VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-KENJA, L-UGANDA U R-REPUBBLIKA TA’ L-AFRIKA ĊENTRALI

(25-30 TA’ NOVEMBRU 2015)

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Kampus ta’ l-Università ta’ Nairobi (il-Kenja)

Il-Ħamis 26 ta’ Novembru 2015

 

Il-Kelma ta’ Alla tkellimna fil-qiegħ tal-qalb tagħna.  Il-lum Alla qed jgħidilna li aħna tiegħu.  Hu ħalaqna, aħna l-familja tiegħu u Hu dejjem sa jkun preżenti għalina.  “La tibżgħux”, jgħidilna, “jien għażiltkom u nwegħidkom li nagħtikom il-barka tiegħi” (ara Is 44:2-3).

 

Din il-wegħda smajnieha fl-Ewwel Qari.  Il-Mulej jgħidilna li se jnixxi l-ilma fid-deżert, f’art niexfa; Hu jagħmel li wlied il-poplu tiegħu jwarrdu bħall-ħaxix u bħaż-żafżâf ħdejn l-ilma ġieri.  Nafu li din il-profezija twettqet bit-tiswib ta’ l-Ispirtu s-Santu f’Għid il-Ħamsin.  Imma naraw ukoll li din titwettaq kull fejn il-Vanġelu hu mxandar u ġnus ġodda jsiru membri tal-familja ta’ Alla, il-Knisja.  Il-lum nifirħu għax twettqet ukoll f’din l-art.  Bil-predikazzjoni tal-Vanġelu, aħna lkoll sirna parti mill-familja kbira Nisranija.

 

Il-profezija ta’ Isaija tistedinna nħarsu lejn il-familji tagħna u nintebħu kemm dawn huma importanti fil-pjan ta’ Alla.  Is-soċjetà Kenjana ilha żmien twil imbierka b’ħajja familjari b’saħħitha, b’rispett qawwi lejn l-għerf ta’ l-anzjani u bi mħabba lejn it-tfal.  Is-saħħa ta’ kull soċjetà dejjem tiddependi mis-saħħa tal-familji.  Għall-ġid tagħhom u tal-komunità, il-fidi fil-Kelma ta’ Alla ssejħilna nwieżnu lill-familji fil-missjoni tagħhom fi ħdan is-soċjetà, biex jilqgħu t-tfal bħala barka fuq id-dinja tagħna u jħarsu d-dinjità ta’ kull raġel u mara, għax ilkoll aħna aħwa fil-familja waħda tal-bnedmin.

 

Ubbidjenti għall-Kelma ta’ Alla, aħna msejħin ukoll nagħmlu reżistenza għall-prattiċi li jiffavorixxu l-arroganza fil-bnedmin, ifieru u jkasbru n-nisa, ma jiħdux ħsieb ta’ l-anzjani u jheddu l-ħajja ta’ l-innoċenti li għadhom anqas twieldu.  Aħna msejħin nirrispettaw lil xulxin u nagħmlu qalb wieħed lill-ieħor u nilħqu lil dawk kollha li huma fil-bżonn.  Il-familji Nsara għandhom din il-missjoni speċjali: li jdawlu bl-imħabba ta’ Alla lill-oħrajn u jsawbu l-ilma ħaj ta’ l-Ispirtu tiegħu.  Dan hu importanti b’mod partikulari l-lum, meta qed naraw joktru forom ġodda ta’ deżert, maħluqa minn kultura ta’ l-egoiżmu u ta’ l-indifferenza lejn l-oħrajn.

 

Hawn, fil-qalba ta’ din l-Università, fejn jiġu msawra l-ħsibijiet u l-qlub tal-ġenerazzjonijiet ġodda, nappella b’mod speċjali liż-żgħażagħ ta’ dan il-pajjiż.  Il-valuri kbar tat-tradizzjoni Afrikana, l-għerf u l-verità tal-Kelma ta’ Alla u l-idealiżmu ġeneruż taż-żgħożija tagħkom imexxukom fl-impenn li ssawru soċjetà li tkun dejjem iżjed ġusta, inklużiva u tirrispetta d-dinjità umana.  Ħa jkunu dejjem għal qalbkom il-ħtiġijiet tal-foqra; warrbu dak kollu li jwassal għall-preġudizzju u għad-diskriminazzjoni, għax dawn il-ħwejjeġ – dan nafuh – m’humiex ta’ Alla.

 

Ilkoll nafuha tajjeb il-parabbola ta’ Ġesù dwar ir-raġel li bena daru fuq ir-ramel minflok fuq il-blat.  Meta ħabat kontriha r-riħ, hi ġġarrfet u l-qerda tagħha kienet kbira (ara Mt 7:24-27).  Alla hu l-blata li fuqha aħna msejħin nibnu.  Dan hu jgħidhulna fl-Ewwel Qari u jitlobna: “Hemm xi alla ieħor għajri?” (Is 44:8).

 

Meta Ġesù Rxoxt jafferma, fil-Vanġelu tal-lum: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art” (Mt 28:18), qed jgħidilna li Hu nnifsu, l-Iben ta’ Alla, hu l-blata.  M’hemm ħadd barra minnU.  Feddej waħdieni tal-bnedmin, hu jixtieq jiġbed lejH irġiel u nisa ta’ kull żmien u post, biex hekk jista’ jwassalhom għand il-Missier.  Hu jrid li lkoll kemm aħna nibnu ħajjitna fuq il-bażi qawwija tal-kelma tiegħu.

 

Dan hu x-xogħol li l-Mulej jagħti lil kull wieħed u waħda minna.  Jitlobna nkunu dixxipli missjunarji, irġiel u nisa li jxerrdu l-verità, il-ġmiel u l-qawwa tal-Vanġelu li jibdel il-ħajja.  Irġiel u nisa li huma kanali tal-grazzja ta’ Alla, li jħallu l-ħniena, it-tjieba u l-verità tiegħu jsiru l-elementi li jibnu dar li tibqa’ sħiħa.  Dar li tkun fuklar, fejn l-aħwa sa fl-aħħar jistgħu jgħixu f’armonija u rispett reċiproku, f’ubbidjenza għar-rieda tal-veru Alla, li wriena, f’Ġesù, it-triq lejn dak il-ħelsien u dik il-paċi li kulħadd jixtieq.

 

Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, il-blata li fuqha nibnu l-ħajja tagħna, imexxi lilkom u lill-familji tagħkom fit-triq tat-tjieba u tal-ħniena tul ħajjitkom kollha.  Hu jbierek bis-sliem tiegħu lil dawk kollha li jgħixu fil-Kenja.

 

“Kunu sħaħ fil-fidi!  La tibżgħux!”.  Għax intom tal-Mulej.

 

Mungu awabariki! (Il-Mulej iberikkom!)

Mungu abariki Kenya! (Il-Mulej ibierek il-Kenja!)

 

Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard