Għeżież ħbieb,

Jiena grat li intom tinsabu hawn illum u  li nista’ naqsam magħkom dawn il-mumenti ta’ riflessjoni. Irrid nirringrazzja b’mod partikulari lill- Mons. Kairo, lill-Arċisqof Wabukala u lill-Professur El-Busaidy għall-kliem tagħhom ta’ merħba f’isimkom u f’isem il-komunitajiet rispettivi tagħkom.  Għalija, dejjem hu importanti li meta mmur nżur il-Kattoliċi  ta’ Knisja lokali, ikolli l-opportunita’ li niltaqa’ mal-mexxejja ta’ komunitajiet insara oħra u ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra.  It-tama tiegħi hi  li dan il-ħin tagħna flimkien ikun sinjal tal-istima  li l-Knisja għandha għas-segwaċi tar-reliġjonijiet l-oħra kollha, u  li  jkomplu jsaħħu r-rabtiet ta’ ħbiberija li ġa jeżistu bejnietna.

Biex ngħid il-verita’, ir-rabta ta’ bejnietna tpoġġi quddiemna sfidi u titlob minna wkoll.  Id-djalogu ekumeniku u interreliġjuż mhuwiex lussu. Mhuwiex xi ħaġa miżjuda jew  inkelli xi għażla, imma hu xi ħaġa essenzjali  li d-dinja tagħna miġruħa b’tant konflitti u firdiet,  teħtieġha dejjem aktar.

Fil-fatt, it-twemmin reliġjuż u l-mod kif ngħixuh iħalli  effett fuqna  u  fuq il-mod kif nifhmu d-dinja ta’ madwarna. Hu għalina għajn ta’ dawl, ta’ dehen u ta’ solidarjeta’ u b’hekk  jagħni s-soċjetajiet  li ngħixu fihom.  Meta nkunu qed  nieħdu ħsieb it-tisħiħ spiritwali tal-komunitajiet tagħna billi  niffurmaw l-imħuħ u l-qlub  bil-verita’ u bil-valuri  li jgħallmu t-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna, aħna nsiru barka għall-komunitajiet li fihom jgħixu n-nies tagħna. F’soċjeta’ demokratika u pluralistika bħalma hi  din, il-koperazzjoni bejn il-mexxejja reliġjużi u l-komunitajiet tagħhom  issir servizz importanti għall-ġid komuni.

F’dan id-dawl, u f’dinja li qed issir dejjem aktar interdipendenti,  nindunaw dejjem aktar kemm  hemm  bżonn  tal-għarfien interreliġjuż, tal-ħbiberija  u tal-kollaborazzjoni  biex niddefendu d-dinjita’ li Alla ta lil kull individwu u lil kull poplu, u d-dritt  tagħhom li jgħixu  ħielsa u kuntenti. Filwaqt li jippromwovu rispett  lejn din id-dinjita’ u lejn  dawn id-drittijiet, ir-reliġjonijiet ikunu  qed iwettqu rwol essenzjali  billi jiffurmaw il-kuxjenzi, isawbu fiż-żgħażagħ il-valuri spiritwali profondi tat-tradizzjonijiet  rispettivi tagħhom u jħejju ċittadini  tajbin li kapaċi jnaqqxu fis-soċjetajiet tagħhom  onesta’, integrita’ u viżjoni ta’ dinja li  tagħti valur  lill-persuna umana fejn jidħol il-poter u l-qligħ materjali.

Hawnhekk tiġi quddiem għajnejja l-importanza tal-konvinzjoni komuni tagħna dwar Alla li aħna lkoll nfittxu li naqdu: hu Alla tal-paċi. L-Isem qaddis tiegħu qatt m’għandu jintuża biex ikunu ġġustifikati l-mibegħda u l-vjolenza. Naf  kemm  għadha  ħajja fikom it-tifkira    tal-attakki barbari f’Westgate Mall, fil-Kulleġġ Universitarju ta’ Garissa u f’Mandera. Spiss  jiġri li żgħażagħ jitrawmu biex ikunu estremisti  f’isem ir-reliġjon ħalli jiżirgħu nuqqas ta’ qbil u biża’ u jnisslu  ġrieħi fis-soċjeta’. Kemm hu importanti li nkunu magħrufa bħala profeti tal-paċi, bħala bennejja tal-paċi, tal-armonija u tar-rispett reċiproku!  Jalla Dak li jista’ kollox  imiss il-qlub  ta’ dawk  mgħaddsa fit-twettiq ta’din il-vjolenza u jagħti l-paċi lill-familji u lill-komunitajiet tagħna.

Għeżież ħbieb, din is-sena jaħbat il-50 anniversarju mill-għeluq tal-Konċilju Vatikan II, li fih il-Knisja Kattolika ħadet l-impenn tad-djalogu ekumeniku u interreliġjuż bħala servizz għall-komprensjoni u għall-ħbiberija. Nixtieq nisħaq fuq dan l-impenn li jitwieled mill-konvinzjoni li Alla jħobb lil kulħadd u  li Hu joffri  l-fidwa lil kulħadd. Id-dinja  tassew tistenna li dawk li jemmnu jaħdmu flimkien ma’ nies ta’ rieda tajba, biex jaffrontaw il-ħafna problemi  li qed ikiddu l-familja umana. Filwaqt li nħarsu lejn il-ġejjieni, ejjew nitolbu li l-bnedmin jagħrfu li huma lkoll aħwa  ta’ xulxin u jgħixu magħqudin flimkien fil-paċi anki permezz tad-differenzi ta’ bejniethom. Ejjew nitolbu għall-paċi!

Nirringrazzjakom tal-attenzjoni tagħkom u nitlob lil Alla li jista’ kollox li jagħti lilkom u lill-komunitajiet tagħkom il-barkiet abbundanti  tiegħu.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Vivienne Attard.