatt titolbu.  “Dun, imma, xi drabi hu hekk ta’ dwejjaq titlob…  Negħjew, norqdu…”.  Tajjeb, orqdu quddiem il-Mulej: dan hu mod kif titlob.  Imma ibqgħu hemm, quddiemU.  Itolbu!  Titilqux it-talb!

 

Jekk persuna kkonsagrata titlaq it-talb, ir-ruħ tinxef, tintemm bħal dawk il-friegħi niexfa: koroh, għandhom dehra kerha.  Ir-ruħ ta’ reliġjuż, ta’ reliġjuża, ta’ saċerdot li ma jitlobx, hi ruħ kerha!  Aħfruli, imma hekk hu…

 

Inħallilkom din il-mistoqsija: jien naqta’ mill-ħin ta’ l-irqad, mill-ħin tar-radju, tat-televiżjoni, tar-rivisti, biex nitlob?  Jew nippreferi dawn l-affarijiet l-oħra?  Mela ejjew nixteħtu quddiemU li beda din l-opra u li qed iwassalha għat-tmiem tagħha f’kull wieħed u waħda minna…  It-talb.

 

Ħaġa ta’ l-aħħar li ridt ngħidilkom – qabel ngħidilkom oħra… – hi li dawk kollha li ħallew lil Ġesù jagħżilhom, dan għamluh biex jaqdu: biex jaqdu lill-Poplu ta’ Alla, biex jaqdu lill-iktar foqra, lill-mormija, lill-imwarrba tas-soċjetà, lit-tfal u lill-anzjani…; biex jaqdu wkoll lil dawk il-persuni li m’humiex konxji mis-suppervja u mid-dnub li huma stess qed jgħixu; biex jaqdu lil Ġesù.  Iħallu lil Ġesù jagħżilhom ifisser iħalluh jagħżilhom biex jaqdu, u mhux biex ikunu moqdija.

 

Xi sena ilu, ftit jew wisq, kien hemm laqgħa għas-saċerdoti – f’dan il-każ lis-sorijiet nevitawhielhom!  Matul dawn l-Eżerċizzi Spiritwali, ta’ kuljum, kien hemm grupp ta’ saċerdoti li riedu jaqdu l-mejda.  Xi wħud minnhom gergru: “Le!  Aħna messna niġu moqdija!  Aħna qed inħallsu, ħallasna biex niġu moqdija…”.  Jekk jogħġobkom, dan ma jkun qatt fil-Knisja!  Naqdu!  Mhux ninqdew bl-oħrajn, imma naqdu aħna.

 

Dan hu dak li ridt ngħidilkom, li ħassejt f’daqqa meta smajt dik il-frażi ta’ San Pawl: “Dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù”.

 

Kien hemm kardinal qed jgħidli, kardinal anzjan – fil-fatt kellu biss sena iżjed minni! –, li meta jmur iċ-ċimiterju, fejn hemm midfuna missjunarji, reliġjużi, li taw ħajjithom, jistaqsi lilu nnifsu: “Għaliex dan ma jiġix ikkanonizzat għada stess?”; għax għaddew ħajjithom jaqdu.  U nitqanqal meta, wara xi Quddiesa, saċerdot, reliġjuża, jidħlu jgħiduli: “Ilni tletin, erbgħin sena f’dan l-isptar tat-tfal awtistiċi, jew li qiegħed fil-missjoni ta’ l-Amazonja, jew li ninsab f’dan il-post jew fl-ieħor…”.  Imissuli qalbi!  Din il-mara jew dan ir-raġel fehem li timxi wara Ġesù jfisser taqdi lill-oħrajn u mhux tinqeda bihom.

 

Tajjeb, grazzi ħafna.  Imma, x’Papa maledukat hu dan…  Ġie tana l-pariri, “sawwatna”, u bilkem jgħidilna mqar “grazzi”!…  Iva, l-aħħar ħaġa – iċ-ċirasa fuq il-kejk – nixtieq tassew nirringrazzjakom!  Grazzi tal-kuraġġ li kellkom li timxu wara Ġesù, grazzi ta’ kull darba li tħossukom midinbin, grazzi ta’ kull żegħila ta’ ħlewwa li tagħtu lil dawk li għandhom bżonnha, grazzi ta’ dawk id-drabi kollha li fihom għentu lill-persuni jmutu fis-sliem.  Grazzi tat-tama li qed tagħtu fil-ħajja.  Grazzi li ħallejtu lil min jgħinkom u jikkoreġikom u jaħfrilkom ta’ kuljum.

 

Jien u nirringrazzjakom, nitlobkom ma tinsewx titolbu għalija, għax għandi bżonn.  Grazzi ħafna!

 


 

Kelmtejn tal-Papa fi tmiem il-Laqgħa mas-Saċerdoti, Reliġjużi u Seminaristi

 

Grazzi ta’ dan il-mument li qattajna flimkien, imma issa verament ħa jkolli noħroġ, għax hemm it-tfal morda bil-kankru u nixtieq narahom u ngħannaqhom miegħi.

 

Grazzi ħafna lilkom is-seminaristi, li ma semmejtkom xejn imma tidħlu f’dak kollu li għidt.  U jekk xi ħadd ma jkollux il-kuraġġ li jimxi f’din it-triq, ħa jfittex xogħol ieħor, jiżżewweġ u jibni familja.  Grazzi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard