Nixtieq irrodd ħajr għall-invit ġentili u għall-kliem ta’ merħba lis-Sinjura Sahle-Work Zewde, Direttriċi Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda f’Nairobi, kif ukoll lis-Sur Achim Steiner, Direttur Esekuttiv tal-Programm ONU-Habitat tal-Ġnus Magħquda.  Nieħu l-okkażjoni biex insellem lill-istaff kollu u lil kull min jikkollabora mal-istituzjonijiet li hawn preżenti.

Jien u ġej f’dis-sala, kont mistieden inħawwel siġra fil-ġnien ċentrali taċ-Ċentru tal-Ġnus Magħquda.  Ridt naċċetta li nagħmel dan il-ġest simboliku u sempliċi, mimli tifsir f’ħafna kulturi.

Li tiżra’ siġra, l-ewwelnett, hija stedina biex wieħed ikompli jitqabad kontra fenomeni bħalma huma d-deforestazzjonni u d-deżertifikazzjoni.  Ifakkarna fl-importanza li għandna li nħarsu u mmexxu b’mod responsabbli dawk «il-pulmuni tal-pjaneta mimljin bil-biodiversità (kif nistgħu napprezzawhom f’dan il-kontinent, fl-estwarju tax-xmara tal-Kongo), imkejjen essenzjali «għall-pjaneta kollu kemm hu u għall-futur tal-umanità».  Għaldaqstant dejjem hu apprezzat u inkoraġġit «l-impenn tal-organiżmi internazzjonali u organiżżazzjonijiet tas-soċjetà, anki bl-użu ta’ mekkaniżmi leġittimi ta’ pressjoni, sabiex kull gvern jaqdi d-dmir li ma jistax jgħaddih lil ħaddieħor, li jippreserva l-ambjent u r-riżorsi naturalita’ pajjiżu, mingħajr ma jinbigħ lil interessi lokali jew internazzjonali ambigwi» (Enċ. Laudato si’, 38).

Min-naħa tiegħu l-att li tiżra’ siġra jipprovokana biex inkomplu inżidu l-fiduċja, biex nittamaw u, fuq kollox, biex nimpemjaw ruħna konkretament ħalli s-sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja, ta’ taħsir li llum qed insofru, nittrasformawhom.

Ftit jiem oħra f’Pariġi se tibda laqgħa importanti dwar it-tibdil fil-klima li fiha l-komunità internazzjonali se taffronta mill-ġdid din il-problema.  Ikun ta’ niket, u nażżarda ngħid, saħansitra katastrofiku, jekk l-interessi privati jiddominaw fuq il-ġid komuni u jaslu li jimmanipolaw l-informazzjoni biex iħarsu l-proġetti tagħhom. F’dan il-kuntest internazzjonali, li fih hemm alternattiva li ma nistgħux ninjorawha, jiġifieri li, jew intejbu jew neqirdu l-ambjent, kull inizjattiva meħuda f’das-sens, żgħira jew kbira,  individwali jew kollettiva, biex ikun indukrat il-ħolqien, turi t-triq żgura biex «il-kreattività tkun ġeneruża u dinjituża, turi l-aħjar li jaf jagħti l-bniedem» (ibid. 211)

Il-klima hu ġid komuni, ta’ kulħadd u għal kulħadd; (.....) it-tibdil tal-klima hija problema globali b’implikazzjonijiet ambjentali, soċjali, ekonomiċi, distributtivi u politiċi kbar, u huwa waħda mill-isfidi ewlenin għall-umanità (ibid. 23-25) li t-tweġiba għaliha għandha «tintegra prospettiva soċjali li tagħti każ tad-drittijiet fundamentali ta’ min hu l-aktar żvantaġġjatì (ibid. 93).  Minħabba li «l-abbuż u l-qerda tal-ambjent, fl-istess waqt, huma marbutin ma’ proċess li ma jistax jitwaqqaf ta’ esklużjoni» (Diskors fil-Ġnus Magħquda 25 ta’ Settmebru 2015)

Il-COP21 hu pass importanti fil-proċess ta’ żvilupp ta’ sistema enerġetiku ġdid li jiddependi mill-anqas fuq il-fjuwil fossili, u jipponta li joħloq effiċjenza enerġetika billi jibbaża fuq l-użu ta’ enerġija bi ftit jew mingħajr karbonju.  Ninsabu quddiem impenn politiku u ekonomiku kbir biex mill-ġdid nibdlu r-rotta u nikkoreġu d-disfunzjonijiet u t-tgħawwiġ tal-mudell ta’ żvilupp attwali.

Il-ftehim ta’ Pariġi jista’ jagħti sinjal ċar f’din id-direzzjoni, basta, kif kelli l-okkażjoni ngħid quddiem l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, aħna nevitaw «kull tentazzjoni li naqgħu f’nominaliżmu deklamatorju li jimmansa l-kuxjenzi.  Jeħtieġ nagħtu każ ħafna li l-istituzzjonijiet tagħna jibqgħu verament effikaċi» (ibid.) Għaldaqstant nittama li l-COP21 twassal għal-konklużjoni li jkun hemm ftehim globali u “li jittrasforma”, mibni fuq prinċipji ta’ solidarjetà, ġustizzja, ekwità u parteċipazzjoni, u  jmexxina biex jintlaħqu tliet għanijiet, kumplikati u fl-istsess waqt dipendenti minn xulxin: it-tnaqqis tal-impatt tat-tibdil fil-klima, il-ġlieda kontra l-faqar u r-rispett lejn id-dinijità umana.

Minkejja l-ħafna diffikultajiet, qed naraw li qed tafferma ruħha «t-tendenza li nħarsu lejn il-pjaneta bħala patrija, u lejn l-umanità bħala poplu li jgħix fid-dar komuni (Enċ. Ludato si’, 164).  Ebda pajjiż ma jista’ jaħdem ‘il barra mill-qafas ta’ din ir-responsabbiltà komuni.  Jekk verament irridu tibdil pożittiv, irridu naċċettaw bl-umiltà li aħna niddependu minn xulxin, jiġifieri l-interdipendenza sana ta’ bejnietna (Diskors lill-Movimenti Popolari 9 ta’ Lulju, 2015).  Il-problema tqum meta nemmnu li l-interdipendenza tfisser l-istess bħal impożizzjoni jew sottomissjoni ta’ wħud biex jitħarsu l-interssi ta’ oħrajn.  Ta’ min hu dgħajjef biex jaqdi lil min hu b’saħħtu.

Meħtieġ djalogu sinċier u miftuħ, bil-kollaborazzjoni responsabbli ta’ kulħadd: awtoritajiet politiċi, komunità xjentifika, industriji u soċjetà ċivilli.  L-eżempji tajbin li juruna kif il-kollaborazzjoni vera bejn il-politika, ix-xjenza u l-ekonomija għandha ħila tikseb riżultati importanti mhumiex neqsin.

Aħna nagħrfu, madankollu, li «l-bnedmin, li għandhom ħila jitbaxxew sal-qiegħ, jistgħu ukoll jissuperaw lilhom infushom, u jerġgħu jibdew jagħżlu t-tajjeb u jiġġeneraw ruħhom mill-ġdid» (Enċ Laudato si’ , 205).  Dan l-għarfien profond jgħinna nittamaw li, jekk l-umanità taż-żmien post-industrijali tista’ tibqa’ titfakkar bħala waħda mill-aktar irresponsabbli tal-istorja, l-umanità tal-bidu tas-seklu XXI tista’ tibqa’ mfakkra għaliex bil-ġenerożità tkun għarfet terfa’ fuq spallejha r-responsabbiltajiet gravi li għandha (ibid. 165).

Għal dan il-għan hemm ħtieġa li l-ekonomija u l-politika jkunu ta’ servizz għall-popli «fejn il-bniedem, f’armonija man-natura, jibni s-sistema tal-produzzjoni u d-dsitribuzzjoni sabiex il-ħiliet u l-ħtiġijiet ta’ kull persuna jsibu espressjoni xierqa fid-dimensjoni soċjali» (Diskors lill-Movimenti Popolari,  9 ta’ lulju, 2015).  Mhix utopija jew fantasija, bil-maqlub hi prospettiva realistika li tqiegħed lill-persuna u d-dinjità tagħha bħal l-punt tat-tluq u lejn xiex kollox għandu jimmira.

It-tibdil tar-rotta li neħtieġu ma jistax jitwettaq mingħajr impenn sostanzjali fit-tagħlim u l-formazzjoni.  Xejn ma jkun possibbli jekk is-soluzzjonijiet politiċi u tekniċi ma jkunux akkumpanjati minn proċess edukattiv li jippromwovi stili ġodda ta’ ħajja.  Stil kulturali ġdid.  Dan jitlob formazzjoni li timmira li tkabbar fit-tfal, fin-nisa u fl-irġiel, fiż-żgħażagħ u fl-adulti, il-kultura tal-kura: kura personali, kura tal-oħrajn, kura tal-ambjent, li jieħdu post il-kultura ta’ taħsir u tal-iskart: skart tal-persuna nifisha, tal-ieħor u tal-ambjent.  It-tisħiħ «tal-għarfien tal-oriġini komuni, li nappartjenu lil xulxin u ta’ futur li jkun maqbul bejn kulħadd.  Din il-konsapevolezza bażika tista tippermetti  żvilupp ta’ konvinzjonijiet, atteġġjamenti ġodda u stili ta’ ħajja ġodda.  B’hekk tidher sfida kbira kulturali, spiritwali u edukattiva, li timplika proċessi twal ta’ riġenerazzjoni» (Enċ. Laudato si’, 202) li għad għandna żmien li niżviluppawhom.

Il-ħafna uċuħ, stejjer u konsegwenzi evidenti li l-kultura tat-taħsir u tal-iskart issagrifikat quddiem l-idoli tal-profitt u tal-konsumiżmu, huma bal għadd.  Irridu noqgħodu attenti għal-das-sinjal li jnikket «tal-globaliżżazzjoni tal-indifferenza li bil-mod il-mod “iddarrina” nħarsu lejn it-tbatijiet tal-oħrajn qishom xi ħaġa normali» (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Ikel , 16 ta’ Ottubru, 2013, 2), jew agħar minn hekk, nirrassenjaw ruħna għall-forom estremi “tal-iskart” u tal-esklużjoni soċjali bħalma huma l-għamliet ġodda ta’ skjavitù, it-traffikar tal-persuni, ix-xogħol sfurzat, il-prostituzzjoni, it-traffikar tal-organi.  Iż-żjieda tal-imigranti li qed jaħarbu mill-miżerja u t-taħsir ambjentali hu traġiku, imbagħad dawn ma jingħatawx l-għarfien bħala rifuġjati fil-konvenzjonijiet internazzjonali u jkollhom iġorru l-piż ta’ ħajjithom fl-abbandun u mingħajr ħarsien mill-liġijiet» (Enċ Laudato si’, 25). Huma ħafna ħajjiet, ħafna stejjer, ħafna ħolm li jegħreq fil-preżent tagħna.  Ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem dan kollu.  M’għandniex dritt.

Bl-istess pass tat-taħsir ambjentali, minn żmien ‘l hawn aħna xhieda ta’ proċess mgħaġġel ta’ urbaniżżazzjoni li, sfortunatament, spiss iwassal «għal tkabbir bla qies u bl-addoċċ ta’ ħafna bliet li llum lanqas għadek tista’ tgħix fihom u li huma ineffiċjenti» (ibid. 44).  Dawn huma wkoll imkejjen fejn qed jinfirxu sintomi preokkupanti ta’ tifrik traġiku tal-rabtiet u tal-integrazzjoni u tal-komunjoni soċjali, li qed «iżidu l-vjolenza u jnibbtu għamliet ġodda ta’ aggressività soċjali, it-traffikar tad-droga u l-konsum li dejjem jikber tas-sustanzi min-naħa taż-żgħażagħ, it-telfien tal-identità (ibid. 46), l-erożjoni u l-anonimat soċjali (cfr ibid. 149).

Irrid nagħmel kuraġġ lill min, fuq livell lokali u internazzjonali, jaħdem biex jiżgura li l-proċess tal-urbaniżżazzjoni jinbidel fi strument effikaċi għall-iżvilupp tal-integrazzjoni, biex kulħadd ikollu ċ-ċertezza, speċjalment dawk li joqgħodu fil-kwratieri tat-truf, ta’ ħajja dinjituża u l-garanzija tad-drittijiet fundamentali tal-art, tad-dar u tax-xogħol.  Jeħtieġ immexxu ‘l quddiem inizjattivi ta’ pjanifikazzjoni urbana u kura ta’ spazji pubbliċi li jimxu f’din id-direzzjoni u jinkulu l-parteċipazzjoni tan-nies tal-post, biex ikunu miġġielda l-ħafna nuqqasijiet ta’ ugwaljanza u l-irqajja tal-faqar urban, mhux biss ekonomiku imma wkoll, u fuq kollox, soċjali u ambjentali.

Il-Konfernza Habitat-III, li għandha ssir fi Quito fix-xahar ta’ Ottubru, 2016 tista’ tkun mument importanti biex jinstabu metodi kif dawn il-problemi jistgħu jkunu ffaċċjati.

Fi ftit jiem oħra, dil-belt ta’ Nairobi se tospita l-10 Konferenza Minsiterjali tal-Organiżżazjoni Dinjija tal-Kummerċ.  Fl-1967, quddiem dinja dejjem aktar inter-dipendenti u b’antiċipazzjoni ta’ dak li hi r-realtà attwali tal-globaliżżazzjoni, il-predeċessur tiegħi Pawlu VI kien għamel riflessjoni dwar kif ir-relazzjoniet kummerċjali bejn l-Istati jistgħu jkunu element funadmentali għall-iżvilupp tal-popli, jew, bil-maqlub, kawża ta’ miżerja u esklużjoni (cfr Enċ. Populorum Progressio, 56-62).  Minkejja li nistgħu ngħidu li sar ħafna xogħol f’das-settur, donnu jidher li għadna ma wasalniex għal sistema kummerċjali ekwu u li jkun kompletament għas-servizz tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni.  Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Istati, li huma parti essenzjali mir-relazzjonijiet bejn il-popli, jistgħu jservu kemm biex jagħmlu ħsara lill-ambjent kif ukoll biex jirkuprawh u jħalluh fiż-żgur għall-ġenerazzjoniet li ġejjin.

Nesprimi t-tama tiegħi li d-deċiżjonijiet li se jittieħdu fil-Konferenza ta’ Nairobi ma jkunux sempliċiment bilanċ bejn l-interessi individwali tal-partijiet, imma servizz veru għall-kura tad-dar komuni u għall-iżvilupp integrali tal-persuni, l-aktar dwak abbandunati.  Irrid b’mod partikolari ningħaqad mat-tħassib tal-ħafna realtajiet li huma impejnati f’koperazzjoni għall-iżvilupp tal-assistenza fil-qasam tas-saħħa – fosthom il-kongregazzjonijiet reliġjużi li jgħinu lill-aktar foqra u l-imwarrbin -, dwar il-ftehim tal-propjetà intellettwali u l-aċċess għall-mediċini u għall-assistenza sanitarja bażika.

It-trattati reġjonali ta’ bdil ħieles fejn tidħol il-protezzjoni tal-propjetà intellettwali, partikolarment fis-settur farmaċewtiku u l-bioteknoliġiji, mhux biss m’għandhomx jillimitaw il-poteri mogtħijin lill-Istati mill-ftehim multilaterali, imma, għall-kuntrarju, għandhom ikunu strument li jiggarantixxi għal kulħadd l-aċċess għall-kura bażika u essenzjali.  Min-naħa tagħhom, id-diskussjonijiet multilaterali għandhom jagħtu lill-pajjiżi l-aktar foqra, iż-żmien, l-elastiċità u l-eċċezzjoniet meħtieġa biex jikkonformaw mar-regoli kummerċjali b’mod ordnat u mingħajr trawmi.  L-interdipendenza u l-integrazzjoni tal-ekonomiji m’għandhomx iħallu ebda ħsara, imqar minima, fuq is-sistema tas-saħħa u l-ħarsien soċjali eżistenti: bil-maqlub, għandhom jiffavorixxu sitwazzjoni fejn dawn jinħolqu u jiffunzjonaw.  Xi temi tas-saħħa, bħalma hi l-eliminazzjoni tal-malarja u tat-tuberkolożi, il-kura tal-mard hekk imsejjaħ “orfni” u s-setturi minsijin tal-mediċina tropikali, jitolbu attenzjoni politika prijoritarja, ‘il fuq minn kull interess kummerċjali u politiku ieħor.

L-Afrika toffri sbuħija u rikkezza naturali lid-dinja li jġegħluna nfaħħru lill-Ħallieq.  Dan il-patrimonju Afrikan u tal-umanità kollha, qiegħed f’riskju kontinwu li jinqered minħabba l-egoiżmi tal-bniedem li huma ta’ kull tip u minħabba l-abbuż tas-sitwazzjonijiet ta’ faqar u l-esklużjoni.  Fil-kuntest tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-istati u l-popli ma nistgħux inħallu barra d-diskors dwar it-traffikar illeċitu li joktor fil-kuntest tal-faqar u li, min-naħa tiegħu ikompli jżid il-faqar u l-esklużjoni.  Il-kummerċ illegali tad-djamanti u l-ħaġar prezzjuz, tal-metalli rari jew ta’ valur strateġiku ieħor, tal-injam u materjal bioloġiku u ta’ prodotti li jiġu mill-annimali, bħal fil-każ tat-traffikar tal-avorju u l-qerda li jnissel fost l-iljunfanti, ikomplu jżidu l-instabbiltà politika, il-kriminalità organiżżata u t-terroriżmu.  Anki din is-sitwazzjoni hija għajta tal-bnedmin u tal-art li għandha tinstama’ min-naħa tal-komunità internazzjonali.

Fiż-żjara li għamilt ftit ilu fis-sede tal-Ġnus Magħquda fi New York, stajt nesprimi l-awgurju tiegħi u t-tama li l-ħidma tal-Ġnus Magħquda u tal-proċessi multilaterali kollha tkun «rahan għall-futur żgur u hieni għall-ġenerazzjonijiet futuri.  Dan iseħħ jekk ir-rappreżentanti tal-Istati jagħrfu jitfgħu fil-ġenb l-interessi settorjali u l-ideoloġiji waqt li jfittxu bis-sinċerità s-servizz lejn il-ġid komuni» (Diskors fil-Ġ.M. 25 ta’ Settembru, 2015).

Mill-ġdid inwiegħed l-impenn tal-komunità Kattolika u tiegħi li nkomplu nitolbu u nikkollaboraw biex il-frott tal-koperazzjoni reġjonali li llum isbu t-tifisra tagħhom fi ħdan l-Unjoni Afrikana u fil-bosta ftehim ta’ kummerċ, koperazzjoni u żvilupp bejn l-Afrikani, jkunu mgħejxa bl-entużjażmu imma dejjem bl-għan li jkunu ta’ servizz għall-ġid komuni u għal ulied din l-art.

Il-Barka tal-Aktar Għoli tinżel fuq kulħadd, fuq kull wieħed u waħda minnkom u fuq il-popli tagħkom.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber